BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Sala Pawlu VI

L-Erbgħa 9 ta’ Jannar 2013

 

Sar bniedem

 

Għeżież ħuti,

 

F’dan iż-żmien tal-Milied ejjew nieqfu għal darb’oħra fuq il-misteru kbir ta’ Alla li niżel mis-Sema tiegħu biex jieħu ġisem bħal tagħna.  F’Ġesù, Alla sar laħam, sar bniedem bħalna, u hekk fetħilna t-triq lejn is-Sema, lejn il-komunjoni sħiħa miegħu.

 

F’dawn il-jiem, fil-knejjes tagħna smajna tidwi iktar minn darba l-espressjoni “Inkarnazzjoni” ta’ Alla, biex tfisser il-verità li niċċelebraw fil-Milied Imqaddes: l-Iben ta’ Alla sar bniedem, kif nistqarru fil-Kredu.  Imma xi tfisser din il-kelma ċentrali għall-fidi Nisranija?  Inkarnazzjoni ġejja mil-Latin “incarnatio”.  San Injazju ta’ Antjokja – lejn tmiem l-ewwel seklu – u, fuq kollox, San Irinew użaw dan it-terminu huma u jirriflettu fuq il-Prologu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann, b’mod partikulari l-espressjoni: “U l-Verb sar laħam” (Ġw 1:14).  Hawn il-kelma “laħam”, skond l-użu tagħha fl-Għebrajk, tindika l-bniedem b’mod sħiħ, kollu kemm hu, imma sewwa sew fl-aspett tal-limitazzjoni u t-temporalità tiegħu, tal-faqar u l-kontinġenza tiegħu.  Dan biex jgħidilna li l-fidwa li ġabilna Alla li sar bniedem f’Ġesù ta’ Nazareth tmiss il-kundizzjoni umana biex tfejjaqha minn dak kollu li jifridha minnU, biex tagħtina li nsejħulu, fl-Iben Waħdieni tiegħu, bl-isem ta’ “Abbà, Missier” u nsiru tassew ulied Alla.  San Irinew jafferma: “Kien għalhekk li l-Verb sar bniedem, u l-Iben ta’ Alla sar Bin il-bniedem: biex il-bniedem, billi jidħol f’komunjoni mal-Verb u hekk jilqa’ l-filjazzjoni divina, isir iben ta’ Alla” (Adversus hæreses, 3,19,1: PG 7,939; ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 460).

 

“Il-Verb sar bniedem” hi waħda minn dawk il-veritajiet li tant drajna li kważi m’għadux jolqotna l-kobor tal-ġrajja li tesprimi.  U fil-fatt f’dan il-perjodu tal-Milied, meta din l-espressjoni tidwi spiss fil-liturġija, xi drabi iżjed nagħtu każ ta’ l-aspetti esterjuri, ta’ l-“ilwien” tal-festa, milli tal-qalba tan-novità kbira Nisranija li qed niċċelebraw: xi ħaġa li hi assolutament impensabbli, li Alla waħdu seta’ jwettaq u li nistgħu nidħlu fiha biss bil-fidi.  Il-Logos, li hu ma’ Alla, il-Logos li hu Alla, il-Ħallieq tad-dinja (ara Ġw 1:1), li bih ġie maħluq kollox (ara 1:3), li bid-dawl tiegħu sieħeb u jibqa’ jsieħeb lill-bnedmin fl-istorja (ara 1:4-5; 1:9), isir wieħed fost ħafna, jibni l-għamara tiegħu fostna, isir wieħed minna (ara 1:14).  Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II jafferma: “L-Iben ta’ Alla… ħadem bidejn ta bniedem, ħaseb bmoħħ ta bniedem, aġixxa brieda ta bniedem, ħabb bqalb ta bniedem.  Imwieled mill-Verġni Marija, sar tassew wieħed minna, jixbahna fkollox barra mid-dnub” (Kostituzzjoni Gaudium et Spes, 22).  Allura hu importanti li nerġgħu niksbu dan is-sens ta’ stagħġib quddiem dan il-misteru, inħallu l-kobor ta’ din il-ġrajja jkebbibna fih: Alla, Alla l-veru, Ħallieq ta’ kollox, mexa bħala bniedem fit-toroq tagħna, daħal fiż-żmien tal-bniedem, biex jaqsam magħna l-istess ħajja tiegħu (ara 1 Ġw 1:1-4).  U dan m’għamlux bl-isplendur ta’ sovran, li bil-qawwa tiegħu jitfa’ d-dinja taħt riġlejh, imma bl-umiltà ta’ daqsxejn ta’ tarbija.

 

Nixtieq nagħfas fuq element ieħor.  Fil-Milied Imqaddes soltu naqsmu xi rigali mal-persuni l-aktar qrib tagħna.  Kultant dan jista’ jkun ġest magħmul għax hekk soltu jsir, imma ġeneralment jesprimi affett, hu sinjal ta’ mħabba u stima.  Fit-Talba fuq l-Offerti tal-Quddiesa tas-Sebħ fis-Solennità tal-Milied, il-Knisja titlob hekk: “Ilqa’, o Missier, l-offerta tagħna f’dan il-lejl kollu dawl, u minħabba f’dan il-bdil misterjuż ta’ doni, ibdilna fi Kristu l-Iben tiegħek, li għolla lill-bniedem għall-glorja fi ħdanek”.  Il-kunċett ta’ l-għotja, allura, hu fil-qalba tal-liturġija u jrid ifakkarna fl-ewwel rigal tal-Milied: f’dak il-lejl qaddis, Alla, meta ħa l-ġisem, ried isir don għall-bnedmin, ta lilu nnifsu għalina; Alla għamel minn Ibnu l-waħdieni rigal għalina, ħa fuqu l-umanità tagħna biex jagħtina d-divinità tiegħu.  Dan hu r-rigal il-kbir.  Anki meta aħna nagħtu r-rigali lil xulxin, m’hux importanti li rigal ikun jiswa ħafna jew inqas; min m’hux kapaċi jagħti ftit minnu nnifsu, dejjem ftit wisq ikun jagħti; anzi, xi drabi nkunu nfittxu li flok il-qalb u l-impenn ta’ l-għotja tagħna nfusna, inpoġġu l-flus, ħwejjeġ materjali.  Il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni jurina li Alla m’għamilx hekk: hu ma tax xi ħaġa, imma ta lilu nnifsu f’Ibnu l-Waħdieni.  Hawn insibu l-mudell ta’ kif għandha tkun l-għotja tagħna, biex ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, speċjalment dawk l-aktar importanti, ikunu mmexxijin mill-gratwità ta’ l-imħabba.

 

Nixtieq noffrilkom riflessjoni oħra: il-fatt ta’ l-Inkarnazzjoni, ta’ Alla li jsir bniedem bħalna, jurina r-realiżmu ġdid u uniku ta’ l-imħabba divina.  L-għemil ta’ Alla, fil-fatt, ma jillimitax ruħu għall-kliem, anzi nistgħu ngħidu li Hu ma jikkuntentax ruħu bil-kliem, imma jidħol fl-istorja tagħna u jieħu fuqu l-uġigħ u t-toqol tal-ħajja umana.  L-Iben ta’ Alla sar tassew bniedem, twieled minn Marija Verġni, fi żmien u post determinat, f’Betlehem, fi żmien is-saltna ta’ l-Imperatur Awgustu, meta kien gvernatur Kirinu (ara Lq 2:1-2); kiber f’familja, kellu l-ħbieb, għaqqad grupp ta’ dixxipli, ordna lill-Appostli biex jissoktaw il-missjoni tiegħu, temm il-mixja ta’ ħajtu f’din id-dinja fuq is-salib.  Dan il-mod kif iġib ruħu Alla hu stimolu qawwi li jinterrogana dwar ir-realiżmu tal-fidi tagħna, li m’għandhiex tkun limitata għall-isfera tas-sentiment, ta’ l-emozzjonijiet, imma jeħtieġ tidħol fil-konkret ta’ l-eżistenza tagħna, jiġifieri jeħtieġ tmissilna ħajjitna ta’ kuljum u torjentaha anki b’mod prattiku.  Alla ma waqafx mal-kliem, imma wriena kif għandna ngħixu, qasam fl-istess esperjenza tagħna, minbarra fid-dnub.  Il-Katekiżmu ta’ San Piju X, li xi wħud minna studjawh meta kienu għadhom tfal, bl-essenzjalità tiegħu, għall-mistoqsija: “X’għandna nagħmlu biex ngħixu kif iridna Alla?”, jagħti din it-tweġiba: “Biex ngħixu kif iridna Alla rridu nemmnu fil-veritajiet irrivelati minnU u nosservaw il-kmandamenti tiegħu bl-għajnuna tal-grazzja tiegħu, li tinkiseb permezz tas-sagramenti u t-talb”.  Il-fidi għandha aspett fundamentali li jinteressa mhux biss lill-moħħ u lill-qalb, imma lill-ħajja kollha tagħna.

 

Fl-aħħar nett, nipproponi element ieħor għar-riflessjoni tagħkom.  San Ġwann jafferma li l-Verb, il-Logos kien sa mill-bidu ma’ Alla, u li kollox sar permezz tal-Verb u xejn minn dak li jeżisti ma sar mingħajrU (ara Ġw 1:1-3).  L-Evanġelista qed jalludi b’mod ċar għar-rakkont tal-ħolqien li jinsab fl-ewwel kapitli tal-Ktieb tal-Ġenesi, u jerġa’ jaqrah fid-dawl ta’ Kristu.  Dan hu kriterju fundamentali fil-qari tal-Bibbja minn lenti Nisranija: it-Testment il-Qadim u l-Ġdid dejjem għandhom jinqraw flimkien u, aħna u nitilqu mill-Ġdid, jinfetaħ għalina s-sens l-aktar profond anki tal-Qadim.  Dak l-istess Verb, li jeżisti sa minn dejjem għand Alla, li Hu nnifsu hu Alla u li permezz tiegħu u fid-dawl tiegħu kollox ġie maħluq (ara Kol 1:16-17), sar bniedem: Alla li kien minn dejjem u jibqa’ għal dejjem daħal fil-limitazzjoni finita umana, fil-ħlejqa tiegħu, biex ireġġa’ lura għandU lill-bniedem u lill-ħolqien kollu.  Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jafferma: “L-ewwel ħolqien isib it-tifsir u l-qofol tiegħu fil-ħolqien ġdid fi Kristu, u d-dija tiegħu hi aqwa u akbar minn dik ta’ l-ewwel ħolqien” (n. 349).  Missirijiet il-Knisja qabblu lil Ġesù ma’ Adam, hekk li sejħulu “it-tieni Adam” jew l-Adam definittiv, ix-xbieha perfetta ta’ Alla.  Bl-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla għandna ħolqien ġdid, li jagħti t-tweġiba sħiħa għall-mistoqsija: “Min hu l-bniedem?”.  F’Ġesù biss jidher fil-milja tiegħu l-pjan ta’ Alla għall-bniedem: Hu l-bniedem definittiv kif jixtiequ Alla.  Il-Konċilju Vatikan II dan jikkonfermah bil-qawwa kollha: “Fil-fatt il-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew biss fil-misteru ta’ l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem…  Kristu, Adam il-ġdid, juri għal kollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih is-sejħa l-aktar għolja tiegħu” (Kostituzzjoni Gaudium et spes, 22; ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 359).  F’dik it-tarbija, l-Iben ta’ Alla li aħna nikkontemplaw fil-Milied, nistgħu nagħrfu l-wiċċ veru, mhux biss ta’ Alla, imma l-wiċċ veru tal-bniedem; u hu biss jekk ninfetħu għall-azzjoni tal-grazzja tiegħu u nfittxu kuljum li nimxu warajh, li nistgħu nirrealizzaw il-pjan ta’ Alla għalina, għal kull wieħed u waħda minna.

 

Għeżież ħbieb, f’dan il-perjodu ejjew nimmeditaw l-għana kbir u kollu ġmiel tal-Misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, biex inħallu lill-Mulej idawwalna u jibdilna dejjem iżjed fix-xbieha ta’ Ibnu magħmul bniedem għalina.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard