BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Sala Pawlu VI

L-Erbgħa 12 ta’ Diċembru 2012

 

Is-Sena tal-Fidi. It-tappi tar-Rivelazzjoni

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-katekeżi tal-ġimgħa li għaddiet tkellimt dwar ir-Rivelazzjoni ta’ Alla bħala komunikazzjoni li Hu jagħmel tiegħu nnifsu u tal-pjan tiegħu ta’ tjieba u mħabba.  Din ir-Rivelazzjoni ta’ Alla tidħol fiż-żmien u fl-istorja tal-bnedmin: storja li ssir “il-post fejn nistgħu naraw x’għamel Alla għall-bniedem.  Alla jersaq lejna f’dawk l-affarijiet li nafuhom sewwa u nistgħu naraw malajr humiex veri jew le, għaliex huma parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, u mingħajrhom bilkemm inkunu nistgħu nifhmu lil xulxin” (Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Fides et ratio, 12).

 

L-evanġelista San Mark – kif smajna – jirrakkonta, bi kliem ċar u sintetiku, l-ewwel mumenti tal-predikazzjoni ta’ Ġesù: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet” (1:15).  Dak li jdawwal u jagħti sens sħiħ lill-istorja tad-dinja u tal-bniedem jibda jilma fl-għar ta’ Betlehem; hu l-Misteru li dalwaqt nikkontemplaw fil-Milied: is-salvazzjoni li sseħħ f’Ġesù Kristu.  F’Ġesù ta’ Nazareth, Alla jurina wiċċu u jitlob id-deċiżjoni tal-bniedem li jagħrfu u jimxi warajh.  Meta Alla jirrivela lilu nnifsu fl-istorja biex jidħol f’relazzjoni ta’ djalogu ta’ mħabba mal-bniedem, hu jagħti sens ġdid lill-mixja kollha tal-bniedem.  L-istorja m’hix sempliċement is-sekli, is-snin u l-ġranet li jgħaddu waħda wara l-oħra, imma hi ż-żmien ta’ preżenza li tagħtiha t-tifsira sħiħa tagħha u tiftaħ quddiemha tama sħiħa.

 

Fejn nistgħu naqrawhom it-tappi ta’ din ir-Rivelazzjoni ta’ Alla?  L-Iskrittura Mqaddsa hi l-post ipprivileġġjat fejn nistgħu niskopru l-ġrajjiet ta’ din il-mixja, u nixtieq għal darb’oħra nistieden lilkom ilkoll, f’din is-Sena tal-Fidi, biex tieħdu f’idejkom iktar ta’ spiss il-Bibbja ħalli taqrawha u timmeditawha u biex tagħtu attenzjoni ikbar lill-Qari tal-Quddiesa tal-Ħadd; dan kollu jifforma nutriment prezzjuż għall-fidi tagħna.

 

Aħna u naqraw it-Testment il-Qadim, nistgħu naraw kif l-indħil ta’ Alla fl-istorja tal-poplu li jagħżel għalih u li miegħu jwaqqaf patt m’hux magħmul minn fatti li jgħaddu u jintesew, imma li jsiru “memorja”, “tifkira”, u flimkien isenslu l-“istorja tas-salvazzjoni”, li tinżamm ħajja fil-kuxjenza tal-poplu ta’ Israel permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-ġrajjiet salvifiċi.  Hekk, fil-Ktieb ta’ l-Eżodu, il-Mulej juri lil Mosè kif għandu jiġi ċċelebrat il-mument kbir tal-ħelsien mill-jasar ta’ l-Eġittu, l-Għid Lhudi, b’dawn il-kelmiet: “Dak il-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira, u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej; iżżommu din l-osservanza bħala liġi għaż-żminijiet kollha li ġejjin” (12:14).  Għall-poplu kollu ta’ Israel, li jiftakar f’dak kollu li Alla għamel isir bħal obbligu dejjiemi, biex il-mixja taż-żmien tkun immarkata mit-tifkira ħajja tal-ġrajjiet ta’ l-imgħoddi, li hekk, jum wara jum, isawru mill-ġdid l-istorja u jibqgħu dejjem preżenti.  Fil-Ktieb tad-Dewteronomju, Mosè jdur fuq il-poplu u jgħidlu: “Biss iftaħ għajnejk, u oqgħod attent ħafna għalik innifsek, li ma tmurx tinsa l-ħwejjeġ li rajt b’għajnejk; tħallihomx iwarrbu minn qalbek tul il-jiem kollha ta’ ħajtek, imma għallimhom lil uliedek u ’l ulied uliedek” (4:9).  U hekk jgħid lilna wkoll: “Ħarsu sew lilkom infuskom, li ma tmorrux tinsew il-ħwejjeġ li Alla għamel magħna”.  Il-fidi hi mitmugħa mill-iskoperta u mit-tifkira ta’ Alla li jibqa’ dejjem fidil, li jmexxi l-istorja u huwa l-bażi soda u stabbli li fuqha nistgħu nibnu ħajjitna.  Anki l-innu tal-Magnificat, li l-Verġni Marija tgħolli quddiem Alla, hu eżempju l-aktar għoli ta’ din l-istorja tas-salvazzjoni, ta’ din it-tifkira li tagħmel u żżomm preżenti għalina l-għemejjel ta’ Alla.  Marija tfaħħar l-għemil kollu ħniena ta’ Alla tul il-mixja konkreta tal-poplu tiegħu, il-fedeltà li wera lejn il-wegħdiet tal-patt li għamel ma’ Abraham u nislu; u dan kollu hu tifkira ħajja tal-preżenza divina li qatt ma tiġi nieqsa (ara Lq 1:46-55).

 

Għal Israel, l-Eżodu hu l-ġrajja storika ċentrali li fiha Alla juri l-għemil qawwi tiegħu.  Alla jeħles lill-Israelin mill-jasar ta’ l-Eġittu biex jistgħu jerġgħu lura lejn l-Art Imwiegħda u jagħtuh qima bħala l-Mulej waħdieni u veru.  Israel ma jibdiex din il-mixja tiegħu sempliċement biex ikun poplu bħall-oħrajn – biex hu wkoll ikollu indipendenza nazzjonali –, imma biex jaqdi lil Alla fil-kult u fil-ħajja, biex joħloq għal Alla post fejn il-bniedem joqgħod f’ubbidjenza lejH, fejn Alla hu preżenti u jista’ jiġi meqjum fid-dinja; u, naturalment, dan mhux biss għall-poplu Lhudi, imma biex jagħtu xhieda tiegħu qalb il-ġnus l-oħra.  Iċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-ġrajja tagħmilha preżenti u attwali, għax l-għemil ta’ Alla qatt ma jonqos.  Hu jibqa’ fidil lejn il-pjan tiegħu ta’ ħelsien u jissokta jwettqu, sakemm il-bniedem jasal biex jagħraf u jaqdi lill-Mulej Alla tiegħu u jwieġeb għall-għemil tiegħu b’fidi u mħabba.

 

Mela Alla juri lilu nnifsu mhux biss fl-att primordjali tal-ħolqien, imma wkoll meta jidħol hu stess fl-istorja, fl-istorja ta’ poplu ċkejken li la kien l-ikbar wieħed fl-għadd, lanqas l-iktar wieħed b’saħħtu.  U din ir-Rivelazzjoni ta’ Alla, li tibqa miexja ’l quddiem fl-istorja, tilħaq il-qofol tagħha f’Ġesù Kristu: Alla, il-Logos, il-Kelma ħallieqa li hi fil-bidu tad-dinja, saret laħam fil-persuna ta’ Ġesù u hekk kixfet il-wiċċ veru ta’ Alla.  F’Ġesù jitwettqu l-wegħdiet kollha, fih tilħaq il-qofol tagħha l-istorja ta’ Alla mal-bnedmin.  Meta naqraw ir-rakkont li jagħtina San Luqa taż-żewġ dixxipli li kienu mexjin lejn Għemmaws, naraw joħroġ b’mod ċar kif il-persuna ta’ Kristu ddawwal lit-Testment il-Qadim, l-istorja kollha tas-salvazzjoni u turina l-pjan kbir li jgħaqqad flimkien iż-żewġ Testmenti, għax juri t-triq ta’ l-uniċità tiegħu.  Ġesù, fil-fatt, liż-żewġ vjaġġaturi mħawda u delużi jfissrilhom li fiH titwettaq kull wegħda: “U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (24:27).  L-Evanġelista jagħtina wkoll l-istqarrija taż-żewġ dixxipli meta għarfu li dak is-sieħeb tal-vjaġġ tagħhom kien il-Mulej: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” (v. 32).

 

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jiġbor fil-qosor it-tappi tar-Rivelazzjoni divina u juri b’mod sintetiku x’kien l-iżvilupp tagħhom (ara nri 54-66): Alla sa mill-bidu stieden lill-bniedem għal komunjoni intima miegħu, u anki meta l-bniedem, minħabba d-diżubbidjenza tiegħu, tilef din il-ħbiberija, Alla ma telqux għal riħu taħt is-setgħa tal-mewt, imma kemm-il darba offra lill-bnedmin il-patt tiegħu (ara Missal Ruman, Talba Ewkaristika IV).  Il-Katekiżmu jerġa’ jħares lejn il-mixja ta’ Alla mal-bniedem, mill-patt ma’ Noè wara d-dilluvju għas-sejħa lil Abraham biex jitlaq minn artu biex jagħmlu missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus.  Alla jagħġen lil Israel f’poplu magħżul għalih, permezz tal-ġrajja ta’ l-Eżodu, tal-patt tas-Sinaj, u – permezz ta’ Mosè – tad-don tal-Liġi biex Israel jagħrfu u jaqdih bħala Alla waħdu ħaj u veru.  Permezz tal-Profeti, Alla jmexxi lill-poplu tiegħu fit-tama tas-salvazzjoni.  Minn Isaija nafu li kien hemm it-“tieni Eżodu”, ir-ritorn mill-eżilju tal-Babilonja lura lejn arthom, it-twaqqif mill-ġdid tal-poplu; fl-istess waqt, imma, ħafna jibqgħu mxerrda u hekk tibda l-universalità ta’ din il-fidi.  Fl-aħħar, ma jibqgħux jistennew biss sultan, David, jew lil bin David, imma lil “Bin il-bniedem”, is-salvazzjoni tal-ġnus kollha.  Nosservaw laqgħat bejn il-kulturi, l-ewwel mal-Babilonja u s-Sirja, imbagħad anki mal-Griegi.  Hekk naraw kif il-mixja ta’ Alla titwessa’, kif tinfetaħ dejjem iżjed għall-Misteru ta’ Kristu, is-Sultan ta’ l-univers.  Fi Kristu sa fl-aħħar titwettaq ir-Rivelazzjoni fil-milja tagħha, il-pjan ta’ tjieba ta’ Alla: Hu stess isir wieħed minna.

 

Il-lum għażilt li nieqaf ftit biex infakkar dan l-għemil ta’ Alla fl-istorja tal-bniedem, biex nurikom liema kienu t-tappi ta’ dan il-pjan kbir ta’ mħabba li nsibu xhieda għalih fit-Testment il-Qadim u l-Ġdid: pjan waħdieni ta’ salvazzjoni miftuħ għall-bnedmin kollha, irrivelat u mwettaq progressivament mill-qawwa ta’ Alla, fejn Alla dejjem jirreaġixxi għar-rispons tal-bniedem, u meta l-bniedem jitlef triqtu, Hu jsib modi ġodda kif jidħol f’patt miegħu.  Dan hu fundamentali fil-mixja tal-fidi.  Qegħdin fiż-żmien liturġiku ta’ l-Avvent li jħejjina għall-Milied Imqaddes.  Kif nafu lkoll, il-kelma “Avvent” tfisser “miġja”, “preżenza”, u fil-qedem kienet tindika sewwa sew il-wasla tas-sultan jew ta’ l-imperatur fi provinċja partikulari.  Għalina l-Insara, din il-kelma tindika realtà mill-isbaħ u sorprendenti: Alla nnifsu feraq is-Sema tiegħu u tbaxxa lejn il-bniedem; waqqaf patt miegħu billi daħal fl-istorja ta’ poplu; Hu s-sultan li niżel f’din il-provinċja fqajra li hi d-dinja u tana bħala rigal taż-żjara tiegħu lilu nnifsu, billi ħa l-ġisem tagħna u sar bniedem bħalna.  L-Avvent jistedinna nterrqu mill-ġdid il-mixja ta’ din il-preżenza u jfakkarna dejjem mill-ġdid li Alla ma telaqx mid-dinja, m’hux assenti, ma ħalliniex waħidna, imma jiġi jiltaqa’ magħna b’diversi modi li rridu nitgħallmu niddixxernu.  U anki aħna, bil-fidi tagħna, bit-tama tagħna u bl-imħabba tagħna, imsejħin biex kuljum nikxfu din il-preżenza u nagħtu xhieda tagħha fid-dinja spiss superfiċjali u aljenata, biex hekk fil-ħajja tagħna jiddi mill-ġdid l-istess dawl li dawwal l-għar ta’ Betlehem.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard