a. Introduzzjoni għat-Teoloġija tal-Ġisem

 

L-isem tal-Papa Ġwanni Pawlu II huwa marbut mat-Teoloġija tal-Ġisem. Għal diversi raġunijiet il-ġisem għandu mportanza mill-aktar kbira fil-kultura ta’ żmienna. Kien għalhekk li l-Papa Pollakk ħa dan l-ispunt kulturali u, fi djalogu mal-kultura ta’ żmienna, niseġ il-viżjoni Bibblika u t-Tradizzjoni Kattolika rigward il-ġisem tal-bniedem.

 

Il-libertà, il-verità, id-don, il-komunjoni, id-dinjità, l-imħabba, il-persuna, it-tifsira, kollha huma temi spissi fil-kitbiet tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Kienu hemm qabel ġie elett Papa. Bħala Kardinal, kitbiet Karol Wojtyla kien influwenzati mhux ftit mill-għadd ta’ dokumenti tal-Konċilju Vatikan II, l-aktar mill-Gaudium et Spes, il-Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fid-Dinja Moderna. Fil-fatt, il-kwotazzjonijiet meħuda mill-Gaudium et Spes jimlew u jinfurzaw l-għadd ġmielu ta’ enċikliċi u ittri appostoliċi li kiteb. “Il-bniedem … huwa l-ħlejqa waħdanija li Alla ried għalih nnifisu, ġu huħ ma jistax isib sewwa lilu nnifsu ħlief billi sinċerament jagħmel don tiegħu nnifsu” (§ 24).

 

Biex ngħixu ħajjitna bil-kotra bħala bnedmin jeħtieġ li l-ewwelnett inkunu nafu l-għan ta’ l-eżiżtenza tagħna u dak li għalih ġejna maħluqa. Papa Ġwanni Pawlu II jesplora l-għan ta’ l-eżiżtenza tagħna fit-Teoloġija tal­-Ġisem, li tikkonsisti f’129 katekeżi li hu ta fl-Udjenzi Ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa tul l-ewwel ħames snin tal-Pontifikat tiegħu.  

 

Qabel ma ġie elett Papa, Ġwanni Pawlu II kiteb il-ktieb L-imħabba u r-Responsabbiltà. F’dan il-ktieb Karol Wojtyla jippreżenta t-tagħlim tal-Knisja Kattolika fuq l-imħabba u s-sesswalità b’mod li jinftiehem mill-bniedem tallum. Wojtyla jisħaq fuq id-dinjità tal-persuna u juri kemm hu mportanti li ngħixu s-sesswalità tagħna b’mod li jiddefendi u jafferma lill-persuna l-oħra. Tant hu hekk li l-maħbub veru qatt ma juża jew iqis lill-persuna l-oħra bħala mezz għall-fini ta’ rasu. Fit-Teoloġija tal-Ġisem, Ġwanni Pawlu II jinżel fil-qalba tat-tifsira li tkun bniedem taħt il-lenti ta’ l-Iskrittura Mqaddsa. Bħala persuni mżejna b’ġisem u ruħ, maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla, aħna nsibu t-tifsira ta’ ħajjitna meta nsibu xi tfisser li nsiru nixbħu lil Alla u kif il-ġisem tagħna jwassalna għal dan.

 

Aħna xbieha ta’ Alla mhux biss permezz tal-libertà li nħaddnu imma wkoll meta nidħlu f’komunjoni ma’ l-oħrajn. Fil-katekeżi ta’ l-14 ta’ Novembru 1979, il-Papa qal: “Li tkun bniedem tfisser li tkun imsejjaħ għall-komunjoni interpersonali”. Għaliex? Għaliex Alla nnifsu huwa komunjoni ta’ persuni fit-Trinità. Jissokta Ġwanni Pawlu II: “Il-bniedem sar ‘xbieha’ ta’ Alla mhux biss permezz ta’ l-umanità tiegħu imma wkoll permezz tal-komunjoni tal-persuni li r-raġel u l-mara jiffurmaw mill-bidu”.

 

Il-“komunjoni tal-persuni” isseħħ meta tnejn minn nies jagħtu lilhom infushom u jilqgħu lil xulxin fl-imħabba b’mod ħieles. Fil-fatt, il-vera mħabba tikkonsisti f’din l-għotja reċiproka ta’ xulxin. Bħalma juruna l-vanġeli, il-punt ewlieni ta’ l-imħabba Nisranija hu li tħobb. Kwotazzjoni li meħuda mill-Gaudium et Spes u li hi ħafna għall-qalb Ġwanni Pawlu II, tgħidilna “Kristu … juri wkoll għal kollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih is-sejħa l-aktar għolja tiegħu” (§ 22). Dak li jirrevela Kristu hu li “ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15, 13). Huwa Kristu nnifsu li jirrivelalna s-sejħa fundamentali tagħna bħala persuni billi jagħtina lilu nnifsu f’mewtu fuq is-Salib.

 

Permezz tat-Teoloġija tal-Ġisem, Ġwanni Pawlu II jippreżentalna l-messaġġ evanġeliku ta’ l-imħabba bi stil ġdid u profond. Huwa jaf li n-nies qegħdin ifittxu l-imħabba. Fl-ewwel enċiklika tiegħu Redemptor Hominis, il-Papa saħansitra jgħid: “Il-bniedem ma jistax igħix mingħajr imħabba. Jekk dan jiġri jibqa’ ħlejqa li ma tifhimx lilha nnifisha, ħajtu tkun mingħajr tifsira, jekk l-imħabba mhijiex murija lilu, jekk ma jiltaqax magħha, jekk ma jesperenzahiex u jagħmilha tiegħu, jekk ma jieħux sehem b’mod intimu fiha” (§ 10).

 

Kemm hu tabilħaqq importanti li ngħixu s-sesswalità tagħna b’mod li jiddefendi u jafferma lill-persuna l-oħra! Fil-verità, il-maħbub veru qatt ma juża l-persuna l-oħra jew jittrattaha bħala mezz għall-għan ta’ rasu.

 

Patri Mario Attard OFM Kap

 


 

b. L-Unità Originali tar-Ragel u l-Mara

 

Fit-teoloġija tiegħu fuq il-ġisem, il-Papa Ġwanni Pawlu II jipprova jispjega x’ifisser il-ġisem bħala s-sinjal u s-sejħa tal-persuna li tkun rigal u kif jikxef in-natura ta’ Alla u l-pjan tiegħu għall-umanità. Il-Papa juri l-importanza kbira tal-ġisem fiżiku u tas-sesswalità umana filwaqt li jiġġieled qatta’ bla ħabel kontra l-ereżiji li, għax jivvalorizzaw biss dak li hu spiritwali, ma jagħtux l-importanza mistħoqqa lill-ġisem. Għall-kuntrarju iqisuh bla importanza u saħansitra ħażin.

 

Meta jitħaddet fuq il-ġisem fil-ħolqien u fil-fidwa tiegħu, Ġwanni Pawlu II juri t-tifsira tal-ħajja u kif aħna għandna ngħixuha. Ma jgħidilniex biss min hu l-bniedem imma kif is-sejħa ta’ kull bniedem li jħobb tista’ tingħex kemm permezz taż-żwieġ u kif ukoll taċ-ċelibat għas-saltna ta’ Alla.

 

Fil-katekeżi tat-2 ta’ April ta’ l-1980, l-Isqof ta’ Ruma jgħallem: “Il-fatt li t-teoloġija tikkunsidra wkoll li l-ġisem mgħandux jaħsad jew jissorprendi lil xi ħadd li hu konxju tal-misteru u r-realtà tal-Inkarnazzjoni. It-teoloġija hija dik ix-xjenza li s-suġġett tagħha huwa d-divinità. Permezz tal-fatt li l-Kelma ta’ Alla saret laħam, il-ġisem daħħal lit-teoloġija mill-bieb prinċipali. L-Inkarnazzjoni u l-fidwa li toħroġ minnha saru wkoll l-għajn definittivi tas-sagramentalità taż-żwieġ”.

 

Fit-tagħlim li ta nhar il-21 ta’ Lulju 1982, nilmħu approfondiment ta’ x’inhu l-ġisem. “Biex wieħed jifhem dak li l-ħelsien tal-ġisem jimplika skond l-Ittra ta’ Pawlu lir-Rumani, jinħtieġ ta’ teoloġija awtentika tal-ġisem. Ippruvajna nibnu din it-teoloġija billi l-ewwelnett nirreferu għall-kelmiet ta’ Kristu. L-elementi li jagħmlu t-teoloġija tal-ġisem jinstabu f’dak li Kristu jgħid: meta jfakkar ‘fil-bidu’ rigward il-kwistjoni tal-indissolubilità taż-żwieġ (ara Mt 19,8); f’dak li jgħid rigward il-konkupixxenza (ġibda ħażina) meta jirriferi għall-qalb umana fid-Diskors tal-Muntanja (ara Mt 5, 28); u kif ukoll f’dak li jgħid f’referenza għall-qawmien mill-imwiet (Mt 22, 30). Kull affermazzjoni minn dawn taħżen fiha kontenut antropoloġiku u etiku. Kristu qiegħed ikellem lill-bniedem u qiegħed jitkellem fuq il-bniedem, fuq il-bniedem li hu ‘ġisem’ u li kien maħluq raġel u mara fuq ix-xbieha u l-immaġini ta’ Alla. Qiegħed jitkellem fuq il-bniedem li qalbu hija suġġetta għall-konkupixxenza u finalment fuq bniedem li quddiemu l-viżjoni eskatoloġika tal-qawmien tal-ġisem hija miftuħa”.

 

Fl-ewwel kapitlu tal-Ġenesi aħna nafu li Adam u Eva ġew maħluqa fuq ix-xbieha u l-immaġini ta’ Alla. Aħna maħluqa fl-immaġini ta’ Alla mhux biss permezz tad-don tal-intellett u r-rieda tagħna billi nkunu nafu u nagħżlu imma wkoll permezz tal-abilità tagħna li nippossedu lilna nfusna u li nagħtu lilna nfusna lil ħaddieħor. Li niffurmaw komunjoni ta’ persuni fl-imħabba għax Alla, li hu mħabba, huwa wkoll komunjoni ta’ persuni fit-Trinità.

 

Fil-katekeżi tal-14 ta’ Novembru 1979, il-Papa jgħidilna: “Il-bniedem sar ‘l-immaġini u x-xbieha’ ta’ Alla mhux biss permezz ta’ l-umanità tiegħu imma wkoll permezz tal-komunjoni tal-persuni li r-raġel u l-mara jiffurmaw mill-bidu … Il-bniedem isir l-immaġini ta’ Alla mhux fil-mument tas-solitudni imma fil-mument tal-komunjoni. Sa ‘mill-bidu’, mhuwiex biss ix-‘xbieha’ li fih is-solitudni tal-persuna, li tmexxi d-dinja, hija riflessa imma wkoll, u essenzjalment, xbieha tal-komunjoni divina u misterjuża tal-persuni”. U fl-14 ta’ Mejju 1980, Papa Ġwanni Pawlu II jafferma: “Il-ġisem uman ħaddan fih innifsu, fil-misteru tal-ħolqien, sinjal ċar tax-xbieha ta’ Alla”.

 

 Il-bniedem jesperjenza is-‘solitudni oriġinali’ tiegħu b’żewġ modi. Fl-ewwel mod il-bniedem huwa waħdu bħala l-unika ħlejqa razzjonali fuq l-art. Huwa konxju tiegħu nnifsu, ta’ ġismu u tat-tifsira tiegħu. Fit-tagħrif tiegħu nnifsu huwa jaf li ġie maħluq minn Alla, u li għalhekk mhuwiex Alla. Jirrealizza li lanqas mhu bħall-annimali. Bit-tagħrif tiegħu nnifsu għandu l-kapaċità li jiddetermina lilu nnifsu għax jista’ jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. Huwa biss kapaċi “jaħdem l-art,” li Alla tah biex jaħkem u jmexxi. It-tieni, il-bniedem huwa waħdu mingħajr il-mara, mingħajr persuna umana oħra. Il-bniedem ma ġiex maħluq biex jgħix waħdu imma f’komunjoni mal-oħrajn. Dan iħossu b’mod intensiv mingħajr mara.

 

Fil-katekeżijiet ta’ l-10 u l-24 ta’ Ottubru 1979 il-Papa jgħid: “L-ewwel tifsira tas-solitudni oriġinali tal-bniedem hija mfissra fuq il-bażi ta test speċifiku ġli jsemmi l-annimaliħ… Permezz ta’ dan it-test, il-bniedem isir konxju tas-superjorità tiegħu, jiġifieri li hu ma jistax jiġi kkunsidrat fuq l-istess livell ta’ ħlejjaq oħra li jgħixu fuq l-art … Is-solitudni wkoll tfisser is-suġġettività tal-bniedem, li hi magħmula permezz tat-tagħrif tiegħu nnifsu. Il-bniedem huwa waħdu l-għaliex hu ‘differenti’ mid-dinja viżibbli, mid-dinja tal-ħlejjaq… Il-kunċett tas-solitudni oriġinali jinkludi kemm l-għarfien u d-determinazzjoni tiegħu nnifsu”.

 

L-unità oriġinali tar-raġel u l-mara qiegħdha li jsibu l-kumplimentarjetà tagħhom f’xulxin u mhux fil-ħlejjaq l-oħra li jieħdu ħsieb. Fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom huma jiksbu t-tagħrif u d-determinazzjoni tagħhom infushom kemm bħala individwi u kik ukoll bħala koppja.

 

Patri Mario Attard OFM Kap

  


  

c. Il-Komunjoni tal-Persuni u l-Għera Oriġinali

 

Fil-mixja tagħna fit-Teoloġija tal-Ġisem, kif ippreżentata lilna mill-Papa Ġwanni Pawlu II, illum se nidħaddtu fuq żewġ fatturi importanti li joħorġu f’din it-teoloġija,jiġifieri l-komunità tal-Persuni u l-Għera Oriġinali.

 

Permezz ‘tal-unità oriġinali’, aspett wieħed tas-solitudni tar-raġel huwa superat u l-ieħor ikkonfermat. Mal-ħolqien tal-mara, ir-raġel mhuwiex iżjed ‘waħdu’. Imma t-tnejn flimkien, bħala persuni umani, baqgħu ‘waħedhom’ fid-dinja tal-ħlejjaq. L-unità oriġinali tidher f’Ġenesi 2, 23-24. Meta l-mara ġiet miġjuba lir-raġel huwa ħabbar: “‘Din id-darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi, għalhekk tisejjaħ mara, għax mir-raġel ittieħdet hi’ Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed’”. Permezz tal-għaqda spiritwali u fiżika tagħhom, ir-raġel u l-mara jiffurmaw komunjoni ta’ persuni.

 

Fil-katekeżi ta’ nhar it-2 ta’ Jannar 1980, il-Papa Ġwanni Pawlu II għallem li l-maskilità u l-feminilità huwa żewġ modi li tkun pesuna umana. “Il-bniedem, li Alla ħalqu bħala raġel u mara, iġorr ix-xbieha divina tiegħu fuq ġismu ‘sa mill-bidu’. Ir-raġel u l-mara jikkonstitwixxu żewġ modi differenti tal-bniedem, ‘li jkun ġisem’ fl-għaqda ta’ dik ix-xbieha”. Għalhekk, kif jgħid il-Papa ġimgħa wara, sewwasew nhar id-9 ta’ Jannar, “il-bniedem, waħdu ma jtemmx kompletament din l-essenza ġli jkun persunaħ. Huwa jseħħlu jġibha fit-tmiem biss meta jeżiżti ‘ma xi ħadd’ – u iktar b’mod profond u komplet – billi jeżiżti ‘għal xi ħadd’ ... Il-komunjoni tal-persuni tfisser li teżiżti b’mod reċiproku ‘għal’, f’relazzjoni ta’ don reċiproku”.

 

Fattur ieħor li joħroġ mill-katekeżijiet fuq il-ġisem huwa l-għera oriġinali. Papa Ġwanni Pawlu II jgħidilna li Ġenesi 2,25 (“U t-tnejn kienu għarwiena, ir-raġel u martu, ma kinux jistħu minn xulxin”) huwa ‘element bażiku’ tar-rivelazzjoni fuq il-bniedem sa mill-bidu! Għaliex dan? Fil-bidu, il-ġisem għeri wera li s-sejħa ta’ Adam u Eva kienet li jħobbu, jiġifieri li jkunu f’għaqda spiritwali u fiżika bejniethom. Din is-sejħa li jiffurmaw komunjoni ta’ persuni kellha l-għan li tingħex permezz ta’ ġisimhom. L-abbiltà tal-ġisem li jurina s-seħja tagħna li nħobbu hija t-tifsira nuzjali (konjugali) tal-ġisem.

 

Iktar milli kienet ta’ importanza żgħira, l-għera tagħhom tgħid pataflun fuq l-imħabba tagħhom għal xulxin u anki dwar is-safa ta’ qalbhom. L-għaliex il-mistħija hija riżultat li persuna l-oħra tarak bħala oġġett biex tużak, in-nuqqas ta’ mistħija ta’ Adam u Eva turina li huma raw u rċevew lil xulxin bħala rigal u fittxew biss li jagħtu lilhom infushom lil xulxin, u mhux biex jużaw wieħed lill-oħra jew viċiversa. Huma raw lil xulxin bl-għajnejn ta’ Alla, li “ħares … lejn kull ma għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen 1,31). Huma qraw fl-iġsma ta’ xulxin, li kien is-sinjal tal-persuna l-oħra, il-lingwa tal-imħabba, li kull wieħed u waħda minnhom laqa’ u irreċiproka għaliha.

 

Nhar it-2 ta’ Jannar tal-1980, Papa Wojtola kompla jinżel iżjed fil-fond ta’din ir-realtà sabiħa u safja fil-bniedem tal-bidu. “‘U t-tnejn kienu għarwiena, ir-raġel u martu, ma kinux jistħu minn xulxin’ (Ġen 2, 25). L-għera tfisser it-tajjeb oriġinali tal-viżjoni ta’ Alla. Ir-raġel u l-mara … jaraw u jagħrfu lil xulxin bil-paċi tal-ħarsa interjuri, li toħloq preċiżament il-milja tal-intimità tal-persuni. It-tifsira oriġinali tal-għera tikkorrespondi ma’ dik is-sempliċità u l-milja tal-viżjoni li fiha l-għarfien tat-tifsira tal-ġisem iseħħ fil-qalba tal-komunità-komunjoni tagħhom. Aħna se nsejħulha ġit-tifsira tal-ġisemħ nuzjali”. U fil-katekeżi tal-14 ta’ Mejju tal-1980, il-Papa jgħallem: “Hu ġil-bniedemħ ħa sehem fil-viżjoni divina tad-dinja u fil-viżjoni tiegħu tal-umanità. Din tagħtu paċi u hena profondi fl-għejxien tal-verità u l-valur ta’ ġismu, fis-sempliċità tiegħu”.

 

Iż-żewġ modi li tkun bniedem, maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla, huma li tkun raġel u mara. Il-komunjoni tal-persuni hija magħmula mir-raġel u mill-mara li jingħaqdu flimkien b’mod spiritwali u anki fiżiku. Fir-relazzjoni ta’ bejniethom ir-raġel u l-mara huma don reċiproku għal xulxin, kif imfissra fl-imħabba taż-żwieġ, għax għalhekk ġew maħluqa mill-Ħallieq. Fl-għera oriġinali ta’ ġisimhom, ir-raġel u l-mara jaraw it-tjubija, il-paċi u s-sempliċità ta’ Alla. Għax ġisimhom huwa xbieha ta’ Alla, ir-raġel u l-mara jaraw fl-iġsma għerja ta’ xulxin ir-ritratt ta’ Alla nnifsu.

 

Patri Mario Attard OFM Kap

 


 

d. It-tifsira taż-żwieġ tal-Ġisem u l-Ħelsien tar-Rigal

 

Fit-Teoloġija tal-Ġisem hemm rabta interessanti bejn it-tifsira nupzjali tal-ġisem u l-ħelsien li jagħti bħala rigal.

 

Alla ħalaq lir-raġel u lill-mara b’tali mod li permezz ta’ ġisimhom jintebħu li ġew imsejħa biex iħobbu u jagħtu lilhom infushom lil xulxin. L-għan aħħari u t-tifsira tal-ħajja jinstabu f’din it-tixbieha ta’ Alla billi jsiru don għal xulxin. L-ewwel ittra ta’ San Ġwann Appostlu hekk: “Alla hu mħabba” (1 Ġw 4, 16). Aħna ntemmu l-għan tal-eżiżtenza tagħna billi nħobbu. L-iġsma fiżiċi tagħna ġew maħluqa biex juruna din il-verità u fl-istess ħin jkunu l-mezz li bih nilħqu dan il-għan. 

 

Fil-katekeżi tiegħu tas-16 ta’ Jannar tal-1980, il-Papa Ġwanni Pawlu II emfasizza: “Mill-bidu tiegħu, il-ġisem tal-bniedem jinkludi fih … il-kapaċità li jfisser l-imħabba, dik l-imħabba li biha persuna ssir rigal – u permezz ta’ dan ir-rigal – ittemm it-tifsira tal-esseri u tal-eżiżtenza tagħha”.

 

Minnu nnifsu, il-ġisem tal-bniedem kien maħluq għall-għaqda taż-żwieġ. Fil-katekeżi tat-13 ta’ Frar 1980, il-Papa qal: “Li wieħed jifhem it-tifsira fundamentali fil-misteru tal-ħolqien, bħalma hija t-tifsira taż-żwieġ, … hija mportanti. Huwa ndispensabbli li tkun taf min hu u x’suppost għandu jkun il-bniedem, u għalhekk kif għandu jifforma l-imġieba tiegħu”. Dan għaliex il-ġisem tal-bniedem huwa xbieha ħajja u tanġibli tal-imħabba ta’ Alla fostna. “Il-ġisem, u hu waħdu, għandu l-ħila jagħmel viżibbli dak li ma jidhirx: l-ispiritwali u d-divin. Ġie maħluq biex jittrasferrixxi, fir-realtà viżibbli tad-dinja, il-misteru moħbi sa minn dejjem f’Alla ġl-imħabba ta’ Alla għall-bniedemħ, u għalhekk li jkun sinjal tagħha”.

 

Papa Ġwanni Pawlu II jitkellem ħafna fuq il-ħelsien li jġib miegħu r-rigal tal-ġisem. Fil-bidu, il-bniedem kellu ħelsien ġewwieni. Ma kienx affettwat mit-tendenza għad-dnub u mit-tentazzjoni li jaġixxi b’mod egoist. Meta Adam u Eva taw lilhom infushom lil xulxin l-għan tagħhom kien li jħobbu lil xulxin. L-għaliex kienu jafu l-verità fuq il-persuna l-oħra, jiġifieri li hi maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla u li qatt ma tista’ tkun sempliċiment strument biex jintlaħaq għan, qatt ma ġew misjuqa minn motivazzjonijiet egoistiċi imma ingħataw għal xulxin għax kienu misjuqa mill-imħabba.

 

Fid-9 u 16 ta’ Jannar tal-1980 il-Papa qal: “Dik l-għera oriġinali, reċiproka u fl-istess ħin mhux maħnuqa mill-mistħija tfisser dan il-ħelsien ġewwieni tal-bniedem… Fl-għerq tal-għera tagħhom hemm il-ħelsien ġewwieni tar-rigal – ir-rigal diżinteressat tal-jien”.  Fil-katekeżi tat-30 ta’ Mejju 1984, Ġwanni Pawlu II jgħid: “Il-ħelsien tar-rigal huwa t-tweġiba għall-awareness profonda tar-rigal … Permezz ta’ din il-verità u dan l-ħelsien din l-imħabba hija mibnija, u li aħna rridu naffermaw li hija mħabba awtentika”.

 

Fl-imħabba tal-miżżewġin il-ġisem isir ir-rigal u espressjoni ħajja u qawwija tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem.

 

Patri Mario Attard OFM Kap

 


 

e. Imbierka dawk li huma safja f’qalbhom

 

Is-safa tal-qalb jfisser is-sbuħija u l-qdusija tal-ġisem tal-bniedem fid-dawl ta’ Alla. |ewġ fatturi li jdgħajfu din is-sbuħija u l-qdusija huma l-adulterju fil-qalb u l-mistħija.

 

Ġesu jgħidilna: “Smajtu xi ntqal, ‘La tagħmilx adulterju.’ Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara u jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu” (Mt 5, 27-28). Kristu jdaħħal id-diskussjoni f’qalb il-bniedem. Il-qdusija qiegħdha f’qalb nadifa li minnha joħorġu għemejjel safja u ta’ mħabba. Mela, Kristu jisħaq fuq qalb il-bniedem, fuq l-esseri ġewwieni tiegħu u jsejjaħlu biex jesperjenza u jgħix il-ħelsien tal-ġisem!

 

Fil-katekeżi tas-17 ta’ Settembru 1980 Papa Ġwanni Pawlu II jgħallem hekk: “Iż-żina fiha nnifisha (eżattament tħares b’żina), hija mfissra bħala ‘adulterju magħmul fil-qalb …  Ngħid li ż-żina hija qerq tal-qalb umana fis-sejħa kontinwa tar-raġel u l-mara … għall-komunjoni billi jagħtu lilhom infushom lil xulxin… Iż-żina għandha l-effett ġewwieni, jiġifieri li fil-qalb … toskura t-tifsira tal-ġisem, tal-persuna nnifisha”. Fis-7 ta’ Jannar 1981, il-Papa jfisser li “skont il-kliem ta’ Kristu, is-safa tassew (bħalma wkoll fl-impurità) fis-sens morali, tinstab u toħroġ mill-qalb tal-bniedem”.

 

Nhar it-12 ta’ Novembru 1980 il-Papa jikkonkludi dan il-punt billi jgħidilna: “Jekk il-bniedem jixtieq li jwieġeb għas-sejħa, kif imfissra f’Mattew 5, 27-28, jeħtieġlu jitgħallem b’perseveranza u b’konsistenza x’inhi t-tifsira tal-ġisem, tal-feminilità u l-maskulinità … Wieħed iżid ukoll li dan id-dmir jista’ jitwettaq u tassew jagħmel unur lill-bniedem”.

 

Il-mistħija daħlet fid-dinja permezz tad-dnub. Billi l-bniedem warrab lil Alla ma baqax jara kollox fid-dawl u bl-imħabba ta’ tiegħu. Ir-raġel u l-mara bdew iħarsu lejn xulxin mhux biss bħala persuni li għandhom ikunu maħbuba imma wkoll bħala oġġett li jintużaw. Il-ksur fir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla kkawżat qasma fir-relazzjoni tagħhom ma’ xulxin. Il-fiduċja sħiħa u kompleta tagħhom u r-rigal tagħhom infushom ġew mibdula mal-mistħija. Il-mistħija hija indikazzjoni tad-dnub. Fl-istess ħin il-mistħija hija pożittiva l-għaliex tassigura li aħna nilbsu biex nipproteġu lilna nfusna milli jarawna jew jużawna bħala oġġett.

 

Permezz tal-fidwa tal-ġisem ir-raġel u l-mara, bl-għajnuna ta’ Alla għandhom il-ħila li jegħlbu din il-misħtija fir-relazzjonijiet tagħhom f’dik l-imħabba u s-safa li tirrifjuta li tagħmel lill-persuna l-oħra oġġett. Il-mistħija mhijiex iżjed neċessarja fejn hemm il-fiduċja u l-għaqda.

 

Fil-katekeżi tat-30 ta’ April 1980, il-Papa jgħid hekk: “Meta l-bniedem jiddubita fil-qalba ta’ qalbu fuq it-tifsira l-iktar profonda tal-għotja, jiġifieri l-imħabba bħala l-għan speċifiku tal-ħolqien u tal-patt oriġinali (cf Ġen 3, 5), huwa jagħti dahru lil Alla—Mħabba, lill-Missier. B’xi mod iwarrab lil Alla ‘l barra minn qalbu”. 

 

Il-mistħija turi li l-bniedem tbiegħed mill-imħabba ta’ Alla. Nhar l-4 ta’ Ġunju 1980, il-Papa jgħid hekk: “It-tielet kapitlu tal-Ġenesi ġ‘Bżajt għax jien għeri, u nħbejt,’ Ġen 3, 10ħ turi … li l-mistħija dehret fir-relazzjoni reċiproka tar-raġel mal-mara. Minħabba din il-mistħija, din ir-relazzjoni għaddiet minn bidla radikali… Din il-mistħija ssaħħaħ il-kapaċità oriġinali li r-raġel u l-mara jikkomunikaw bejniethom, li Ġenesi 2, 25 jitkellem fuqha, u li issa ġiet imkissra. Il-bidla radikali tat-tifsira oriġinali tal-għera twassalna biex nikkonkludu li kien hemm tibdiliet negattivi fir-relazzjoni interpersonali bejn il-mara u r-raġel… Il-mistħija … hija sintomu tal-qtugħ tal-bniedem mill-imħabba li fiha ssieħeb fil-misteru tal-ħolqien”.

 

Fir-riflessjoni li għamel nhar l-20 ta’ Frar 1980, il-Papa Ġwanni Pawlu II qal li “hija biss l-għera li tagħmel lill-mara oġġett għar-raġel, jew viċi versa. L-għera hija l-għajn tal-mistħija”. Fit-18 ta’ Ġunju 1980, il-Papa ssokta jfisser li “din il-mistħija ħadet il-post tal-fiduċja assoluta li kienet marbta mal-istat ta’ qabel tal-innoċenza oriġinali fir-relazzjoni reċiproka bejn il-mara u r-raġel”. 

 

Il-mistħija hija aljenazzjoni mill-imħabba ta’ Alla. Fil-katekeżi tal-14 ta’ Mejju 1980, Papa Ġwanni Pawlu II saħaq ħafna fuq dan il-punt. “L-għera mgħandhiex biss tifsira litterali. Ma tirreferix biss għall-ġisem. Mhijiex biss l-oriġini tal-mistħija li hija relatata mal-ġisem. Fil-fatt, permezz tal-għera, il-bniedem, imċaħħad mit-tisħib fir-rigal kif muri, ġie aljenat minn dik l-imħabba li kienet il-għajn tar-rigal oriġinali, l-għajn tal-milja tat-tajjeb li kien maħsub għal kull ħlejqa”.

 

Mill-qalb tal-bniedem joħorġu kemm l-adulterju u kif ukoll is-safa tal-qalb. Meta warrab lil Alla permezz tal-mistħija, il-bniedem beda jara lill-persuni l-oħra mhux biss bħala persuni li għandhom ikunu maħbuba għal dak li huma imma wkoll bħala oġġetti li jintużaw. Bil-fiduċja u s-safa fl-imħabba tiegħu lejn il-mara jew ir-raġel il-bniedem jifdi mill-ġdid l-imħabba għax jerġa’ jibda jħobb kif riedu Alla sa mill-bidu. B’hekk jiftejjaq mill-mistħija għax jibda’ jħobb lill-oħrajn bħala persuni u mhux iżjed bħala oġġetti!

 

Patri Mario Attard OFM Kap

 


 

f. Iż-żina u l-konkupixxenza

 

Iż-żina u l-konkupixxenza jiżolaw is-sesswalità tal-bniedem fl-illużjoni qerrieda tal-‘Jien’ maqtugħ għal riħu.

 

Iż-żina hija xewqa sesswali diżordinata. Fil-bidu din ix-xewqa sesswali kienet mfissra  f’dik li wieħed jagħmel lilu nnifsu don lill-persuna l-oħra u li jkun maqgħud magħha fix-xbieha ta’ Alla. Minħabba d-dnub, il-bniedem ġie ittentat li jixtieq lill-persuna l-oħra għall-pjaċir tiegħu. Fil-katekeżi tal-14 ta’ Mejju 1980, il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħid li “ż-żina hija mfissra bħala nuqqas … Il-kliem tal-Ġenesi 3,10 ġBżajt għax jien għeri, u nħbejtħ jixhed direttament l-bidla radikali tat-tifsira oriġinali tal-għera. Fl-istat tal-innoċenza oriġinali, l-għera … ma kinitx turi nuqqas imma ilqugħ totali tal-ġisem fil-verità umana u personali tiegħu”.

 

Permezz taż-żina, ċerta mara tibda’ teżiżti għal ċertu raġel bħala oġġett għas-sodisfazzjon tal-bżonn sesswali tiegħu. Fil-25 ta’ Ġunju 1980, Ġwanni Pawlu II jgħallem hekk: “Għar-raġel, il-mistħija marbuta maż-żina se jkun impuls biex ‘jiddomina’ lil mara … Għalhekk, l-esperjenza ta’ din il-ħakma hija murija b’mod iżjed dirett fix-xewqa għatxana tal-mara għall-għaqda differenti. Mill-mument meta l-bniedem ‘jaħkimha’, il-komunjoni tal-persuni – magħmula mill-għaqda spiritwali sħiħa ta’ żewġ suġġetti li jagħtu lilhom infushom lil xulxin – hija segwita b’relazzjoni reċiproka differenti. Din hija r-relazzjoni ta’ ħakma tal-persuna l-oħra bħala oġġett tax-xewqa tal-persuna”.

 

Iż-żina tkisser il-frott tal-Ispirtu s-Santu tar-rażan. Nhar it-28 ta’ Mejju 1980, il-Papa qal: “Il-ġisem mhuwiex subordinat għall-ispirtu bħal fl-istat tal-innoċenza oriġinali… Iż-żina, u b’mod partikulari ż-żina tal-ġisem, hija theddida speċifika għall-istruttura tar-rażan li permezz tagħha l-persuna umana hija ffurmata… L-istruttura tar-rażan, essenzjali għall-persuna, hija mheżża sa mill-pedamenti fih… Il-bniedem jistħi minn ġismu minħabba ż-żina. Fil-fatt, jistħi mhux minn ġismu imma, preċiżament, miż-żina”.

 

Bil-konkupixxenza aħna tlifna l-innoċenza oriġinali tagħna permezz tal-Waqgħa. Biha d-dnub sar iżjed faċli għalina li nwettquh u nixtiequh, iktar milli dejjem nfittxu s-sewwa. San Pawl jfisser din il-battalja bħala dik tal-“ġisem” kontra r-“ruħ”. Xi drabi hija marbuta mal-“ġibda tal-ġisem” (1 Ġw 2, 16).

 

Il-konkupixxenza hija t-telfa tal-ħelsien ġewwieni. Hekk qal il-Papa nhar it-23 ta’ Lulju 1980: “Il-konkupixxenza tikkawża t-telf tal-ħelsien ġewwieni tad-don. Il-bniedem jista’ jsir don, jiġifieri, ir-raġel u l-mara jistgħu jgħixu f’relazzjoni reċiproka fejn jagħtu lilhom infushom lil xulxin, ġaladarba kull wieħed u waħda minnhom jagħrfu jikkontrollaw lilhom infushom…  Il-konkupixxenza … tnaqqas ir-rażan. Għal dan il-għan, f’ċertu sens tagħmel impossibli l-ħelsien ġewwieni li wieħed jingħata… Fiha nnifisha, il-konkupixxenza mgħandiex ħila tippromovi l-għaqda tal-komunjoni tal-persuni. Minnha nnifisha ma tgħaqqadx imma taħkem. Ir-relazzjoni tad-don hija mibdula f’waħda ta’ ħakma”.

 

Bir-rażan il-bniedem isib mill-ġdid it-tifsira ħelliesa tad-don tal-ġisem tiegħu għaliex biha jingħata b’mod sħiħ lill-persuna l-oħra fil-komunjoni taż-żwieġ, kif imfissra fil-maskulinità u l-feminilità ta’ ġismu.

 

Patri Mario Attard OFM Kap

 


 

g. Il-qalb u l-fidwa

 

Fil-mixja tagħna bil-għan li napprezzaw iżjed il-ġisem tagħna bħala t-tempju tal-Ispirtu s-Santu (ara 1 Kor 6, 19), illum se nitħaddtu fuq żewġ aspetti li jkomplu jfissru d-don tal-ġisem kif mogħti lilna minn Alla: il-qalb u l-fidwa.

 

Il-qalb hija l-post fejn aħna nesperjenzaw, b’mod mill-aktar profond, ix-xewqat diżordinati tagħna li jissarrfu f’żina u f’egoiżmu. Barra minhekk, f’qalbna nesperjenzaw il-fiduċja, l-imħabba u l-għaqda ma’ Alla u mal-oħrajn. Interessanti li d-diskorsi ta’ Ġesù huma immirati lejn il-qalb tal-bniedem. Għaliex huwa sewwasew minn hemmhekk li l-bniedem huwa msejjaħ biex jgħix il-fidwa tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li fil-katekeżi tat-2 ta’ Diċembru tal-1980, il-Papa Ġwanni Pawlu II qal: “Il-bniedem huwa uniku u irrepetibbli, fuq kollox minħabba qalbu, li tiddeċiedi x’inhu minn ġewwa”.

 

Il-qalb hija l-amfitejatru fejn fiha hemm għaddejja l-ġlieda kontinwa bejn it-tajjeb u l-ħażin. Il-fedeltà titqabad mal-infedeltà. Il-qalb tal-bniedem, għax imdgħajfa bid-dnub, jeħtieġ li tiġi mgħejjuna mir-rażan, li hu l-frott tal-Ispirtu s-Santu. Nhar it-23 ta’ Lulju 1980, il-Papa Pollakk għallem hekk: “It-tifsira taż-żwieġ tal-ġisem ma ġietx kompletament mifgugħa mill-konkupixxenza imma biss mheddha regolarment. Il-‘qalb’ saret il-kamp tal-battalja bejn l-imħabba u ż-żina. Iktar maż-żina taħkem il-qalb inqas il-qalb tesperjenza it-tifsira taż-żwieġ tal-ġisem u inqas issir sensittiva għad-don tal-persuna … Dan ifisser li huwa d-dover tagħna li ma nafdawx lill-qalb umana? Le! Ifisser biss li jeħtieġilna inrażżnuha”. 

 

Id-don tar-rażan jgħin lill-qalb tiskopri fiha l-potenzjal li tħobb lil ħaddieħor bil-ferħ. Dan kien il-punt li l-Isqof ta’ Ruma żvolġa b’tant profondità fit-tagħlim li wasslilna nhar 1 ta’ April tal-1981. “Is-sodisfazzjon tal-passjoni huwa ħaġa waħda filwaqt li l-ferħ li l-bniedem isib biex irażżan lilu nnifsu b’mod sħiħ hija ħaġa oħra. B’dan il-mod jista’ wkoll isir, b’mod sħiħ, don tassew għall-persuna l-oħra. Il-kliem li Kristu qal fid-diskors tal-Muntanja imexxi lill-qalb umana lejn dan il-ferħ. Jeħtieġ li nafdaw lilna nfusna, il-ħsibijiet u l-għemejjel tagħna biex insibu l-ferħ u ngħadduh lill-oħrajn”.

 

Il-qawwa tal-fidwa, li minnha qiegħed jitkellem il-Papa Ġwanni Pawlu II, hija dik tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. Hija proprju din il-qawwa tal-Għid ta’ Ġesù li tgħinna ngħixu dak li għalih konna maħluqa ngħixu sa mill-bidu. Huwa mportanti li fit-teoloġija tal-ġisem kollox jiġi mgħoddi taħt il-lenti tal-fidwa. Dan għaliex huwa biss permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li l-bniedem jista’ jgħix ħajja li tixraq lis-sejħa u lid-dinjità tiegħu bħala persuna, maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla.

 

Fil-katekeżi li taha nhar id-29 ta’ Ottubru 1980, il-Papa qal: “Il-kliem ta’ Kristu … ma jwaqqfuniex li nieqfu fuq l-akkuża li l-qalb umana jeħtieġ li tiġi meqjusa b’suspett. Imma, fuq kollox, jeħtieġ li jiġu mifhuma u interpretati bħala stedina lill-qalb… Fuq il-bażi … tal-fidwa tal-ġisem ma nistgħux nieqfu biss fuq l-akkuża li l-qalb umana hija msejsa fuq ix-xewqa u ż-żina tal-ġisem. Il-bniedem ma jistax ma jpoġġix lill-qalb fi stat ta’ suspett kontinwu u irriversibbli… Il-fidwa hija verità u rejaltà, li f’isimha il-bniedem jeħtieġlu jħossu msejjaħ, u ‘msejjaħ b’effikaċità’. Il-bniedem jeħtieġ li jħossu msejjaħ biex jiskopri, anzi iżjed minhekk, biex jirrealizza t-tifsira taż-żwieġ tal-ġisem”.

 

Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, San Pawl jiktbilhom hekk: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta’ l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna” (Rum 8, 22-23). Misjuq minn dawn il-versi, il-Papa stqarr li l-iskop aħħari tat-teoloġija tal-ġisem li hu kixef u ippreżentalna b’mod ċar u konvinċenti mill-Kelma ta’ Alla, huwa biex nintebħu li ġisimna huwa mifdi bil-passjoni, bil-mewt u bil-qawmien ta’ Kristu. Nhar il-21 ta’ Lulju tal-1982, Papa Wojtola stqarr hekk: “Dak kollu li ppruvajna nagħmlu tul il-meditazzjonijiet tagħna biex nifhmu kliem Kristu għandu bħala s-sies fundamentali tiegħu l-misteru tal-fidwa tal-ġisem”.

 

L-imħabba ġenwina, għax ġejja minn Alla, hija, minnha nnifisha, fidwa li tifdi. Fid-29 ta’ Ottubru tal-1980 nsibu din ir-riflessjoni: “ġIl-bniedemħ huwa msejjaħ preċiżament għal dak il-valur suprem li hu l-imħabba. Bħala persuna huwa msejjaħ fil-verità tal-umanità tiegħu. Għalhekk, ukoll fil-verità tal-maskulinità u l-feminilità tiegħu, fil-verità tal-ġisem tiegħu. Huwa msejjaħ f’dik il-verità li kienet wirtu sa mill-bidu, il-wirt ta’ qalbu, li hija iżjed profonda mil-ħażen li wiret, miż-żina… Il-kliem ta’ Kristu, mqiegħdha fir-rejaltà sħiħa tal-ħolqien u tal-fidwa, jattivaw mill-ġdid dan il-wirt profond u jagħtuh qawwa rejali fil-ħajja umana”.

 

L-imħabba isseħħ meta l-qalb tinħeles mill-irbit tal-passjonijiet. L-imħabba seħħ meta fil-persuna l-oħra, għax naraw fiha x-xbieha ta’ Alla nnifsu, nafdawha, nirrispettawha u nħalluha libera fl-għażliet tagħha. Hekk imħabbitna issir fidwa.

 

Patri Mario Attard OFM Kap

 


 

h. Is-safa

 

Il-virtù tas-safa hija parti mportanti fid-diskors tagħna fuq il-ġisem tal-bniedem. X’inhi is-safa? Għaliex hija daqshekk meħtieġa għall-bniedem?

 

Is-safa tassew tara f’kull persuna, fl-ispirtu u fil-ġisem tagħha, ix-xbieha ta’ Alla. Fid-diskors tal-muntanja Ġesù jgħidilna: “}enjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla” (Mt 5,8). Is-safa tixtieq biss li tħobb u qatt li tuża lill-persuna l-oħra. Is-safa mhijiex biss il-kapaċità li taġixxi b’mod safi u li tegħleb iż-żina. Is-safa hija wkoll “ir-rażan tal-ġisem fil-qdusija u fil-ġieħ”. Dan ir-rispett u l-ġieħ għad-dinjità tal-ġisem tal-bniedem juri l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li taħdem fil-persuna. Kif qal il-Beatu Ġwanni Pawlu II, nhar it-2 ta’ Diċembru 1980, “is-safa hija kundizzjoni għall-imħabba. Hija d-dimensjoni tal-verità interjuri tagħha fil-qalb tal-bniedem”. L-istess ħsieb insibuh fil-katekeżi tiegħu tal-4 ta’ Frar 1981. “Ir-rebħa fuq dak il-konflitt fil-ġisem … tista’ u teħtieġ li isseħħ fil-qalb tal-bniedem. Din hija t-triq tas-safa, jiġifieri, ‘li wieħed irażżan ġismu fil-qdusija u fil-ġieħ’”. 

 

Fl-ittra tiegħu lill-Galatin, San Pawl iħeġġiġna li “jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu” (Gal 5, 25). Dan ifisser li ġisimna għandu jitmexxa mill-Ispirtu s-Santu għax huwa t-tempju tiegħu. Għalhekk għandu jiġi rispettat u ittratt bl-akbar ġieħ. Fir-riflessjoni li għamel fil-11 ta’ Frar 1981, Papa Wojtyla jgħid hekk: “Fl-għajnejn ta’ Pawlu mhuwiex biss l-Ispirtu uman … li jiddeċiedi d-dinjità tal-ġisem tal-bniedem. Imma, iktar minn hekk, hija r-rejaltà sopranaturali tal-preżenza kontinwa tal-Ispirtu s-Santu fil-bniedem – f’ruħu u f’ġismu – bħala l-frott tal-fidwa mwettqa minn Kristu. Għalhekk il-ġisem tal-bniedem mhuwiex iktar tiegħu. Jixraqlu dak ir-rispett li jidher fl-imġieba reċiproka tal-bniedem, raġel u mara, li tagħmel il-virtù tas-safa”.

 

Għalhekk, il-virtù tas-safa turi l-glorja tal-ġisem tal-bniedem quddiem il-Mulej. Bis-safa l-bniedem isebbaħ ħsibijietu, kliemu u għemilu għax jgħix fis-sinċerità. Nhar it-18 ta’ Marzu 1981, Ġwanni Pawlu II għallem hekk: “Is-safa hija l-glorja tal-ġisem tal-bniedem quddiem Alla. Hija l-glorja ta’ Alla fil-ġisem tal-bniedem, li permezz tagħha l-maskulinità u l-femminiltà huma murija. Mis-safa toħroġ dik is-sbuħija tal-għaġeb li tidħol f’kull qasam tal-ħajja komuni tal-bniedem u tagħmilha possibli li tfissirha f’sempliċità u profondità, f’rispett u awtentiċità irrepetibbli tal-fiduċja personali”.

 

Bħala konklużjoni fuq il-beatitudni ‘Ħienja dawk li huma safja f’qalbhom’, ngħidu li kliem Kristu huma rejalistiku. Fi kliem il-Beatu Wojtyla tal-1 ta’ April 1981, dawn il-kelmiet “juru lill-bniedem li l-mogħdija għas-safa tal-qalb hija possibbli u aċċessibli għalih anki fl-istat ereditarju tad-dnub… Madankollu, huwa mnebbaħ mill-kelma tal-Vanġelu u miftuħ għall-ħajja skont l-Ispirtu… Għal dan il-għan, fil-kliem tad-diskors tal-muntanja insibu referenza għall-qalb, jiġifieri, għall-bniedem interjuri. Il-bniedem interjuri jeħtieġlu jiftaħ lilu nnifsu għall-ħajja skont l-Ispirtu biex jieħu sehem fis-safa evanġeliku tal-qalb u biex isib mill-ġdid u jirrealizza l-valur tal-ġisem, meħlus bil-fidwa mill-irbit taż-żina”.

 

Patri Mario Attard OFM Kap

 


 

i. Il-qawmien minn bejn l-imwiet tal-ġisem

 

Il-ġisem tal-bniedem huwa maħluq biex jgħix għal dejjem permezz tal-qawmien tiegħu minn bejn l-imwiet. Dan il-fatt iġib fil-milja tagħha t-tifsira nuzzjali (taż-żwieġ) tal-ġisem tal-bniedem.

 

Fil-vanġelu skont San Luqa Ġesù jgħidilna li mal-qawmien mill-imwiet iż-żwieġ ma jibqax jiġi fis-seħħ. “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewwġu u jżewwġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu” (Lq 20, 34-35). Ma rridux ninsew li l-iġsma tagħna se jqumu fl-aħħar taż-żmien. Fit-Teoloġija tal-Ġisem, il-Beatu Ġwanni Pawlu II jidħol fil-fond fuq l-istat tal-qawmien u l-glorifikazzjoni ta’ ġisimna u kif ukoll jeżamina r-rwoli li jilagħbu l-maskulinità u l-femminiltà wara din il-ħajja, iktar u iktar l-għaliex il-ġisem ma jnissilx iżjed. Tajjeb ngħidu għalhekk li l-iġsma tagħna ma ġewx biss maħluqa biex ikunu f’għaqda waħda ma’ persuna umana oħra imma wkoll biex jissieħbu fl-għaqda spiritwali ma’ Alla, li hu l-għan aħħari tal-eżiżtenza umana. B’hekk, it-tifsira nuzzjali tal-ġisem hija mitmuma fil-Festa tat-Tieġ tal-Ħaruf. Fis-sema aħna se nkunu f’għaqda waħda mal-qaddisin, u ilkoll kemm aħna se nieħdu sehem flimkien fil-komunjoni tal-Persuni fit-Trinità Qaddisa.

 

Fil-katekeżi li l-Papa taha nhar it-2 ta’ Diċembru 1981 huwa qal hekk: “Iż-żwieġ … għandu x’jaqsam biss ma’ dan iż-żmien… Fil-qawmien minn bejn l-imwiet huma [iż-żwieġ u t-tnissil] jitilfu, biex ngħidu hekk, l-għan tagħhom… Skond il-kelmiet ta’ Kristu, kif miktuba fil-Vanġeli sinottiċi, il-qawmien ma jfissirx biss … it-twaqqif mill-ġdid tal-ħajja umana fl-integrità tagħha permezz tal-għaqda tal-ġisem mar-ruħ imma wkoll stat kompletament ġdid ta’ ħajja umana fiha nnifisha … L-iġsma umani, misjuba u mġedda bil-qawmien minn bejn l-imwiet jibqgħu jżommu l-maskulinità u l-femminilità tagħhom. Is-sens li tkun raġel jew mara fil-ġisem se jiġi mifhum … f’dak iż-żmien b’mod differenti minn dak li kien mill-bidu”.

 

Fil-qawmien minn bejn l-imwiet hemm il-milja tal-għotja personali tal-persuni u kif ukoll it-tisħib totali tal-fiżiku mal-ispiritwali. Nhar l-10 ta’ Marzu 1982, Papa Wojtyla żvolġa l-punt kemm il-qawmien mill-imwiet jigglorifika l-komunjoni persuni ma’ xulxin. “F’dik il-kundizzjoni, il-bniedem, raġel u mara, isib fl-istess ħin il-milja tal-għotja personali u … tal-komunjoni tal-persuni, minħabba l-glorifikazzjoni tal-esseri … sħiħ tiegħu [ġisem u ruħ], fl-għaqda eterna ma’ Alla”. L-għaqda eternal ma’ Alla tissoda l-għaqda fundamentali fil-bniedem, dik bejn ġismu u ruħu. Fil-fatt nhar it-8 ta’ Diċembru 1981, l-Isqof ta’ Ruma ifisser dan il-punt b’dawn il-kelmiet: “L-ispiritwalizzazzjoni ma tfissirx biss li l-ispirtu se jaħkem lill-ġisem, imma, ngħid jien, li hu se jimla kompletament lill-ġisem… Il-qawmien minn bejn l-imwiet qiegħed fit-tisħib perfett ta’ dak li hu fiżiku fil-bniedem f’dak li hu spiritwali fih”. 

 

Bil-qawmien mill-imwmiet il-bniedem jiġi divinizzat! Huwa jsir ħaġa waħda ma’ Alla. Hekk jissokta jgħid il-Beatu Ġwanni Pawlu II fl-istess katekeżi: “Il-kliem tal-vanġeli sinottiċi juru li l-istat tal-bniedem fid-dinja l-oħra mhux se jkun biss wieħed ta’ spiritwalizzazzjoni perfetta imma wkoll ta’ divinizzazzjoni fundamentali tal-umanità tiegħu. It-tisħib fin-natura divina, fil-ħajja interjuri ta’ Alla nnifsu … se jilħaq il-milja tiegħu biex l-ħajja tal-ispirtu uman jasal daqshekk fil-milja li qabel kienet assolutament inaċessibli għalih li jil]aq. Dan … għalhekk se jkun il-frott tal-grazzja, li hi tal-kommunikazzjoni ta’ Alla fid-divinità vera tiegħu, mhux biss mar-ruħ tal-bniedem imma wkoll mas-suġġettività psikosomatika sħiħa tiegħu [persuna, ġisem u ruħ]”.

 

Bħala għeluq ta’ din it-taqsima fuq il-qawmien minn bejn l-imwiet tal-ġisem ]sibt li jkun g]aqli jekk in]alliha mag]mula mill-kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II nnifsu, kif jo]ro[ mill-katekeżi tat-13 ta’ Jannar 1981. “It-tifsira oriġinali u fundamentali li tkun ġisem, ji[ifieri li tkun raġel u mara permezz tal-ġisem – it-tifsira nuzzjali – hija maqgħuda mal-fatt li l-bniedem huwa maħluq bħala persuna u imsejjaħ għall-ħajja f’communio personarum. Iż-żwieġ u t-tnissil, fihom infushom, ma jfissrux b’mod definittiv it-tifsira oriġinali u fundamentali li tkun ġisem jew li tkun bħala ġisem, raġel u mara. Iż-żwieġ u t-tnissil sempliċiment jagħtu rejaltà konkreta għal dik it-tifsira fid-dimensjonijiet tal-istorja … It-tifsira nuzzjali tal-ġisem fil-qawmien minn bejn l-imwiet għall-ħajja li ġejja se jaqbel b’mod perfett kemm għall-fatt li l-bniedem, bħala raġel u mara, huwa persuna maħluqa ‘fuq xbihat Alla’, u kif ukoll li din it-tixbiha isseħħ fil-komunjoni tal-persuni”.

 

Mela, fil-]ajja ta’ dejjem, g]alkemm ir-rejaltà ta\-\wie[ titlef l-g]an tag]ha l-g]aliex il-komunjoni ta’ persuni se titwessa’ u tinkludi fiha lil dawk kollha li jkunu mietu u rxuxtaw ma’ Kristu, din il-komunjoni se tkun kemm fir-ru] u kif ukoll fil-[isem, li “jilbes in-nuqqas ta’ ta]sir,” (1 Kor 15, 54) biex hekk, Alla Trinità jkun “kollox f’kollox” (Ef 1, 23). 

 

Patri Mario Attard OFM Cap

 


 

j. Il-verġinità minħabba s-Saltna t’Alla

 

Fl-Udjenza Ġenerali tas-16 ta’ Novembru, 1994, il-Beatu Ġwanni Pawlu II qal: “Rispett lejn il-verġinità minħabba s-Saltna u l-fehma Nisranija taż-żwieġ huma inseparabbli. Huwa jsaħħu lil xulxin”. Huwa dan li se nippruvaw naraw meta se nittrattaw flimkien suġġett ieħor importanti fit-teoloġija tal-ġisem tal-Beatu Wojtyla, jiġifieri l-verġinità minħabba s-Saltna tas-smewwiet.

 

Skont it-tagħlim tal-Papa Ġwanni Pawlu II, iċ-ċelibat minħabba s-Saltna tas-Smewwiet huwa don li ma jinftiehemx mill-bniedem tallum. Trid tkun biss il-grazzja ta’ Alla biex tgħinu jifhmu. Fil-fatt, minn natura tiegħu, il-bniedem huwa msejjaħ li jiżżewweġ u jifforma familja. Il-Bibbja stess turih dan, sewwasew fit-tieni paġna tagħha: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 2, 24). Hawnhekk id-diskors fuq iż-żwieġ għadu fuq it-ton naturali tiegħu.

 

Biss, meta wieħed jifli bir-reqqa l-vanġelu, isib li jeżiżti żwieġ f’sens ieħor, jiġifieri dak spiritwali. Hawn persuni li huma ikkonsagrati lil Alla b’konsagrazzjoni speċjali li, għax ġew imsejħa minnu, wieġbu għas-sejħa tiegħu billi tawh ħajjithom. Bil-ħajja tagħhom ifakkruna fil-ħajja li ġejja, dik li ma tintemm qatt. Huma tabilħaqq sinjal kariżmatiku fil-Knisja għaliex juru li f’dik is-Saltna ċ-ċittadini tagħha ma jiżżewġux. Dan għaliex il-Mulej ikun f’kulħadd. Fil-Mulej, il-bniedem imqajjem għall-ħajja ta’ dejjem jintwera ruħu bħala dak maqgħud mal-Mulej f’rabta ta’ mħabba nuzzjali u li ma tintemmx.

 

Il-Papa jagħtina dan it-tagħlim sod u profond fil-katekeżi li taha nhar l-24 ta’ Marzu, 1982. “‘Mhux kulħadd jifimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifmuha. Hemm ewnuki li jitwieldu hekk minn ġuf ommhom, oħrajn jagħmluhom hekk in-nies, u hemm oħrajn li jsiru hekk minn rajhom minħabba s-Saltna tas-Smewwiet. Min jista’ jifhem, jifhem!” (Mt 19,11-12). Jekk it-tifsira tal-ħajja tikkonsisti filli wieħed jagħmel lilu nnifsu rigal għall-oħrajn u li jgħix f’komunjoni ma’ persuni oħra, ma jkunx iżjed jaqbel li n-nies kollha jiżżewwġu?

 

It-tweġiba hija li kollha kemm huma huma msejħa għaż-“żwieġ”, imma mhux neċessarjament fis-sens fiżiku tal-kelma. Xi wħud huma msejħa biex ikunu għarajjes ta’ Kristu (ir-reliġjużi nisa) jew għarajjes tal-Knisja (reliġjużi irġiel) u li jgħixu ħajja ċelebi minħabba s-saltna tas-sema. Irġiel u nisa li jgħixu dan l-impenn huma sinjal għalina li aħna ġejna maħluqa biex inkunu maqgħuda m’Alla, li hu l-quċċata tal-milja tal-persuna umana. Bil-ħajja tagħhom ifakkruna li aħna lkoll se nieħdu sehem b’mod sħiħ f’din l-għaqda fis-sema. Ir-rigal tagħhom infushom għad-dinja jagħti frott spiritwali permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. ‘Iċ-ċelibat għas-Saltna tas-Sema … huwa sinjal kariżmatiku. Il-bniedem … li, fis-sitwazzjoni dinjija tiegħu fejn in-nies ġeneralment jiżżewġu, jagħżel b’mod ħieles is-safa minħabba s-Saltna tas-Sema, juri li f’dik is-saltna, li hija dinja l-oħra u li fiha l-qawmien mill-imwiet, in-nies ma jiżżewġux iktar. Dan għaliex Alla se jkun ‘kollox f’kollox’. Fih [il-bniedem imqajjem minn bejn l-imwiet] se jkun muri, biex ngħid hekk, fit-tifsira assoluta u eterna nuzzjali tal-ġisem f’għaqda ma’ Alla nnifsu permezz tal-viżjoni ‘wiċċ imb’wiċċ’ tiegħu …”

 

F’dan id-dawl, id-destin tal-ġisem, kif mgħix fis-safa minħabba s-Saltna tas-Smewwiet, huwa xbieha minn qabel tat-teożi, jew aħjar l-istat li bih jiġi divinizzat jew mimli b’Alla kemm il-karattru u kif ukoll il-persuna tal-bniedem. Dan tgħidulna t-tieni ittra ta’ San Pietru meta tgħidilna: “Bis-saħħa ta’ dawn huwa tana l-egħżeż u l-akbar ġid li kien wegħedna, biex bih – wara li tkunu ħlistu mit-taħsir li hawn fid-dinja ħtija tal-ġibdiet ħżiena – tissieħbu fin-natura ta’ Alla” (2 Pt 1, 4). Pietru jiddeskrivi lill-Insara bħala “msieħba” u kumpanni. Bis-saħħa tal-wegħdiet kbar tas-salvazzjoni, tal-qdusija u tal-privileġġ li jkunu wlied Alla, l-Insara, permezz tal-fidi tag]hom fi Kristu, jissieħbu fin-natura divina ta’ Alla. Il-ġisem huwa l-mod l-aktar privileġġjat biex wieħed jista’ jagħmel esperjenza ħajja ta’ dan it-tisħib mhux biss f’ din “id-dinja [li] bil-ġibdiet tagħha tgħaddi” (1 Ġw 2, 17) imma, u wisq iżjed, fil-ħajja li ma tintemm qatt. Minnu nnifsu, għax hu maħluq xbieha t’Alla, il-ġisem mhux biss għandu mnaqqax fih il-passaġġ g]all-eternità, l-għaqda tiegħu m’Alla Trinità imma wkoll li b’dan il-ġisem, kif imħaddan mit-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa, li twieled, għex, ħadem, bata, miet u ġie mqajjem mill-iwmiet minn Alla l-Missier, l-umanità kollha setgħet tinfeda mill-jasar tad-dnub.

 

Fl-istess katekeżi, il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħidilna: “Is-safa ta’ din l-art ... huwa sinjal li l-ġisem, li l-għan tiegħu m’huwiex il-qabar, huwa indirizzat lejn il-glorifikazzjoni. Minn dan il-fatt innifsu, is-safa għas-Saltna tas-Sema huwa xhieda qalb il-bnedmin li jantiċipa l-qawmien minn bejn l-imwiet fil-ġejjieni... Fuq kollox, is-safa iġorr is-siġill tax-xebħ ma’ Kristu. Fix-xogħol tal-fidwa, huwa nnifsu għamel din l-għażla għas-Saltna tas-Sema”.

 

Il-ver[inità min]abba s-Saltna t’Alla hija antiċipazzjoni fuq din l-art tal-wirt dejjiemi li hemm jistenna lill-[ismna fis-sema.

 

Patri Mario Attard OFM Cap

 


 

k. Il-verġinità minħabba s-Saltna t'Alla (II)

 

Fil-mixja tagħna fit-Teoloġija tal-Ġisem, kif ippreżentata lilna mill-Beatu Ġwanni Pawlu II, f’din il-kitba se nagħlqu t-tieni biċċa li tittratta s-suġġett: “Il-verġinità minħabba s-Saltna t’Alla”. X’fiha speċjali din it-tip ta’ mħabba iktar minn kull imħabba oħra?

 

Fit-tagħlim tiegħu, Papa Wojtyla jgħallimna li hemm żewġ tipi ta’ mħabba. L-ewwel waħda torbot dak li hu naturali ma’ dak li hu spiritwali. Il-bniedem jasal għand Alla għax jingħaqad b’mod esklussiv ma’ bniedem ieħor. L-espressjoni proprja tagħha tinstab fis-sagrament taż-żwieġ, fejn ir-raġel u l-mara jagħtu lilhom infushom lil xulxin u b’hekk jagħtu xhieda tal-imħabba li teżiżti fit-tliet Persuni tat-Trinità lejn xulxin u anki fl-imħabba li Kristu għandu lejn il-Knisja tiegħu. It-tieni għamla ta’ mħabba hija purament spiritwali għaliex torbot lill-maħbub b’dik l-imħabba spiritwali li twasslu għall-ħajja ta’ dejjem. Hija torbtu ma’ Alla personalment, għaliex m’għandux għalfejn jintrabat ma’ bniedem ieħor b’mod esklussiv, bħal fil-każ taż-żwieġ.

 

Mela, fl-imħabba taż-żwieġ dak li hu naturali jitqaddes bil-grazzja filwaqt li fit-tieni forma ta’ mħabba, dik spiritwali, l-forma u l-essenza tagħha jagħmluha mħabba eskatoloġika, jiġifieri tal-ħajja li għad trid tiġi wara l-mewt. Nhar it-28 ta’ April 1982, il-Papa qal hekk: “Minħabba l-istess tifsira nuzzjali tal-ġisem, bħala raġel u mara, hemmhekk tista’ tiġi magħmula l-imħabba li torbot lill-bniedem fiż-żwieġ għal ħajtu kollha. Imma hemm tista’ wkoll tiġi iffurmata l-imħabba li timpenja lill-bniedem għall-ħajja ta’ safa minħabba s-saltna tas-sema”.

 

Il-qalba tal-imħabba li ż-żewġ imħabbiet, jiġifieri dik taż-żwieġ u dik taċ-ċelibat, joffru hija konjugali. Hija imħabba mfissra fl-għotja totali lil xulxin. B’ħila kbira Papa Wojtyla jieħu din it-tema u jelabora fuqha fil-katekeżi tal-14 ta’ April 1982.

 

“In-natura ta’ waħda u l-oħra [iż-żwieġ u ċ-ċelibat] hija ‘konjugali,’ jiġifieri, li hija mfissra permezz tal-għotja sħiħa tal-persuna. Dawn iż-żewġ tipi ta’ mħabbiet ifissru li t-tifsira konjugali tal-ġisem, li sa mill-bidu kienet imnaqqxa fl-istruttura personali tar-raġel u l-mara... L-imħabba konjugali, li ssib l-espressjoni tagħha fis-safa minħabba s-saltna tas-sema jeħtieġ li tmexxi fl-iżvilupp normali tagħha lejn il-paternità u l-maternità f’sens spiritwali ... Minnu nnifsu, it-tnissil fiżiku wkoll iwieġeb b’mod sħiħ għat-tifsira tiegħu biss jekk huwa msaħħaħ mill-paternità u l-maternità fl-ispirtu, li l-espressjoni u l-frott tiegħu huwa x-xogħol edukattiv tal-ġenituri lejn uliedhom”.

 

Il-qalb umana kapaċi twettaq ħwejjeġ li ma jitwemnnux għal min tħobb. Anki l-imħabba ta’ min hu ċelebi minħabba s-Saltna tas-Smewwiet, issir nuzzjali għax tinsa kompletament lilha nnifisha u ssir il-proprjetà ta’ Kristu l-Feddej! Nhar it-28 ta’ April 1982, l-Isqof ta’ Ruma fisser hekk dan il-ħsieb.

 

“Huwa naturali għall-qalb umana li tilqa’ l-isfidi, anki dawk diffiċli, f’isem l-imħabba għall-idejal, u fuq kollox, f’isem l-imħabba lejn persuna ... Kristu tana lilu nnifsu ... sal-aħħar, fil-misteru tal-Għid u f’dak Ewkaristiku. B’dan il-mod, is-safa minħabba s-saltna tas-sema, il-għażla tal-verġinità jew iċ-ċelibat għall-ħajja kollha, saret l-esperjenza tad-dixxipli u s-segwaċi ta’ Kristu. Saret l-att ta’ tweġiba partikulari ta’ mħabba għall-Għarus Divin. Għalhekk, hija ħadet it-tifsira ta’ att nuzzjali ta’ mħabba, li hu, għotja nuzzjali tal-persuna tagħha nnifisha bil-għan li tirreċiproka, b’mod partikulari, għall-imħabba nuzzjali tal-Feddej. Hija għotja tal-persuna b’mod sħiħ, imfissra bħala ċaħda, imma fuq kollox magħmula mill-imħabba”.

 

L-imħabba bħala ċaħda tal-persuna hija l-essenza tal-imħabba nuzzjali lejn Kristu fil-konsagrazzjoni tal-individwu minħabba s-saltna tas-smewwiet. B’hekk, il-ġisem tal-bniedem jirbaħ fuq id-dnub, li hu ikkaratterizzat mis-suppervja li wieħed jagħmel dak li jaqbillu. Fit-twettieq tar-rieda ta’ Alla, il-bniedem jikseb mill-ġdid id-dinjità tiegħu.

 

Fil-katekeżi mogħtija nhar il-21 ta’ Lulju 1982, Papa Wojtyla jgħid hekk: “Il-ħelsien tal-ġisem huwa muri mhux biss fil-qawmien bħala r-rebħa fuq il-mewt ... imma [bħala] it-tama tar-rebħa fuq id-dnub, li tista’ tissejjaħ it-tama għal kull ġurnata. Fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum il-bniedem jeħtieġlu jieħu l-ispirazzjoni u s-saħħa tiegħu mill-misteru tal-fidwa ta’ ġismu biex iseħħlu jegħleb il-ħażen li hemm moħbi fih taħt il-forma tat-tliet tipi ta’ konkupixxenza [jiġifieri l-ġibda tal-ġisem, iż-żina tal-għajnejn u l-kburija tal-ħajja]. Meta tippenetra kuljum id-dimensjoni tal-moralità umana, il-fidwa tal-ġisem l-ewwelnett tgħin biex wieħed jiskopri dan il-ġid kollu, li bih il-bniedem jikseb ir-rebħa tiegħu fuq id-dnub u fuq il-konkupixxenza. Kelmiet Kristu ġejjin mill-abbiss divin tal-misteru tal-fidwa. Huma jħalluna niskopru u nsaħħu r-rabta li teżiżti bejn id-dinjità tal-bniedem (raġel u mara) u t-tifsira nuzzjali tal-ġisem. Iħalluna nifmhu u npoġġu fil-prattika, fuq is-sies ta’ din it-tifsira, il-ħelsien matur tad-don tal-ġisem. Mod ta’ kif dan id-don huwa mfisser huwa l-indissolubilità taż-żwieġ filwaqt li l-mod l-ieħor hu ċ-ċaħda miż-żwieġ minħabba s-saltna ta’ Alla. Permezz ta’ dawn it-toroq differenti Kristu jirrivela b’mod sħiħ il-bniedem lill-bniedem sabiex jagħmlu iżjed konxju tas-sejħa għolja tiegħu”.

 

L-imħabba nuzzjali tal-verġinità minħabba s-Saltna t'Alla kif mfissra b’mod qawwi bil-ġisem uman, tinġabar fil-frażi libera u attitudni miftuħa għar-rieda ta’ Alla li l-bniedem jgħixha b’ġismu stess: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla!” (Lhud 10, 7).

 

Patri Mario Attard OFM Cap

 


 

l. Is-sagramentalità taż-żwieġ u l-analogija ta’ Kristu u l-Knisja

 

Iż-żwieġ huwa mister tassew kbir. Ir-raġuni hija l-għaliex iż-żwieġ huwa xebħ ħaj tar-rabta dejjiema u fidila ta’ Kristu mal-Ġisem tiegħu, il-Knisja. F’dan id-dawl, ikun għaqli jekk fil-mixja tagħna fit-Teoloġija tal-Ġisem kif iwassla lilna mill-Beatu Ġwanni Pawlu II, nagħtu titwila lejn kif din ir-rabta isseħħ tassew.

 

Kien San Pawl innifsu huwa ċar kristall. L-Appostlu tal-Ġnus irnexxielu jagħtina ritratt mill-isbaħ u anki qawwi ta’ din ir-rabta misterjuża, vera u sublimi. Dan huwa jwettqu fil-ħames kapitlu tal-Ittra tiegħu lill-Efesin.

 

“Oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f’kollox.  

 

Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta’ ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil ta’ l-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd. Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ‘il martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ‘il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u l’ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir! Għalhekk intom ukoll, kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha” (Ef 5, 21-33).

 

F’dan it-test bibliku hemm maħżuna fih l-analoġija kbira taż-żwieġ uman maż-żwieġ ta’ Kristu u l-Għarusa tiegħu, il-Knisja. L-għaqda ta’ waħda iddawwal l-għaqda tal-oħra. Il-fedeltà u r-rispett taż-żwieġ uman huma maħsuba biex jagħtuna ħjiel tan-natura tal-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja, jiġifieri imħabbtu għalina lkoll li nemmnu. Minn naħa l-oħra, id-don totali ta’ Kristu tiegħu nnifsu fuq is-Salib juri l-profondità tal-imħabba tiegħu u tas-sagrifiċċju neċessarju li jrid isir biex iż-żwieġ ta’ din l-art, bejn mara u raġel dgħajfa, mhux biss jissopravivi imma wkoll jikber. Is-Sagrament taż-Żwieġ huwa sinjal tal-qawwa ħelliesa ta’ Alla u tal-patt tiegħu mal-bnedmin. Permezz tal-fidwa ta’ Kristu li hemm fih iż-żwieġ jagħti wkoll lill-bniedem il-grazzja li jgħix dak li jfisser fih u bih, jiġifieri bl-għotja totali u sħiħa tal-miżżewġin tagħhom infushom u kif ukoll tal-għaqda li jżommu bejniethom. Għalhekk, kif ikkummenta l-Beatu Ġwanni Pawlu II fil-katekeżi tat-8 ta’ Settembru tal-1982, iż-żwieġ huwa l-“iktar manifestazzjoni antika tal-pjan [ta’ Alla] fid-dinja maħluqa, b’rivelazzjoni u manifestazzjoni definittivi. Ir-rivelazzjoni li ‘Kristu ħabb il-Knisja u ta’ ħajtu għaliha,’ u b’hekk imħabbtu ħelliesa ġiet mogħtija l-karattru u t-tifsira nuzzjali tagħha”.

 

Fil-katekeżi li taha nhar it-18 ta’ Awwissu tal-1982, il-Papa jissokta jfisser kif it-tixbiha li nsibu fl-Ittra lill-Efesin toħroġ għad-dawl l-essenza taż-żwieġ Nisrani. “L-analoġija wżata fl-Efesin, li ddawwal il-misteru tar-relazzjoni bejn Kristu u l-Knisja, tikxef fl-istess ħin il-verità essenzjali dwar iż-żwieġ. Iż-żwieġ jikkorespondi mas-sejħa tal-Insara meta jirrifletti l-imħabba li Kristu l-Għarus jagħti lill-Għarusa tiegħu, il-Knisja, u li l-Knisja … tipprova tagħti lura lil Kristu. Din hija mħabba ħelliesa, mħabba li tifdi, l-imħabba li biha il-bniedem ġie maħbub biha minn Alla fi Kristu sa mill-eternità (Ef 1, 4)… Iż-żwieġ ikun biss jixbaħ lis-sejħa tal-Insara bħala miżżewġin jekk din l-imħabba hija riflessa u mwettqa fih”.  

 

Nhar l-1 ta’ Diċembru tal-1982, il-Papa Pollakk taha definizzjoni mill-isbaħ ta’ x’inhu tassew iż-żwieġ fi Kristu. “Iż-żwieġ huwa s-sagrament primordjali, f’ċertu sens imwieled mill-ġdid fl-imħabba nuzzjali ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu”. L-imħabba nuzzjali ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu hija ġenwina għaliex hija tajba, veru u ma tintemm qatt. U, għax l-imħabba tiegħu hija dejjem preżenti għall-Knisja, sew meta tkun qaddisa u sew meta titradih, hija ma taħrabx waqt il-għawġ tal-ħajja imma tibqa’ tħobb ħalli tfejjaq. Il-fedeltà tal-imħabba ta’ Kristu issir l-ispirazzjoni, id-duwa u l-garanzija tal-permenza tal-imħabba dgħajfa u umana fiż-żwieġ.

 

Hekk għallem Papa Wojtyla fil-15 ta’ Diċembru tal-1982: “Iż-żwieġ … huwa s-sagrament li fih ir-raġel u l-mara, imsejħa li jsiru  ‘ġisem wieħed’, jieħdu sehem fl-imħabba ħallieqa ta’ Alla. Jieħdu sehem fiha kemm mill-fatt li, għaliex maħluqa xbiha ta’ Alla, minħabba r-raġuni ta’ din it-tixbiha huma msejħa għall-għaqda partikulari (communio personarum), u kif ukoll l-għaliex din l-istess għaqda, mill-bidu tagħha, ġiet imbierka bil-barka tal-frott”.

 

Bħala konklużjoni nistgħu ngħidu li l-imħabba nuzzjali ta’ Kristu lejn il-Knisja hija s-sies tas-sagramentalità taż-żwieġ. Liema mħabba hija mfaħħra u irriklmata bil-kbir fit-13-il kapitlu tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin. “L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox titama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt” (1 Kor 13, 4-8).

 

Patri Mario Attard OFM Cap


 

m. Riflessjonijiet fuq Humanae Vitae (I)

 

Fil-mixja tagħna fl-apprezzament tat-teoloġija tal-ġisem, kif miġjuba lilna mill-Beatu Ġwanni Pawlu II, huwa tabilħaqq importanti li naraw kif din it-teoloġija ġiet influwenzata mill-enċiklika dwar ir-regolamentazzjoni tat-tnissil il-ħajja, Humanae Vitae. F’din il-kitba se naraw dan b’rabta mal-istruttura fundamentali tal-att taż-żwieġ u mal-paternità u l-maternità responsabbli.

 

Il-paragrafu 12 tal-Humanae Vitae huwa dak li jinteressana mill-viċin fid-diskussjoni tagħna tar-relazzjoni bejn din l-enċiklika u t-teoloġija tal-ġisem. It-test jgħid hekk: “Din id-duttrina partikulari, imfissra spiss mill-Maġisteru tal-Knisja, hija msejsa fuq l-għaqda inseparabbli, stabbilita minn Alla, li l-bniedem, mill-inizjattiva tiegħu, m’għandux ikisser. Dik l-għaqda bejn it-tifsira unitarja u dik prokrejattiva li huma imdaħħlin it-tnejn fl-att taż-żwieġ”. Dak li Humanae Vitae qiegħedha tgħid hu li l-għan taż-żwieġ huwa doppju: l-imħabba tal-koppja u dak tat-tnissil tal-ulied.

 

F’dan il-kuntest ikun għaqli jekk naraw ftit l-istruttura fundamentali tal-att taż-żwieġ. Il-Beatu Ġwanni Pawlu II jipprova jfisser il-pożizzjoni kontroversjali u fl-istess ħin mhux mifhuma tal-Papa Pawlu II f’Humanae Vitae billi juri l-għaliex il-kontraċezzjoni m’hijiex skont id-dinjità tal-persuna. Huwa għaliex l-att taż-żwieġ fih nnifsu, maħluq minn Alla, li jgħaqqad kemm lill-koppja u kif ukoll li jiftaħ għall-ħajja. Meta l-imsieħba tal-koppja jagħtu lilhom infushom lil xulxin impliċitament qiegħdin jistqarru li jixtiequ l-għaqda ma’ xulxin u huma miftuħa għall-possibbiltà tat-tnissil. Il-kontraċezzjoni iċċaħħad l-aspett prokrejattiv u għalhekk il-verità integrali tal-att innifsu. B’dan il-mod il-koppja m’hijiex tgħid il-verità bl-iġmsa tagħha imma tigdeb. Iktar milli tilqa’ lill-persuna b’mod sħiħ bħalma Alla ħalqu jew ħalaqha, bil-kapaċità li tgħaqqad u tnissel, fil-kontraċezzjoni hemm ir-rifjut tal-persuna l-oħra permezz tar-rifjut tal-fertilità tiegħu jew tagħha.

 

Fil-fatt, Papa Wojtyla jgħallem hekk nhar il-11 ta’ Lulju 1984: “Il-kliem t’hawn fuq tal-enċiklika tal-Papa Pawlu VI jikkonċernaw dak il-mument fil-ħajja komuni fejn il-miżżewġin jingħaqdu ma’ xulxin fl-att taż-żwieġ u jsiru, skont l-espressjoni biblika, ‘ġisem wieħed’ (Ġen 2, 24). Huwa preċiżament f’dak il-mument tant għani fit-tifsira li l-lingwa tassew importanti tal-ġisem tiġi moqrija mill-ġdid fil-verità. Dan il-qari jsir il-kundizzjoni indispensabbli biex wieħed jaġixxi fil-verità, jiġifieri li jaġixxi skont il-valur u n-norma morali”. 

 

Fl-istess katekeżi l-Papa jkompli jgħid li “‘l-att taż-żwieġ …’ fl-istess ħin ‘jgħaqqad lill-mara u lir-raġel f’intimità mill-iktar intima’ u jagħmilhom flimkien ‘kapaċi jnisslu ħajja ġdida’. Il-wieħed u l-ieħor iseħħu ‘permezz ta’ struttura fundamentali’. Sakemm dan hu hekk jirriżulta li l-persuna umana (bin-neċessità proprja għar-raġuni, għan-neċessità loġika) jeħtieġ li taqra fl-istess ħin ‘iż-żewġ tifsiriet tal-att taż-żwieġ’ u kif ukoll ‘il-għaqda inseparabbli bejn it-tifsira unitarja u prokrejattiva tal-att taż-żwieġ. Hawnhekk qiegħdin nittrattaw il-lingwa tal-ġisem”.

 

La l-kontraċezzjoni hija gidba għaliex tmur kontra t-tifisra taż-żwieġ kif riedu Alla, l-att taż-żwieġ miftuħ għall-ħajja jgħolli d-dinjità tal-koppja għaliex iżejjinha bil-maternità u l-paternità responsabbli. Il-Beatu Ġwanni Pawlu II jikkwota kemm id-dokument tal-konċilju Vatikan it-tieni, Gaudium et Spes u anki l-Humanae Vitae, biex ifisser it-trobbija responsabbli tal-ulied. Il-koppji miżżewġin jeżerċitaw il-maternità u l-paternità responsabbli tagħhom billi jieħdu deċiżjonijiet prudenti rigward il-familji tagħhom imsejsa fuq is-saħħa u ċ-ċirkustanzi personali tagħhom u kif ukoll f’dak li jaqbel għas-soċjetà u l-Knisja.

 

Anki jekk, minħabba raġunijiet serji, dan jinvolvi li wieħed ma jkollux iżjed ulied għal xi żmien kemm definittiv jew le, il-koppja m’għandha qatt tkisser id-dinjità tal-persuna u tal-att taż-żwieġ billi tuża l-kontraċezzjoni. Għall-kuntrarju il-koppji jistgħu jużaw mezzi moderni u mill-aktar effettivi ta’ Ippjanar Naturali tal-Familja li bihom jistgħu jikkultivaw apprezzament għall-fertilità tal-mara u ta’ astensjoni tul iż-żminijiet tal-feritilità. L-għarfien u r-rażan bijoloġiku, li eżerċizzju bħal dan jitlob, jagħmel unur lid-dinjità tal-bniedem.

 

Fil-fatt, fid-dokument tal-Pawlu Pawlu VI, Humanae Vitae, f’paragrafu 21 nsibu hekk: “Ir-regolamentazzjoni tajba u leċita tat-twelid tat-tfal tippreżupponi li, l-ewwel u qabel kollox, ir-raġel u l-mara jagħrfu u jivvalorizzaw b’mod sħiħ il-barka veru tal-ħajja familjari, u t-tieni li jiksbu ħakma sħiħa fuqhom infushom u fuq l-emozzjonijiet tagħhom”.

 

L-istess tagħlim insibuh preżenti f’żewġ katekeżijiet li Papa Wojtyla taha fl-1984. Fl-1 ta’ Awwissu ta’ dik is-sena l-Isqof ta’ Ruma qal: “Il-kunċett tal-maternità u l-paternità responsabbli hemm fih id-diżpożizzjoni mhux biss li wieħed jevita iktar twelid imma wkoll li jkabbar il-familja skont il-kriterji tal-prudenza”. Filwaqt li nhar it-3 ta’ Ottubru l-Papa għallem: “Kull min jara biss f’Humanae Vitae it-tnaqqis tal-paternità u l-maternità responsabbli għal sempliċiment rittmi bioloġiċi ta’ fertilità ċertament li jaqra u jinterpreta l-enċiklika b’mod żbaljat … Paternità u maternità, mifhuma b’mod sħiħ, m’hija xejn għajr element importanti tal-ispiritwalità kojugali u familjari … Is-sagrament taż-żwieġ isaħħaħhom u … jikkonsagrahom [għall-]milja [tas-sejħa tagħhom].”

 

Mill-Humanae Vitae tal-Papa Pawlu VI u mit-teoloġija tal-ġisem tal-Beatu Ġwanni Pawlu II, is-sagrament jingħex meta fiż-żewġ għanijiet ewlenin tiegħu, jiġifieri l-għotja ta’ xulxin fl-imħabba u l-ftuħ tal-ħajja umana. Il-kontraċezzjoni hija moralment ħażina għaliex tmur kontra din il-viżjoni tal-Ħallieq. Jekk għal xi raġuni serja ma jkunx possibbli li tnissel l-ulied il-mezzi moderni u mill-aktar effettivi ta’ Ippjanar Naturali tal-Familja għandhom jitħaddmu. L- astensjoni tul iż-żminijiet tal-feritilità għandha iktar ixxennaq il-koppja biex filwaqt propizju tingħaqad fl-att tal-imħabba taż-żwieġ.

 

Patri Mario Attard OFM Cap

 


 

n. Riflessjonijiet fuq Humanae Vitae (II)

 

Punt ċar kristall li joħroġ minn dawn ir-riflessjonijiet tagħna fuq t-teoloġija tal-ġisem huwa l-fatt li kemm din it-teoloġija hija inklussiva. Tant hu hekk li ma jistax isir diskors serju fuq il-maternità u l-paternità responsabbli jekk ma jiġux inklużi fih tlett aspetti importanti (i) l-astinenza; (ii) l-ispirtwalità matrimonjali; u (iii) dak li jagħmel ġieħ lill-bniedem.

 

Biex wieħed jeżerċita l-maternità u l-paternità responsabbli jista’ ikun neċessarju għall-koppja li tipprattika l-kontinenza (jew aħjar l-astinenza mill-att sesswali) matul il-perjodi fertili tal-mara. Forsi b’sorpriża għal uħud, jeżiżtu benefiċċji għall-koppja li proprju jiġu mill-prattika tal-kontinenza. Il-Beatu Ġwanni Pawlu II jirrikonoxxi l-isfida li l-kontinenza tippreżenta lill-koppji. Hija biss permezz tal-imħabba, li ġejja mill-Ispirtu s-Santu, li l-koppji jistgħu jħabbtu wiċċhom mhux biss ma’ din l-isfida imma wkoll mal-ħafna sfidi oħra li toffri l-ħajja miżżewġa.

 

Fil-katekeżi li kien ta nhar l-24 ta’ Ottubru 1984, il-Papa qal hekk: “Ir-rwol tal-kastità konjugali, u b’mod iktar preċiż, dak tal-kontinenza, qiegħdha mhux biss fil-ħarsien tal-importanza u d-dinjità tal-att konjugali f’rabta mat-tifsira prokrejattiva tiegħu. Teżiżti wkoll fil-ħarsien tal-importanza u d-dinjità proprja tal-att konjugali bħala l-espressjoni tal-għaqda interpersonali li turi l-għarfien u l-esperjenza tal-koppja l-manifestazzjonijiet possibbli tal-affezzjoni li jistgħu jesprimu din il-komunjoni profonda tagħhom”.

 

It-talb, l-Ewkaristija u s-Sagrament tal-Rikonċiljazzjoni kollha jgħinu bil-bosta biex il-koppja tgħix din il-kontinenza. Dan ifissru Papa Wojtyla fil-katekeżi tat-3 ta’ Ottubru 1984. “‘Il-qawwa’ essenzjali u fundamentali hija l-imħabba mxettla fil-qalb … permezz tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk, l-enċiklika [Humanae Vitae] turi kif il-koppja miżżewġa jeħtieġilha titlob din il-qawwa essenzjali u kull għajnuna oħra divina mit-talb. Kif jistgħu jieħdu l-grazzja u l-imħabba mill-għajn dejjem ħajja tal-Ewkaristija. Kif, ‘b’perseveranza umli,’ huma għandhom jegħlbu d-dgħjufijiet u d-dnubiet tagħhom fis-Sagrament tal-Penitenza. Dawn huma l-mezzi – infallibbli u indispensabbli – biex tiġi iffurmata spiritwalità Nisranija taż-żwieġ u tal-familja”.

 

Il-Beatu Ġwanni Pawlu II juri li l-Knisja tgħallem dan it-tagħlim minħabba l-interess li għandha għall-ġid veru tal-bniedem. Xi minn daqqiet naħsbu li trid tikkontrollana mentri fil-verità kulma trid hu li tarana ngħixu ta’ wliedha liberi. Għalhekk, il-bniedem jista’ jkun tassew liberu meta jgħix skont id-dinjità tiegħu ta’ persuna umana.

 

Dan il-Papa jfissru fit-tlett interventi li għamel fil-katekiżijiet tiegħu. L-ewwel wieħed kien dak tat-22 ta’ Awwissu 1984, fejn qal: “Il-bniedem huwa tabilħaqq persuna għaliex huwa sid tiegħu innifsu u għandu r-rażan fuqu nnifsu. Fil-fatt, huwa sakemm jibqa’ sid tiegħu nnifsu li jista’ jagħti lilu nnifsu lill-ieħor”. Fit-tieni intervent, dak tal-10 ta’ Ottubru 1984, l-Isqof ta’ Ruma għallem hekk: “Għalhekk, l-imħabba … hija l-qawwa mogħtija lill-bniedem biex jipparteċipa f’dik l-imħabba li biha Alla nnifsu jħobb fil-misteru tal-ħolqien u l-fidwa. Hija dik l-imħabba li ‘tifraħ bil-verità’” (1 Kor 13, 6). L-aħħar intervent kien dak tal-25 ta’ Lulju 1984. Hawnhekk il-Beatu saħaq li “l-kura pastorali tfittex it-tfittxija għall-ġid veru tal-bniedem, il-promozzjoni tal-valuri mnaqqxa fil-persuna tiegħu minn Alla. Jiġifieri, tfisser li tosserva dik ir-regola ta’ fehma li hija diretta għas-sejba mill-aktar ċara tal-imħabba umana, fiċ-ċertezza li l-uniku ġid veru tal-persuna umana jikkonsisti filli wieħed itemm dan il-pjan divin”. 

 

X’konklużjoni se niġbdu fuq it-teoloġija tal-ġisem f’rabta mal-enċiklika ta’ Papa Pawlu VI Humanae vitae? Fl-att konjugali m’għandux ikun hemm qasma bejn l-aspett unittiv u dak prokrejattiv. Il-kontraċettivi jikkawżaw din il-qasma fl-att taż-żwieġ kemm fil-komunjoni tal-persuni kif mfissra fid-donazzjoni lil xulxin fl-imħabba, fil-prokrejazzjoni ta’ ħajja ġdida u anki fid-don tar-rażan personali. Għalhekk, l-att kontraċettiv huwa ħażin. Il-Beatu Ġwanni Pawlu II għadda dan it-tagħlim importanti f’żewġ katekeżijiet li ta.

 

Nhar it-22 ta’ Awwissu 1984 Papa Wojtyla għallem: “Fl-att konjugali m’huwiex permess li tifred l-aspett unittiv minn dak prokrejattiv l-għaliex kemm wieħed u kif ukoll l-ieħor jappartjenu għall-verità intima tal-att konjugali … Għalhekk, f’każ bħal dan, l-att konjugali, imċaħħad mill-verità interjuri tiegħu, għaliex huwa artifiċjalment imċaħħad mill-kapaċità prokrejattiva tiegħu, jieqaf ukoll milli jkun att ta’ mħabba. F’każ ta’ firda artifiċjali ta’ dawn iż-żewġ aspetti [l-att kontraċettiv] ma jaqbilx mal-verità interjuri u mad-dinjità tal-komunjoni tal-persuni. Din il-komunjoni titlob li l-lingwaġġ tal-ġisem ikun reċiprokament mfisser fil-verità integrali tat-tifsira tiegħu. Jekk din il-verità ma tkunx hemm wieħed ma jistax jitħaddet kemm mill-verità tar-rażan tiegħu nnifsu u kif ukoll mill-verità tad-don reċiproku u mill-aċċettazzjoni reċiproka ta’ dak li hu/hi mill-persuna l-oħra. Il-ksur tal-ordni interjuri tal-għaqda konjugali, li hija msejsa fl-ordni proprju tal-persuna, tikkonstitwixxi l-ħażen essenzjali tal-att kontraċettiv”.

 

L-aħħar intervent fuq dan is-suġġett seħħ nhar is-27 ta’ Ġunju 1984. “Il-verità u l-qawwa tal-imħabba huma murija fl-abbiltà li wieħed ipoġġi lilu nnifsu bejn il-forzi tat-tajjeb u l-ħażin li hemm jissieltu fil-bniedem u madwaru. Għaliex l-imħabba hija kunfidenti fir-rebħa tat-tajjeb u hija mħejjija li tagħmel minn kollox ħalli t-tajjeb jirbaħ… L-imħabba … hija rebbieħa għaliex titlob”.

 

Patri Mario Attard OFM Cap

 


 

o. Il-Komunjoni fl-Imħabba

 

Fl-aħħar tappa fil-mixja tagħna fit-Teoloġija tal-Ġisem se nitfgħu ħarsitna fuq il-komunjoni fl-imħabba.

 

Għaliex il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr imħabba bilfors ikollu jesprimi mħabbtu fil-“komunjoni tal-persuni.” Din isseħħ meta tnejn minn nies jagħtu lilhom infushom u jilqgħu liberament lil xulxin fl-imħabba. L-imħabba veru isseħħ f’din l-għotja reċiproka. Kif juruna l-Vanġeli, il-punt essenzjali tal-ħajja Nisranija huwa li tħobb.

 

Kwotazzjoni għall-qalb il-Beatu Ġwanni Pawlu II hija meħuda mill-Gaudium et Spes li tgħidilna: “Kristu … jirrivela b’mod sħiħ il-bniedem lill-bniedem innifsu u jagħmel is-sejħa suprema tiegħu ċara” (§ 22). X’jirrivela Kristu jekk mhux li “m’hemmx imħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għall-ħbiebu?” (Ġw 15, 13). Huwa Kristu innifsu li jirrivelalna s-sejħa bażika tagħna bħala persuni billi jagħtina lilu nnifsu f’mewtu fuq is-Salib. Permezz tat-Teoloġija tal-Ġisem, Ġwanni Pawlu II jipprova jippreżentalna l-messaġġ evanġeliku tal-imħabba b’mod ġdid u profond. Jaf li l-imħabba hi dik li n-nies ifittxu. Saħansitra fl-enċiklika tiegħu, Redemptor Hominis, jgħidilna: “Il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr imħabba. Huwa jibqa’ esseri li hu misteru għalih innifsu. Ħajtu hi bla sens jekk l-imħabba mhix irrivelata lilu, jekk ma jiltaqax magħha, jekk ma jesperjenzahiex u jagħmilha tiegħu, jekk ma jieħux sehem fiha b’mod intimu” (§ 10).

 

X’għandu x’jaqsam il-ġisem uman ma’ dan kollu? F’dinja fejn il-ġisem sar oġġett ta’ pjaċir jew magna li m’għandhiex x’taqsam mal-ħajja spiritwali tagħna, Ġwanni Pawlu II jippreżenta mill-ġdid il-verità kif misjuba fil-Bibbja. Il-ġisem m’huwiex żjieda tal-ħolqien. Anzi, huwa parti essenzjali ta’ dak li aħna bħala persuni umani. Għaliex? Għaliex il-ġisem fiżiku jirrivela l-parti spiritwali tal-persuna. Hekk ngħidu aħna, tista’ tgħid li xi ħadd hu ferħan minħabba t-tbissima li jkollu fuq wiċċu. Il-ferħ m’huwiex xi ħaġa fiżika, tanġibli, viżibbli. Jinħtieġ sinjal fiżiku biex ifissru.

 

Bl-istess mod, Adam u Eva setgħu jaraw mid-differenza fl-iġsma fiżiċi tagħhom (kienu għarwenin) li kienu msejħa għall-għaqda u l-komunjoni. Li kienu msejħa għall-IMĦABBA, biex jagħtu lil xulxin f’għotja totali, kemm fil-ġisem u kif ukoll fir-ruħ, fil-mod l-aktar komplet u possibbli għall-bniedem, jiġifieri l-għaqda sesswali. Din l-għaqda fiżika tipponta u tfisser unjoni iktar profonda u spiritwali. Bl-istess mod li tbissima hija vojta jekk wieħed ma jkunx ferħan l-għaqda sesswali hija vojta mingħajr l-għaqda spiritwali. Il-komunjoni fiżika tagħhom mhux biss tipponta għall-komunjoni inviżibbli bejn ir-raġel u l-mara imma, fir-rejaltà, turi li din l-imħabba, din l-għotja tal-persuna tagħha nnifisha, hija s-sejħa li għaliha ġejna imsejħin. Hija dak li għalih ġejna maħluqa.

 

Ġwanni Pawlu II jgħid li Alla ħalaq ġisimna bil-mod li ħalqu biex jurina li aħna msejħa biex inħobbu. Li r-raġuni tal-eżiżtenza tagħna hija li nħobbu, li nkunu rigal għall-ħaddieħor. Huwa jsejjaħ dan bħala “t-tifsira nuzzjali tal-ġisem”. Fil-katekeżi tiegħu tas-16 ta’ Jannar 1980, il-Papa fisser li “l-ġisem uman jinkludi d-dritt mill-bidu … il-kapaċità li jfisser l-imħabba, li l-imħabba li biha persuna ssir rigal – u permezz ta’ dan ir-rigal – ittemm il-milja tal-esseri u l-eżiżtenza tagħha”.

B’sorpriża għal uħud, Ġwanni Pawlu II jissokta jgħid li fiha nnifisha, l-għaqda konjugali tfisser sinjal tax-xewqa ta’ Alla għall-għaqda sħiħa magħna. Liema għaqda hija intima u mhux sesswali. Hija sinjal tal-imħabba ta’ Kristu għall-għarusa tiegħu l-Knisja. Kemm hu mportanti għalhekk li l-koppji jgħixu r-relazzjonijiet tagħhom skont kif kienu maħsuba minn Alla biex juru b’mod l-aktar preċiż lid-dinja l-pjan etern tiegħu għall-umanità. San Pawl jgħallem: “Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha” (Ef 5, 25). Imbagħad jirreferi mill-ġdid għall-bidu, bħalma Kristu jagħmel fil-Vanġeli meta jgħid: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u l’ ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir!” (Ef 5, 31-32).

 

Ġwanni Pawlu II ifisser li permezz tal-għaqda sesswali l-ġisem jitħaddet “lingwa”. U din il-lingwa jeħtiġielha titħaddet fil-verità. Ġaladarba n-natura proprja tal-att konjugali, kif mħejji minn Alla, jinkludi kemm fih kemm l-għaqda interpersonali tal-koppja u kif ukoll il-potenzjal għall-prokrejazzjoni, ir-raġel u l-mara ma jistgħux jingħaqdu b’mod kontraċettiv. Meta jagħżlu l-kontraċezzjoni, ikunu qiegħdin jagħmlu dannu kemm lilhom infushom, għaliex ikissru d-dinjità tagħhom bħala persuni u kif ukoll jagħmlu ħsara lill-att konjugali innifsu. 

 

Minħabba l-interess kontinwu tiegħu għal dak li tassew jagħmel ġieħ lill-bniedem, Ġwanni Pawlu II juża t-Teoloġija tal-Ġisem biex ifisser iżjed l-għanijiet wara l-enċiklika kontroversjali dwar il-kontraċezzjoni tal-Papa Pawlu VI, Humanae Vitae. Fil-katekeżi li ta nhar it-22 ta’ Awwissu 1984, Papa Wojtyla qal hekk:

 

“Ir-raġel u l-mara jissuktaw fil-lingwa tal-ġisem dak id-djalogu li, skont Ġenesi 2, 24-25, kellu l-bidu tiegħu f’jum il-ħolqien. Din il-lingwa tal-ġisem hija xi ħaġa iktar minn sempliċiment reazzjoni sesswali. Bħala lingwa awtentika tal-persuni, hija suġġetta għad-għas-sottomissjoni lejn il-verità, jiġifieri lejn in-normi morali oġġettivi. Preċiżament fuq il-livell ta’ din il-lingwa, ir-raġel u l-mara jfissru lil xulxin b’mod reċiproku u bl-iktar mod profond possibbli għalihom … Ir-raġel u l-mara jesprimu lil xulxin fil-qies tal-verità sħiħa tal-persuni umani”.

 

Il-ġisem tal-bniedem huwa s-santwarju, it-tempju tal-Ispirtu s-Santu, fejn l-għotja tal-imħabba reċiproka u sħiħa ta’ Alla lejn il-bniedem, il-komunjoni fl-imħabba, isseħħ b’mod korporali, reċiproku, u sħiħ, fil-persuni tal-miżżewġin.

 

Patri Mario Attard OFM Cap

 


 

p. Konklużjoni

 

Fil-konklużjoni tagħna fuq it-Teoloġija tal-Ġisem ikun għaqli jekk naraw ftit xi aspetti li jgħinnuna bis-sħiħ ħalli napprezzaw iżjed din il-kontribuzzjoni daqshekk oriġinali, qadima u fl-istess ħin attwali lill-antropoloġija tal-bniedem, li ħarġet minn idejn il-Beatu Ġwanni Pawlu II.

 

Jekk l-aspett prokrejattiv tal-għaqda konjugali jiġi mwarrab il-verità dwar il-persuna u l-att fih innifsu jinqerdu. Minn barra tista’ tidher li r-raġel u l-mara qiegħdin kompletament jagħtu lilhom infushom lil xulxin. Iżda fir-realtà m’humiex għaliex qiegħdin jirrifjutaw li jilqgħu dak kollu li ġġib magħha l-persuna l-oħra, inkluż il-fertilità tiegħu u tagħha. Minn naħa l-oħra, meta l-koppji irażżnu lilhom infushom u jippromovu r-rispett lejn xulxin u lejn l-att konjugali huma imsejħa biex jipprattikaw il-paternità responsabbli u, b’dan il-mod, jaġixxu b’mod li jixraq tassew lill-persuna.

 

Il-manjiera l-oħra biex wieħed jgħix d-don tiegħu nnifsu, li għalih kull persuna umana hija msejħa li tgħix, huwa permezz tas-sejħa għaċ-ċelibat. Il-persuna ċelebi turi lill-bqija tad-dinja dak li aħna, finalment, imsejħa u ddestinati għalih fis-sema: l-għaqda sħiħa ma’ Alla.  Kuntrarju għal dak li ħafna nies jistgħu jaħsbu, iċ-ċelibat m’huwiex ripressjoni tas-sesswalità tal-persuna. Anzi, irġiel u nisa ċelebi huma msejħa biex jużaw l-enerġija sesswali tagħhom biex jagħmlu minnhom infushom rigal lill-oħrajn f’għadd ta’ modi: bħal ngħidu aħna fis-servizz, fl-evanġelizzazzjoni u fil-parentela spiritwali u l-bqija.

 

Il-Beatu Ġwanni Pawlu II jaf li li tgħix waħda minn dawn iż-żewġ seħjiet m’hijiex ħafifa. Fil-fatt, m’hijiex possibbli mingħajr il-grazzja tal-fidwa ta’ Kristu. Iżda, permezz tal-qawwa tal-mewt u l-qawmien tiegħu, hija possibbli li wieħed jgħix is-safa tal-qalb fir-relazzjonijiet. Dan mhux biss hu possibbli iżda neċessarju!

 

Bit-teoloġija tal-Ġisem il-Beatu Ġwanni Pawlu II qiegħed jgħidilna biex ma nħallux liż-żina tkissirna. Kristu ma jikkundannaniex iżda jsejħilna għas-safa.

 

F’katekeżi li għamel nhar id-29 ta’ Ottubru tal-1980, il-Papa qalilna: “[Il-bniedem] huwa msejjaħ preċiżament għal dak il-valur suprem li hu l-imħabba. Huwa msejjaħ bħala persuna fil-verità tal-umanità tiegħu. Għalhekk, ukoll fil-verità tal-maskulinità u l-feminilità, fil-verità ta’ ġismu. Huwa msejjaħ f’dik il-verità li kienet il-wirt sa mill-bidu, il-wirt ta’ qalbu, li hija iktar profonda mid-dnub li wiret, profonda iktar miż-żina... Il-kelmiet ta’ Kristu, imqiegħdha fir-realtà sħiħa tal-ħolqien u l-fidwa, iqajmu mill-ġdid dak il-wirt profond u jagħtuh qawwa reali fil-ħajja umana”.

 

Kristu jistieden lill-qalbna u jsejħilna biex nagħżlu, b’mod ħieles, ħajja li hija skont id-dinjità tagħna bħala persuni, maħluqa skont ix-xbieha ta’ Alla! Huwa biss meta ngħixu din id-dinjità vera tagħna bħala nisa u rġiel, maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla, li aħna nkunu tassew sodisfatti u ferħana fis-sens l-iktar profond possibbli. Għaliex din hija l-ħajja li aħna ġejna ippjanati u maħluqa li ngħixu sa mill-bidu.

 

Patri Mario Attard OFM Cap