BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Sala Pawlu VI

L-Erbgħa 2 ta’ Jannar 2013

 

U ħa l-ġisem bis-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu

 

Għeżież ħuti,

 

It-Twelid tal-Mulej għal darb’oħra qed jerġa’ jdawwal bid-dija tiegħu d-dlamijiet li spiss idawru d-dinja tagħna u l-qalb tagħna, u jġib it-tama u l-ferħ.  Minn fejn ġej dan id-dawl?  Mill-għar ta’ Betlehem, fejn ir-rgħajja sabu lil “Marija u ’l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura” (Lq 2:16).  Quddiem din il-Familja Mqaddsa titfaċċa mistoqsija oħra u iktar profonda: kif jista’ jkun li din it-Tarbija ċkejkna u dgħajfa ġabet magħha novità hekk radikali fid-dinja li tista’ tibdel il-mixja ta’ l-istorja?  Forsi m’hemmx xi ħaġa misterjuża fl-oriġni tagħha li tmur lil hemm minn dak l-għar?

 

Hekk titfaċċa dejjem mill-ġdid il-mistoqsija dwar l-oriġni ta’ Ġesù, l-istess waħda li kien għamel il-Prokuratur Ponzju Pilatu waqt il-proċess: “Int mnejn int?” (Ġw 19:9).  U safrattant, l-oriġni hi ċara.  Fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, meta l-Mulej jistqarr: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”, il-Lhud iwieġbu lura billi jgorru bejniethom: “Dan m’huwiex Ġesù bin Ġużeppi?  Lil missieru ul ommu ma nafuhomx?  Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema’? (Ġw 6:42).  U ftit wara, iċ-ċittadini ta’ Ġerusalemm jeħduha bil-qawwa kontra l-pretensjoni ta’ Ġesù li hu l-Messija, u jaffermaw li jafu sew dan “minn fejn hu; il-Messija, meta jiġi, ħadd ma jkun jaf minn fejn ikun ġej (Ġw 7:27).  Ġesù nnifsu josserva kemm hi żbaljata l-pretensjoni tagħhom li jafu l-oriġni tiegħu, u b’dan joffrilna diġà orjentament biex insiru nafu mnejn hu ġej: “Jiena ma ġejtx minn rajja, imma hemm wieħed tassew li bagħatni, wieħed li intom ma tafuhx (Ġw 7:28).  Hu minnu li Ġesù hu minn Nazaret, u twieled f’Betlehem, imma x’nafu dwar il-vera oriġni tiegħu?

 

Fl-erba’ Vanġeli toħroġ b’ċarezza t-tweġiba għall-mistoqsija dwar “mnejn” ġej Ġesù: l-oriġni vera tiegħu hi l-Missier, Alla; Hu ġej kollu kemm hu minnU, imma b’mod differenti minn kull profeta jew mibgħut ta’ Alla li ġie qablu.  Din l-oriġni mill-misteru ta’ Alla, “li ħadd ma jaf”, diġà nsibuha fir-rakkonti ta’ l-infanzja tal-Vanġeli ta’ Mattew u ta’ Luqa, li qed naqraw f’dan iż-żmien tal-Milied.  L-anġlu Gabrijel iħabbar: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek.  U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1:35).  Dawn il-kelmiet intennuhom kull darba li nistqarru l-Kredu, l-Istqarrija tal-Fidi: et incarnatus est de Spiritu Sancto, ex Maria Virgine, “u ħa l-ġisem bis-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni”.  Għal din il-frażi ninżlu għarkubbtejna għax il-velu li kien jaħbi lil Alla, issa, biex ngħidu hekk, jinkixef u l-misteru tiegħu li ħadd ma jista’ jifhem u hu inaċċessibbli, issa jmiss magħna: Alla jsir l-Għimmanu-El, “Alla magħna”.  Meta nisimgħu l-kompożizzjonijiet tal-Quddies ta’ mgħallmin kbar tal-mużika sagra – tiġini f’moħħi, ngħidu aħna, il-Quddiesa ta’ l-Inkurunazzjoni ta’ Mozart – mill-ewwel ninnotaw kif dawn jieqfu b’mod partikulari fuq din il-frażi, donnhom iridu jfittxu kif jesprimu bil-lingwaġġ universali tal-mużika dak li l-kliem ma jistax jimmanifesta: il-misteru kbir ta’ Alla li jieħu l-ġisem, isir bniedem.

 

Jekk nikkunsidraw b’attenzjoni l-espressjoni “ħa l-ġisem bis-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni”, insibu li din tinkludi erba’ suġġetti li qed jaġixxu.  B’mod espliċitu jissemmew l-Ispirtu s-Santu u Marija, imma hemm indikat ukoll “Hu”, jiġifieri l-Iben, li ħa l-ġisem fil-ġuf tal-Verġni.  Fl-Istqarrija tal-Fidi, il-Kredu, Ġesù hu definit b’bosta titli: “Mulej,… Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla… Alla minn Alla, Dawl minn Dawl, Alla veru minn Alla veru… natura waħda mal-Missier” (Kredu ta’ Nicea-Kostantinopli).  Mela qed naraw li “Hu” imexxina għal għand persuna oħra, dik tal-Missier.  Mela l-ewwel suġġett ta’ din il-frażi hu l-Missier li, ma’ l-Iben u ma’ l-Ispirtu s-Santu, hu Alla wieħed.

 

Din l-affermazzjoni tal-Kredu ma tittrattax l-essri etern ta’ Alla, imma iktar tkellimna dwar azzjoni li fiha jieħdu sehem it-tliet Persuni divini u li titwettaq ex Maria Virgine.  Mingħajrha, ma kienx jasal biex jitwettaq id-dħul ta’ Alla fl-istorja tal-bnedmin u ma kienx iseħħ dak li hu ċentrali għall-Istqarrija tal-Fidi tagħna: Alla hu Alla magħna.  Hekk Marija b’mod inevitabbli tagħmel parti mill-fidi tagħna f’Alla li jaġixxi, li jidħol fl-istorja.  Hi tqiegħed għad-dispożizzjoni l-persuna kollha tagħha, “taċċetta” li ssir post fejn jgħammar Alla.

 

Xi drabi, anki fil-mixja u fil-ħajja tal-fidi, nistgħu nintebħu bil-faqar tagħna, bin-nuqqas ta’ kapaċità tagħna quddiem ix-xhieda li għandna noffru lid-dinja.  Imma Alla għażel propju xebba umli, f’raħal mhux magħruf, f’waħda mill-provinċji l-aktar imbiegħda ta’ l-Imperu kbir Ruman.  Dejjem, anki qalb l-eqqel diffikultajiet li rridu nħabbtu wiċċna magħhom, jeħtieġ li jkollna fiduċja f’Alla, inġeddu l-fidi tagħna fil-preżenza u l-azzjoni tiegħu fl-istorja tagħna, kif kien f’dik ta’ Marija.  Xejn m’hu impossibbli għal Alla!  Miegħu l-eżistenza tagħna timxi dejjem fuq art żgura u hi miftuħa għal futur ta’ tama sħiħa.

 

Meta fil-Kredu nistqarru: “ħa l-ġisem bis-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni”, inkunu naffermaw li l-Ispirtu s-Santu, bħala qawwa li ġejja minn Alla l-Għoli, ħadem b’mod misterjuż fil-Verġni Marija t-tnissil ta’ l-Iben ta’ Alla.  L-evanġelista Luqa jippreżentalna l-kelmiet ta’ l-arkanġlu Gabrijel: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek” (1:35).  F’din il-frażi huma evidenti żewġ riferenzi għal ġrajjiet li ġew qabel: l-ewwel waħda hi l-mument tal-ħolqien.  Fil-bidu tal-Ktieb tal-Ġenesi naqraw li “fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla” (1:2); dan hu l-Ispirtu ħallieq li ta l-ħajja lill-ħwejjeġ kollha u lill-bniedem.  Dak li jseħħ f’Marija, bl-intervent ta’ l-istess Spirtu divin, hu ħolqien ġdid: Alla, li mix-xejn sejjaħ lill-bniedem fl-eżistenza, bl-Inkarnazzjoni jagħti l-ħajja lil bidu ġdid għall-umanità.  Il-Missirijiet tal-Knisja iżjed minn darba jitkellmu dwar Kristu bħala Adam il-ġdid, biex jagħfsu fuq dan il-bidu tal-ħolqien ġdid fit-twelid ta’ l-Iben ta’ Alla fil-ġuf tal-Verġni Marija.  Dan jgħinna nirriflettu fuq kif il-fidi anki fina ġġib novità hekk qawwija li tipproduċi twelid ġdid.  Fil-fatt, fil-bidu tal-ħajja Nisranija tagħna hemm il-Magħmudija li tnissilna mill-ġdid bħala wlied Alla, iddaħħalna nieħdu sehem fir-relazzjoni ta’ Iben li Ġesù għandu mal-Missier.  U hawn nixtieq infakkar li l-Magħmudija nirċevuha, aħna “niġu mgħammda” – il-verb hu fil-passiv – għax ħadd m’hu kapaċi jsir iben ta’ Alla bil-qawwa tiegħu nnifsu: hu don li jingħatalna b’xejn.  San Pawl ifakkar f’din l-adozzjoni ta’ wlied li għandhom l-Insara f’parti ċentrali ta’ l-Ittra tiegħu lir-Rumani, fejn jikteb: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.  Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abbà!  Missier!’.  Dan l-Ispirtu jixhed flimkien ma’ l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla” (8:14-16), u mhux qaddejja.  Hu biss jekk, bħal Marija, ninfetħu għall-intervent ta’ Alla, hu biss jekk nafdaw ħajjitna f’idejn il-Mulej bħalma nagħmlu ma’ ħabib li nafdaw fih għal kollox, li kollox jinbidel u ħajjitna tikseb sens ġdid u wiċċ ġdid: dak ta’ wlied Missier li jħobbna u ma jitlaqna qatt waħidna.

 

Tkellimt dwar żewġ elementi: l-ewwel element ta’ l-Ispirtu fuq l-ilmijiet, l-Ispirtu Ħallieq; hemm element ieħor fil-kelmiet tat-Tħabbira.

 

L-anġlu jgħid lil Marija: “Il-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek”.  Dan ifakkarna fis-sħaba qaddisa li, tul il-mixja ta’ l-eżodu, waqfet fuq it-Tinda tal-Laqgħa, fuq l-Arka tal-Patt, li l-poplu ta’ Israel ġarr miegħu, u li kienet tindika l-preżenza ta’ Alla (ara Eż 40:40,34-38).  Għalhekk, Marija hi t-Tinda Qaddisa l-ġdida, l-Arka l-ġdida tal-Patt: bl-“iva” tagħha għall-kelmiet ta’ l-arkanġlu, Alla jsib fejn jgħammar f’din id-dinja, Dak li lanqas l-univers kollu ma jesgħu jagħmel l-għamara tiegħu fil-ġuf ta’ verġni.

 

Nerġgħu lura, għalhekk, lejn l-argument li minnu tlaqna, dak dwar l-oriġni ta’ Ġesù, miġbur fil-qosor fil-mistoqsija ta’ Pilatu: “Int mnejn int?”.  Mir-riflessjonijiet tagħna joħroġ ċar, sa mill-bidu tal-Vanġeli, liema hi l-oriġni vera ta’ Ġesù: Hu l-Iben Waħdieni tal-Missier, ġej minn Alla.  Ninsabu hawn quddiem il-misteru kbir u ta’ l-għaġeb li qed niċċelebraw f’dan iż-żmien tal-Milied: l-Iben ta’ Alla, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, ħa l-ġisem fil-ġuf tal-Verġni Marija.  Din hi tħabbira li ddoqqilna dejjem ġdida u li ġġorr fiha tama u ferħ għall-qlub tagħna, għax kull darba tagħtina mill-ġdid iċ-ċertezza li, anki jekk spiss inħossuna dgħajfa, foqra, mhux kapaċi quddiem id-diffikultajiet u l-ħażen tad-dinja, il-qawwa ta’ Alla dejjem taħdem u tagħmel l-għeġubijiet sewwa sew permezz tad-dgħajjef.  Il-grazzja tiegħu hi l-qawwa tagħna (ara 2 Kor 12:9-10).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard