BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Sala Pawlu VI

L-Erbgħa 5 ta’ Diċembru 2012

 

Is-Sena tal-Fidi. Alla juri “il-pjan tat-tjieba” tiegħu

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-ftuħ ta’ l-Ittra tiegħu lill-Insara ta’ Efesu (ara 1:3-14), l-Appostlu Pawlu jgħolli ’l fuq talba ta’ barka lil Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, li l-lum tintroduċina biex ngħixu żmien l-Avvent, fil-kuntest tas-Sena tal-Fidi.  Is-suġġett ta’ dan l-innu ta’ tifħir hu l-pjan ta’ Alla għall-bniedem, imfisser minn Pawlu, bi kliem mimli ferħ, stagħġib u radd il-ħajr, bħala “pjan ta’ ġid” (v. 9), ta’ ħniena u ta’ mħabba.

 

Għaliex l-Appostlu jgħolli minn qiegħ qalbu din il-barka quddiem Alla?  Għax hu jħares lejn kif Alla mexa fl-istorja tas-salvazzjoni, li laħqet il-qofol tagħha fl-Inkarnazzjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù, u jikkontempla kif il-Missier tas-Sema għażilna sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu wlied adottivi tiegħu, f’Ibnu l-Waħdieni, Ġesù Kristu (ara Rum 8:14s; Gal 4:4s).  Aħna ilna neżistu fil-ħsieb ta’ Alla sa mill-eternità, fi pjan kbir li Alla żamm fih innifsu u li għażel li jwettqu u jirrivelah “fil-milja taż-żminijiet” (ara Efes 1:10).  Għalhekk San Pawl jgħinna nifhmu kif il-ħolqien kollu, u l-bniedem (raġel u mara) b’mod partikulari, m’hux frott ta’ xi kumbinazzjoni, imma jwieġeb għal pjan ta’ ġid li ġej mir-raġuni eterna ta’ Alla li bil-qawwa ħallieqa u feddejja tal-Kelma tiegħu jagħti bidu lid-dinja.  Din l-ewwel affirmazzjoni tfakkarna li l-vokazzjoni tagħna m’hix sempliċement li neżistu fid-dinja, li nkunu parti minn storja, u lanqas hi biss li nkunu ħolqien ta’ Alla; hi xi ħaġa bil-wisq ikbar minn hekk: hi li ġejna magħżula minn Alla, diġà sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, fl-Iben, Ġesù Kristu.  Fih, għalhekk, aħna, biex ngħidu hekk, diġà neżistu sa minn dejjem.  Fi Kristu, Alla jikkontemplana bħala wlied adottivi tiegħu.  Il-“pjan ta’ tjieba” ta’ Alla, li l-Appostlu jsejjaħlu wkoll “pjan ta’ mħabba” (Efes 1:4-5), hu definit bħala “il-misteru” tar-rieda divina (v. 9), moħbi u issa muri fil-Persuna u fl-għemil ta’ Kristu.  L-inizjattiva divina tiġi qabel kull tweġiba umana: hi rigal b’xejn ta’ mħabbtu li fiha jgeżwirna u biha jibdilna.

 

Imma liema hu l-għan aħħari ta’ dan il-pjan misterjuż?  X’inhi l-qalba tar-rieda ta’ Alla?  Hi – jgħidilna San Pawl – “li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu” (v. 10).  F’din l-espressjoni nsibu waħda mill-formulazzjonijiet ċentrali tat-Testment il-Ġdid li jgħinuna nifhmu l-pjan ta’ Alla, il-proġett ta’ mħabbtu għall-bnedmin kollha, formulazzjoni li, fit-tieni seklu, San Irinew ta’ Lyons qegħidha bħala l-qalba tal-Kristoloġija tiegħu: “rikapitulazzjoni” tar-realtà kollha fi Kristu.  Forsi xi wħud fostkom jiftakru l-formula użata mill-Papa San Piju X għall-konsagrazzjoni tad-dinja kollha lill-Qalb Qaddisa ta’ Ġesù: “Instaurare omnia in Christo”, formula li tfakkarna f’din l-espressjoni Pawlina u li kienet ukoll il-motto ta’ dan il-Papa qaddis.  L-Appostlu, imma, jitkellem b’mod iżjed preċiż dwar rikapitulazzjoni ta’ l-univers fi Kristu, u dan ifisser li fil-pjan kbir tal-ħolqien u ta’ l-istorja, Kristu jogħla ’l fuq bħala l-qalba tal-mixja sħiħa tad-dinja, il-fus ta’ kollox, li jiġbed lejh ir-realtà kollha, biex jissupera kull ma hu mxerred u limitat, u jwassal kollox għall-milja mixtieqa minn Alla (ara Efes 1:23).

 

Dan il-“pjan ta’ tjieba” ma baqax, biex ngħidu hekk, fis-skiet ta’ Alla, fl-għoli tas-Sema tiegħu, imma Hu għarrafhulna għax daħal f’relazzjoni mal-bniedem, u lil dan ma wriehx biss xi ħaġa, imma Lilu nnifsu.  Hu mhux sempliċement għaddielna ġabra ta’ veritajiet, imma lilu nnifsu, sa ma sar hu stess wieħed minna, billi sar bniedem.  Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, fil-Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum, jgħid: “Fit-tjieba u l-għerf tiegħu Alla għoġbu jirrivela lilu nnifsu [mhux biss xi ħaġa minn nnifsu, imma lilu nnifsu] u jgħarraf il-misteru tar-rieda tiegħu (ara Efes 1:9) li bih il-bnedmin, permezz ta’ Kristu, il-Verb magħmul bniedem, fl-Ispirtu s-Santu jistgħu jersqu lejn il-Missier u jkollhom sehem min-natura ta’ Alla (ara Efes 2:18; 2 Pt 1:4)” (n. 2)Alla mhux biss ilissen xi ħaġa, imma jagħtina lilu nnifsu, jiġbidna lejh fin-natura divina tiegħu biex aħna nsiru parti minnha, niġu divinizzati.  Alla juri l-pjan kbir ta’ mħabbtu meta jidħol f’relazzjoni mal-bniedem, jersaq lejh sal-punt li jsir Hu stess bniedem.  Il-Konċilju jkompli jgħallem: “Alla li ma jidhirx (ara Koħ 1:15; 1 Tim 1:17) fl-imħabba kbira tiegħu jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb (ara Eż 33:11; Ġw 15:14-15) u jgħix magħhom (ara Bar 3:38) biex jistedinhom u jdaħħalhom f’għaqda miegħu” (ibidem).  Bl-għerf u bil-kapaċitajiet tiegħu biss, il-bniedem ma kienx ikun jista’ jilħaq din ir-rivelazzjoni kollha dawl ta’ l-imħabba ta’ Alla; hu Alla nnifsu li feraq is-Sema tiegħu u tbaxxa biex imexxi lill-bniedem lejn l-abbiss ta’ mħabbtu.

 

Mill-ġdid San Pawl, meta jikteb lill-Insara ta’ Korintu: “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh.  Alla rrivelahulna permezz ta’ l-Ispirtu; għax l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla” (2:9-10).  U San Ġwann Griżostmu, f’waħda mill-paġni ċelebri tiegħu fejn jikkummenta dwar il-ftuħ ta’ l-Ittra lill-Efesin, b’dan il-kliem jistedinna niggustaw il-ġmiel kollu ta’ dan il-“pjan ta’ tjieba” ta’ Alla muri fi Kristu: “X’jonqsok iżjed?  Sirt immortali, sirt ħieles, sirt iben, sirt ġust, sirt ħu, sirt werriet, issaltan ma’ Kristu, ma’ Kristu int igglorifikat.  Kollox ġie mogħti lilna u – kif hu miktub – ‘kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?’ (Rum 8:32).  L-ewwel frott tiegħek (ara 1 Kor 15:20,23) hu meqjum mill-anġli […]: x’jista’ jonqsok?” (PG 62:11).

 

Din il-komunjoni fi Kristu, bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, li Alla joffriha lill-bnedmin kollha permezz tad-dawl tar-Rivelazzjoni tiegħu, m’hix xi ħaġa li tiġi biex tgħabbi iżjed l-umanità tagħna, imma hi t-twettiq sħiħ tax-xewqat l-iżjed profondi, ta’ dik ix-xewqa għall-infinit u għall-milja ta’ l-eżistenza li hemm tgħammar f’qalb il-bniedem, u issa tiftħu għal ferħ li ma jibqax biss għal ftit taż-żmien u hu limitat, imma għal wieħed li jibqa’ għal dejjem.  San Bonaventura ta’ Bagnoregio, meta jirriferi għal Alla li jirrivelalna ruħu u jkellimna permezz ta’ l-Iskrittura biex jiġbidna lejh, jafferma hekk: “L-Iskrittura Mqaddsa hi […] il-ktieb li fih hemm imniżżel il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem għax, mhux biss nemmnu, imma għandna f’idejna l-ħajja ta’ dejjem, li fiha għad naraw, inħobbu u jitwettqu x-xewqat kollha tagħna” (Breviloquium, Prol.; Opera Omnia V, 201s).  Fl-aħħar nett, il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II fakkarna li “ir-Rivealazzjoni daħħlet fil-ġrajja tal-bniedem mument li l-bniedem ma jistax jgħaddi mingħajru, jekk irid jasal biex jifhem il-misteru tal-ħajja tiegħu; min-naħa l-oħra, it-tagħrif ta’ dan il-mument għandu relazzjoni dejjem sejra mal-misteru ta’ Alla, li l-moħħ tal-bniedem qatt ma jista’ jasal biex jifhmu kollu kemm hu, iżda jista’ jarah u jħaddnu bil-fidi” (Enċiklika Fides et ratio, 14).

 

F’din il-perspettiva, mela, x’inhu tabilħaqq l-att tal-fidi?  Hu t-tweġiba tal-bniedem għar-Rivelazzjoni ta’ Alla, li jgħarrafna min hu, jurina l-pjan ta’ tjubitu; biex ninqdew b’espressjoni ta’ Santu Wistin, ifisser li nħallu taħtafna l-Verità li hi Alla, Verità li hi Mħabba.  Għalhekk San Pawl ifakkarna kif Alla, li wriena l-misteru tiegħu, jistenna minn għandna “l-ubbidjenza tal-fidi” (Rum 16:26; ara 1:5; 2 Kor 10:5-6), l-atteġġjament li bih “il-bniedem jerħi ruħu kollu kemm hu liberament f’idejn Alla billi ‘lil Alla li jirrevela ruħu, jagħtih, għax irid, il-qima kollha ta’ l-intellett u tar-rieda’, u  jilqa’ bil-qalb ir-rivelazzjoni mogħtija minnu” (Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum, 5).  Dan kollu jwassal għal bidla fundamentali fil-mod kif inġibu ruħna mar-realtà kollha; kollox jidhirlna f’dawl ġdid, għalhekk isseħħ “konverżjoni” vera, il-fidi hi “bidla fil-mentalità”, għax dak Alla li wera lilu nnifsu fi Kristu u għarrafna l-pjan ta’ mħabbtu, jaħtafna fih, jiġbidna lejh, isir it-tifsira li tħaddan il-ħajja kollha, il-blata li fuqha din tista’ ssib stabbiltà.  Fit-Testment il-Qadim insibu espressjoni qawwija dwar il-fidi, li Alla jafda f’idejn il-profeta Isaija biex dan iwassalha lis-Sultan ta’ Ġuda, Aħaż.  Alla jafferma: “Jekk ma temmnux – jiġifieri jekk ma tibqgħux fidili lejn Alla – ma tibqgħux sħaħ” (Is 7:9b).  Teżisti għalhekk rabta bejn li tkun u li tifhem, li tesprimi tajjeb kif il-fidi tikkonsisti f’li nilqgħu f’ħajjitna l-viżjoni ta’ Alla dwar ir-realtà, inħallu lil Alla jmexxina bil-Kelma u bis-Sagramenti tiegħu biex nifhmu x’għandna nagħmlu, liema hi l-mixja li jeħtieġ nimxu, kif għandna ngħixu.  Fl-istess waqt, imma, hu sewwa sew meta nifhmu skond kif irid Alla, meta nħarsu bl-istess għajnejn tiegħu, li ħajjitna tibqa’ sħiħa, li nżommu “fuq riġlejna” u ma naqgħux.

 

Għeżież ħbieb, l-Avvent, iż-żmien liturġiku li għadna kemm bdejna u li jħejjina għall-Milied Imqaddes, iqegħidna quddiem il-misteru kollu dawl tal-miġja ta’ l-Iben ta’ Alla, quddiem il-“pjan kbir ta’ tjieba” li bih Hu jrid jiġbidna lejh, biex ngħixu f’komunjoni sħiħa ta’ ferħ u ta’ paċi miegħu.  L-Avvent jistedinna mill-ġdid, qalb tant diffikultajiet, biex inġeddu ċ-ċertezza tagħna li Alla hu preżenti: Hu daħal fid-dinja, sar bniedem bħalna, biex iwasslilna fil-milja tiegħu l-pjan ta’ mħabbtu.  U Alla jitlob minna li anki aħna nsiru sinjal ta’ l-azzjoni tiegħu fid-dinja.  Permezz tal-fidi tagħna, tat-tama tagħna, ta’ l-imħabba tagħna, Hu jrid jidħol dejjem mill-ġdid fid-dinja u dejjem mill-ġdid irid jixgħel il-lejl tagħna bid-dawl tiegħu.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard