BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Sala Pawlu VI

L-Erbgħa 6 ta’ Frar 2013

 

Jiena nemmen f’Alla: il-Ħallieq tas-sema u ta’ l-art, il-Ħallieq tal-bnedmin

 

Għeżież ħuti,

 

Il-Kredu, li jibda billi lil Alla jsejjaħlu “Missier li jista’ kollox”, kif diġà immeditajna l-ġimgħa l-oħra, imbagħad iżid jgħid li Hu “ħalaq is-sema u l-art”, u hekk jerġa’ jaqbad ma’ l-istqarrija li biha tiftaħ il-Bibbja.  Fl-ewwel vers ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, fil-fatt, naqraw: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art” (Ġen 1:1): hu Alla l-bidu ta’ kull ma jeżisti, u fil-ġmiel tal-ħolqien tinfetaħ quddiemna l-qawwa tiegħu li tista’ kollox ta’ Alla li jħobb.

 

Alla juri ruħu bħala Missier fil-ħolqien, għax hu għajn tal-ħajja, u, hu u joħloq, juri l-qawwa tiegħu li tista’ kollox.  Ix-xbihat li tuża l-Iskrittura Mqaddsa f’dawn ir-rigward huma qawwija ħafna (ara Is 40:12; 45:18; 48:13; Salm 104:2,5; 135:7; Prov 8:27-29; Ġob 38-39).  Ta’ Missier tajjeb u setgħan li hu, jieħu ħsieb ta’ dak li ħalaq bi mħabba u fedeltà li qatt ma jonqsu, itennulna s-salmi (ara Salm 57:11; 108:5; 36:6).  Hekk, il-ħolqien isir post li fih nistgħu nsiru nafu u nagħrfu s-setgħa bla tarf tal-Mulej u t-tjieba tiegħu, u jsir sejħa għall-fidi tagħna li nemmnu biex inxandru lil Alla bħala Ħallieq.  “Hu permezz tal-fidi”, jikteb l-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud, “li aħna nemmnu kif Alla ħoloq id-dinja bil-kelma tiegħu, hekk li minn dak li ma narawx sar dak li jidher” (11:3).  Mela l-fidi titlob li nitgħallmu nagħrfu dak li ma jidhirx billi nfittxu ħjiel tiegħu fid-dinja li tidher.  Min jemmen, jaf jaqra l-ktieb il-kbir tan-natura u jifhem il-lingwaġġ tiegħu (ara Salm 19:2-5); imma hi meħtieġa l-Kelma tar-Rivelazzjoni, li tqanqal il-fidi, biex il-bniedem jista’ jasal għall-għarfien sħiħ tar-realtà ta’ Alla bħala Ħallieq u Missier.  Hu fil-ktieb ta’ l-Iskrittura Mqaddsa li l-għerf uman jista’ jsib, fid-dawl tal-fidi, il-muftieħ ta’ interpretazzjoni biex jifhem id-dinja ta’ madwaru.  B’mod partikulari, għandu post speċjali l-ewwel kapitlu tal-Ġenesi, bil-preżentazzjoni solenni ta’ l-opra divina tal-ħolqien mifruxa fuq sebat ijiem: f’sitt ijiem Alla jwassal sa tmiemha l-opra tal-ħolqien u fis-seba’ jum, is-Sibt, jieqaf mix-xogħol kollu tiegħu u jistrieħ.  Hu jum ta’ ħelsien għal kulħadd, jum ta’ komunjoni ma’ Alla.  U hekk, b’din ix-xbieha, il-ktieb tal-Ġenesi jurina li l-ewwel ħsieb ta’ Alla kien li jsib imħabba li kapaċi twieġeb għall-imħabba tiegħu.  It-tieni ħsieb imbagħad hu li joħloq dinja materjali fejn jista’ jqiegħed din l-imħabba, dawn il-ħlejjaq li jweġbuh b’libertà.  Għalhekk, minħabba f’din l-istruttura, it-test hu mibni fuq xi ripetizzjonijiet sinifikattivi.  Għal sitt darbiet, ngħidu aħna, insibu mtennija l-frażi: “U Alla ra li kollox kien tajjeb” (vv. 4,10,12,18,21,25), biex imbagħad is-seba’ darba, wara l-ħolqien tal-bniedem, jikkonkludi hekk: “U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna” (v. 31).  Kull ma joħloq Alla hu sabiħ u tajjeb, mogħni bl-għerf u bl-imħabba; l-azzjoni ħallieqa ta’ Alla ġġib l-ordni, iddaħħal l-armonija, tagħti l-ġmiel.  Mir-rakkont tal-Ġenesi, imbagħad, joħroġ ċar li l-Mulej qed joħloq bil-kelma tiegħu: għal għaxar darbiet naqraw fit-test l-espressjoni “qal Alla” (vv. 3,6,9,11,14,20,24,26,28,29).  Hi l-kelma, il-Logos ta’ Alla, l-għerq tar-realtajiet tad-dinja, u allura meta l-Ġenesi jgħid “qal Alla”, u hekk kien, irid jagħfas fuq il-qawwa effikaċi tal-Kelma divina.  Hekk jgħanni s-Salmista: “Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom…, għax hu tkellem, u l-art saret; hu ordna, u hi twaqqfet” (33:6,9).  Tfiġġ il-ħajja, teżisti d-dinja, għax kollox jobdi lill-Kelma divina.

 

Imma l-mistqosija tagħna l-lum hi: F’din l-epoka tax-xjenza u tat-teknoloġija, għadu jagħmel sens li nitkellmu fuq il-ħolqien?  Kif għandna nifhmu r-rakkonti tal-Ġenesi?  Il-Bibbja ma tridx tkun xi manwal tax-xjenzi naturali; anzi trid tgħinna nifhmu l-verità awtentika u profonda ta’ l-affarijiet.  Il-verità fundamentali li r-rakkonti tal-Ġenesi juruna hi li d-dinja m’hix xi ġabra ta’ qawwiet waħda kontra l-oħra, imma għandha l-għerq u l-istabbiltà tagħha fil-Logos, fir-Raġuni eterna ta’ Alla, li tkompli twieżen l-univers.  Hemm pjan għad-dinja li jitwieled minn din ir-Raġuni, mill-Ispirtu ħallieq.  Jekk nemmnu li fil-bażi ta’ kollox hemm din, dan idawwal kull aspett ta’ l-eżistenza tagħna u jagħtina l-kuraġġ biex naffrontaw bil-fiduċja u t-tama l-avventura tal-ħajja.  Għalhekk, l-Iskrittura tgħidilna li fil-bidu ta’ l-eżistenza, tad-dinja, ta’ l-oriġni tagħna m’hemmx l-irrazzjonali u n-neċessità, imma r-raġuni u l-imħabba u l-libertà.  Minn hawn toħroġ l-alternattiva: jew prijorità lill-irrazzjonali, lin-neċessità, jew prijorità lir-raġuni, lil-libertà, lill-imħabba.  Aħna nemnu f’din it-tieni pożizzjoni.

 

Imma nixtieq ngħid ukoll kelma fuq dak li hu l-quċċata tal-ħolqien kollu: ir-raġel u l-mara, il-bniedem, li hu waħdu “kapaċi li jagħraf u jħobb lil Dak li ħalqu (Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 12).  Is-Salmista, meta jħares lejn is-smewwiet, jistaqsi: “Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!  X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem, biex taħseb fih?” (8:4-5).  Il-bniedem, maħluq bl-imħabba ta’ Alla, hu tabilħaqq ħaġa żgħira wisq quddiem l-immensità ta’ l-univers; xi drabi, meta ħarisna mistagħġba lejn il-meded kbar tas-smewwiet, anki aħna ntbaħna b’kemm aħna limitati.  Il-bniedem għandu fih dan il-paradoss: iċ-ċokon tagħna u l-limitazzjonijiet tagħna jgħixu flimkien mal-kobor ta’ dak li l-imħabba eterna ta’ Alla riedet għall-bniedem.

 

Ir-rakkonti tal-ħolqien fil-ktieb tal-Ġenesi jdaħħluna wkoll f’dan l-ambitu misterjuż, u jgħinuna nagħrfu l-pjan ta’ Alla għall-bniedem.  L-ewwel nett, jaffermaw li Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art (ara Ġen 2:7).  Dan ifisser li aħna m’aħniex Alla, ma sirniex waħidna, aħna ħamrija ta’ l-art; imma jfisser ukoll li aħna ġejjin mill-ħamrija t-tajba, frott il-ħidma tal-Ħallieq twajjeb.  Ma’ dan inżidu realtà oħra fundamentali: il-bnedmin kollha huma trab, lil hemm mid-distinzjonijiet maħluqa mill-kultura u l-istorja, lil hemm minn kull differenza soċjali; aħna umanità waħda magħġuna mill-istess ħamrija ta’ Alla.  Imbagħad hemm ukoll element ieħor: il-bniedem jidħol fl-eżistenza għax Alla jonfoħ nifs il-ħajja fil-ġisem imsawwar mit-trab ta’ l-art (ara Ġen 2:7).  Il-bniedem hu maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:26-27).  Allura lkoll kemm aħna nġorru fina n-nifs ta’ Alla li jagħti l-ħajja u kull ħajja umana – tgħidilna l-Bibbja – qiegħda taħt il-ħarsien partikulari ta’ Alla.  Din hi r-raġuni l-aktar profonda għall-invjolabbiltà tad-dinjità umana kontra kull tentazzjoni li tiġina li nivvalutaw il-persuna skond kriterji utilitarjanistiċi u ta’ poter.  Il-fatt li aħna maħluqa fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla mbagħad jindika li l-bniedem m’hux magħluq fih innifsu, imma jsib riferiment essenzjali f’Alla.

 

Fl-ewwel kapitli tal-ktieb tal-Ġenesi nsibu żewġ xbihat b’tifsira importanti: il-ġnien bis-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, u s-serp (ara 2:15-17; 3:1-5).  Il-ġnien jurina li r-realtà li fiha Alla poġġa lill-bniedem m’hix foresta selvaġġa, imma post biex jipproteġih, jitimgħu u jsostnih; u l-bniedem għandu jagħraf id-dinja mhux bħala propjetà li jista’ jaħtaf taħt idejh u jisfruttaha, imma bħala rigal tal-Ħallieq, sinjal tar-rieda tiegħu li ssalva, don li għandu jikkultivah u jħarsu, ikabbru u jiżviluppah bir-rispett, bl-armonija, billi jimxi mar-ritmi u l-loġika tiegħu, skond il-pjan ta’ Alla (ara Ġen 2:8-15).  Imbagħad hemm is-serp, li hu figura li ġejja mill-kulti Orjentali tal-fertilità, li lil Israel kienu jaffaxxinawh u kienu tentazzjoni kontinwa għalih biex iwarrab għall-ġenb il-patt misterjuż ma’ Alla.  F’dan id-dawl, l-Iskrittura Mqaddsa tippreżenta t-tentazzjoni li jġarrbu Adam u Eva bħala l-qalba tat-tentazzjoni u tad-dnub.  Fil-fatt araw x’jgħid is-serp!  Ma jiċħadx lil Alla, imma jqajjem mistoqsija qarrieqa: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” (Ġen 3:1).  B’dan il-mod is-serp iqanqal is-suspett li l-patt ma’ Alla hu bħal katina li torbot, li ċċaħħad mil-libertà u mill-aktar ħwejjeġ sbieħ u prezzjużi tal-ħajja.  It-tentazzjoni ssir dik li nibnu waħidna d-dinja li fiha ngħixu, li ma naċċettawx il-limitazzjonijiet tagħna bħala ħlejjaq, il-limitazzjonijiet tat-tajjeb u tal-ħażin, tal-moralità; id-dipendenza fuq l-imħabba ħallieqa ta’ Alla tibda tidher bħala toqol li wieħed għandu jeħles minnu.  Dejjem din hi l-qalba tat-tentazzjoni.  Imma meta r-relazzjoni ma’ Alla tiġi mgħawġa b’gidba, u nieħdu postu aħna, jinbidlu wkoll ir-relazzjonijiet l-oħra kollha.  B’dan il-mod, l-ieħor isir għadu, isir theddida: Adam, wara li jkun waqa’ għat-tentazzjoni, mill-ewwel jakkuża lil Eva (ara Ġen 3:12); it-tnejn li huma jistaħbew minn taħt għajnejn dak Alla li miegħu kienu jitkellmu bi ħbiberija (ara 3:8-10); id-dinja m’għadhiex iżjed dak il-ġnien li fih jgħixu fl-armonija, imma ssir post li jisfruttawh u fejn hemm mistoħbija l-perikli (ara 3:14-19); jidħlu fil-qalb tal-bniedem l-għira u l-mibegħda lejn l-ieħor: eżempju ċar hu Kajjin li joqtol lill-istess ħuh Abel (ara 4:3-9).  Huwa u jeħodha kontra l-Ħallieq tiegħu, fir-realtà l-bniedem ikun qed imur kontra tiegħu nnifsu, jiċħad l-oriġni tiegħu u allura l-verità tiegħu; u jidħol fid-dinja l-ħażen, bil-katina tqila tiegħu tat-tbatija u l-mewt.  U hekk, kull ma Alla kien ħalaq kien tajjeb, anzi, tajjeb ħafna; u wara din l-għażla ħielsa tal-bniedem għall-gidba kontra l-verità, jidħol il-ħażen fid-dinja.

 

Mir-rakkonti tal-ħolqien, nixtieq niġbed tagħlima oħra ta’ l-aħħar: id-dnub iġib id-dnub, u d-dnubiet kollha ta’ l-istorja huma marbuta bejniethom.  Dan l-aspett iwassalna biex nitkellmu dwar dak li jissejjaħ id-“dnub oriġinali”.  Liema hi t-tifsira ta’ din ir-realtà, hekk diffiċli biex nifhmuha?  Nixtieq biss nagħti ftit punti.  Qabel xejn għandna nqisu li l-ebda bniedem m’hu magħluq fih innifsu, ħadd ma jista’ jgħix biss bih innifsu u għalih innifsu; aħna nirċievu l-ħajja mill-ieħor, u dan mhux biss fil-waqt tat-twelid, imma kuljum.  Il-bniedem hu relazzjoni: jiena jien innifsi biss fl-int u permezz ta’ l-int, fir-relazzjoni ta’ l-imħabba ma’ l-Int ta’ Alla u l-int ta’ l-oħrajn.  Għalhekk, id-dnub ifisser li xxekkel jew teqred ir-relazzjoni ma’ Alla, din hi l-essenza tiegħu: li teqred ir-relazzjoni ma’ Alla, ir-relazzjoni fundamentali, u tpoġġi int fil-post ta’ Alla.  Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna li bl-ewwel dnub tiegħu, il-bniedem “għażel lilu nnifsu flok Alla, flok dak li kienet titlob minnu l-qagħda tiegħu ta’ maħluq, u għalhekk ukoll flok il-ġid propju tiegħu” (nru 398).  Issa li ġiet imfixkla r-relazzjoni fundamentali, jinsabu f’riskju jew inqerdu wkoll it-truf l-oħra tar-relazzjoni; id-dnub jeqred ir-relazzjonijiet, mela jeqred kollox, għax aħna relazzjoni.  Issa, jekk l-istruttura relazzjonali ta’ l-umanità hi mġarrba sa mill-bidu, kull bniedem jiġi f’dinja mmarkata minn dan it-tifrik tar-relazzjonijiet, jidħol f’dinja mħarbta mid-dnub, li minnu jiġi mmarkat b’mod personali; id-dnub tal-bidu jhedded u jidrob in-natura umana (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 404-406).  U l-bniedem waħdu, wieħed waħdu, ma jistax joħroġ minn din is-sitwazzjoni, ma jistax jifdi lilu nnifsu waħdu; il-Ħallieq innifsu biss jista’ jġedded ir-relazzjonijiet it-tajba.  Huwa biss jekk Dak li minnu tbegħidna, jiġi għandna u jżommilna jdejna bi mħabba, li r-relazzjonijiet tajba jistgħu jiġu meħjuta flimkien mill-ġdid.  Dan iseħħ f’Ġesù Kristu, li jaqbad eżattament it-triq bil-kontra ta’ dik ta’ Adam, kif ifissrilna l-innu fit-tieni kapitlu ta’ l-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin (2:5-11): fil-waqt li Adam ma jagħrafx li hu ħlejqa u jrid joqgħod hu fil-post ta’ Alla, Ġesù, l-Iben ta’ Alla, jinsab f’relazzjoni filjali perfetta mal-Missier, jitbaxxa, isir l-ilsir, jimxi t-triq ta’ l-imħabba billi jiċċekken sal-mewt tas-salib, biex jerġa’ jqiegħed fl-ordni r-relazzjonijiet ma’ Alla.  Is-Salib ta’ Kristu b’hekk isir is-siġra l-ġdida tal-ħajja.

 

Għeżież ħuti, ngħixu bil-fidi jfisser nagħrfu l-kobor ta’ Alla u naċċettaw iċ-ċokon tagħna, il-kundizzjoni tagħna ta’ ħlejjaq, u nħallu lill-Mulej jiksiha bl-imħabba tiegħu, u b’hekk jogħla ’l fuq il-veru kobor tagħna.  Il-ħażen, bit-toqol tiegħu ta’ wġigħ u tbatija, hu misteru li jiddawwal mill-fidi, li tagħtina ċ-ċertezza li nistgħu ninħelsu: iċ-ċertezza li hi ħaġa tajba li tkun bniedem.

  

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard