TEMI MID-DOKUMENT FINALI

Kumment mill-Isqof Mario Grech.

L-Akkumpanjament. Elton Vella.

Iż-Żgħażagħ huma il-preżent tal-Knisja mhux biss il-futur. Dun Mark Sultana.

Żgħażagħ akkumpanjati mill-Familja. Mons. Charles Attard.

Il-Vokazzjoni għall-Ħajja Miżżewġa. Dun Anton Teuma

Vokazzjoni vs Professjoni. Marija Attard

Is-Seminarji. Dun Richard N. Farrugia

L-Ambjent Diġitali. Dun Daniel Sultana

Metodi Ġodda. Kan. Noel Saliba

It-Talenti taż-Żgħażagħ u l-Knisja. Mark Laurence Zammit


Aktar dwar is-Sinodu 2018 mill-MCYN

Taf x'inhu s-Sinodu tal-Isqfijiet?

Taf x'inhija t-tema tas-Sinodu 2018?

X'inhi l-Fidi?

Taħseb li Alla jixtieq xi ħaġa minn ħajtek?

X'tifhem bil-kelma, Vokazzjoni?

X'tifhem bil-kelma, Dixxerniment?

X'inhi Eżortazzjoni Appostolika?

Il-Knisja tagħti kas l-opinjoni taż-Żgħażagħ?

Taf x'qed jipproponi l-Papa Franġisku?


Aktar tagħrif dwar is-Sinodu ...

 

 

 

 

 

Introduzzjoni ...

L-Ewwel Kapitlu. Baqa' miexi magħhom ...

It-Tieni Kapitlu. Infetħulhom għajnejhom ...

It-Tielet Kapitlu. Dak il-ħin stess qamu ...

Konklużjoni ...


 

DOKUMENT FINALI

TAL-XV-IL ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA

(3-28 TA’ OTTUBRU 2018)

TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

DWAR

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-FIDI U D-DIXXERNIMENT VOKAZZJONALI

LILL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

27 TA’ OTTUBRU 2018


 

INTRODUZZJONI

 

Il-ġrajja sinodali li għexna flimkien

1. “Jiena nsawwab mill-Ispirtu tiegħi fuq kull bniedem; u jħabbru wliedkom, subien u bniet, u ż-żgħażagħ tagħkom jaraw dehriet, u x-xjuħ tagħkom joħolmu ħolmiet” (Atti 2:17; ara Ġoel 3:1). Din hi l-esperjenza li għexna f’dan is-Sinodu, billi mxejna flimkien u tajna widen għal leħen l-Ispirtu. Hu saħħarna bl-għana tad-doni tiegħu, imliena bil-kuraġġ tiegħu u bil-qawwa tiegħu biex nistgħu nwasslu t-tama lid-dinja.

 

Imxejna flimkien, mas-Suċċessur ta’ Pietru, li wettaqna fil-fidi u mliena bil-ħeġġa tal-missjoni. Imqar jekk konna ġejjin minn kuntesti ta’ perspettiva kulturali u ekkleżjali differenti ħafna, stajna nħossu sa mill-bidu sintonija spiritwali, xewqa għad-djalogu u empatija vera. Ħdimna flimkien, qsamna dak li kien l-aktar għal qalbna, u għidna lil xulxin xi jħassibna, bla ma ħbejna dak li jħabbtilna qalbna. Tant interventi messewlna qalbna u nisslu fina l-kompassjoni evanġelika: ħassejna li konna ġisem wieħed li jbati u jithenna. Nixtiequ naqsmu ma’ kulħadd l-esperjenza tal-grazzja li għexna u ngħaddu lill-Knejjes tagħna u lid-dinja kollha l-ferħ tal-Vanġelu.

 

Il-preżenza taż-żgħażagħ kienet aspett ġdid: permezz tagħhom dewa fis-Sinodu l-leħen ta’ ġenerazzjoni sħiħa. Imxejna magħhom, pellegrini fuq il-qabar ta’ Pietru, u hekk stajna nifhmu kif il-qrubija toħloq il-kundizzjonijiet it-tajba biex il-Knisja tkun spazju ta’ djalogu u xhieda ta’ fraternità affaxxinanti. Il-qawwa ta’ din l-esperjenza tegħleb kull għeja u dgħufija. Il-Mulej il-ħin kollu jtennilna: Tibżgħu xejn, jiena magħkom.

 

Il-proċess tal-preparazzjoni

2. Ksibna ġid kbir mill-kontributi li taw l-Episkopati, u mis-sehem ta’ ragħajja, reliġjużi, lajċi, esperti, edukaturi u bosta oħrajn. Sa mill-bidu ż-żgħażagħ kienu involuti fil-proċess sinodali: il-Kwestjonarju onlajn, tant kontributi personali, u fuq kollox il-Laqgħa presinodali huma sinjal elokwenti ta’ dan. Is-sehem tagħhom kien essenzjali, bħal fir-rakkont tal-ħobżiet u l-ħutiet: Ġesù seta’ jagħmel il-miraklu grazzi għad-disponibbiltà ta’ żagħżugħ li offra b’ġenerożità dak kollu li kellu (ara Ġw 6:8-11).

 

Il-kontributi kollha kienu miġbura fl-Instrumentum laboris, li kien il-qafas sod għall-konfront matul il-ġimgħat tal-Assemblea. Issa dan id-Dokument finali qed jiġbor ir-riżultat ta’ dan il-proċess u jorjentah lejn il-futur: jesprimi dak li l-Padri sinodali għarfu, interpretaw u għażlu fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla.

 

Id-Dokument finali tal-Assemblea sinodali

3. Tajjeb niċċaraw ir-relazzjoni bejn l-Instrumentum laboris u d-Dokument finali. Tal-ewwel hu l-kwadru ta’ riferiment unitarju u sintetiku li ħareġ mis-sentejn ta’ smigħ; tat-tieni hu l-frott tad-dixxerniment li sar u jiġbor in-nuklej tematiċi ġenerattivi li fuqhom il-Padri sinodali kkonċentraw b’intensità u passjoni partikulari. Mela ħa nagħrfu d-diversità u l-kumplimentarjetà ta’ dawn iż-żewġ testi.

 

Dan id-Dokument qed jiġi offrut lill-Qdusija Tiegħu l-Papa (ara Franġisku, Episcopalis communio, n. 18; Istruzzjoni, art. 35 §5) u anki lill-Knisja kollha bħala frott ta’ dan is-Sinodu. Billi l-mixja sinodali għadha ma ntemmitx u fadlilha l-fażi tal-attwazzjoni (ara Episcopalis communio, n. 19-21), id-Dokument finali sa jkun mappa li torjenta l-passi li jmiss li l-Knisja hi msejħa tagħmel.

 

* F’dan id-dokument, bit-terminu “Sinodu” xi drabi nifhmu l-proċess sinodali sħiħ li għaddej u xi drabi l-Assemblea ġenerali li ltaqgħet mit-3 sat-28 ta’ Ottubru 2018.

 

DAĦLA

 

Ġesù jimxi mad-dixxipli ta’ Għemmaws

4. Fl-episodju tad-dixxipli ta’ Għemmaws (ara Lq 24:13-35) sibna test paradigmatiku biex nistgħu nifhmu l-missjoni ekkleżjali f’relazzjoni mal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. Din il-paġna tesprimi tajjeb dak li aħna għexna fis-Sinodu u dak li nixtiequ li kull Knisja partikulari tista’ tgħix f’relazzjoni maż-żgħażagħ. Ġesù jimxi maż-żewġ dixxipli li ma fehmux is-sens ta’ dak li għadda minnu u qed jitbiegħdu minn Ġerusalemm u mill-komunità. Biex ikun fil-kumpanija tagħhom, jimxi t-triq magħhom. Jistaqsihom u b’sabar joqgħod jisma’ l-verżjoni tagħhom tal-fatti biex imbagħad jgħinhom jagħrfu dak li qegħdin jgħixu. Imbagħad, bi mħabba u b’ħeġġa, iħabbrilhom il-Kelma, u jwassalhom biex jaqraw il-ġrajjiet li għaddew minnhom fid-dawl tal-Iskrittura. Jilqa’ l-istedina biex jieqaf għandhom ma’ nżul ix-xemx: huwa jidħol fil-lejl tagħhom. Fis-smigħ il-qalb tagħhom titħeġġeġ u moħħhom jiddawwal, fil-qsim tal-ħobż għajnejhom jinfetħulhom. Huma stess jagħżlu li bla dewmien jerġgħu jaqbdu l-mixja fid-direzzjoni opposta, biex imorru lura għand il-komunità, u jaqsmu l-esperjenza tal-laqgħa tagħhom mal-Irxoxt.

 

F’kontinwità mal-Instrumentum laboris, id-Dokument finali hu maqsum fi tliet partijiet li huma indikati minn dan l-episodju. L-ewwel parti jisimha “Baqa’ miexi magħhom” (Lq 24:15) u tfittex li tixħet dawl fuq dak li l-Padri sinodali għarfu mill-kuntest li fih jgħixu ż-żgħażagħ, u tindika l-punti qawwija u l-isfidi. It-tieni parti, “Infetħulhom għajnejhom” (Lq 24:31), hi interpretattiva u tagħtina xi modi fundamentali kif nistgħu naqraw it-tema sinodali. It-tielet parti, jisimha “Dak il-ħin stess qamu” (Lq 24:33), tiġbor l-għażliet għal konverżjoni spiritwali, pastorali u missjunarja.


 

L-EWWEL PARTI

“BAQA’ MIEXI MAGĦHOM”

 

5. “Dakinhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom” (Lq 24:13-15).

 

F’din is-silta l-evanġelista jagħtina ritratt tal-bżonn ta’ dawn iż-żewġ vjaġġaturi li jfittxu sens fil-ġrajjiet li għexu. Jisħaq fuq l-atteġġjament ta’ Ġesù li jimxi magħhom. L-Irxoxt jixtieq jimxi ma’ kull żagħżugħ u żagħżugħa, jilqa’ x-xewqat tagħhom, imqar jekk delużi, u t-tamiet tagħhom, imqar jekk mhux f’posthom. Ġesù jimxi, jisma’, jaqsam.

 

KAPITLU I

KNISJA LI TISMA’

 

Nisimgħu u nħarsu b’empatija

Il-valur tas-smigħ

6. Is-smigħ hu laqgħa ta’ libertà, li titlob umiltà, sabar, disponibbiltà biex nifhmu, impenn biex infasslu t-tweġibiet tagħna b’mod ġdid. Is-smigħ jibdel il-qalb ta’ dawk li jgħixuh, fuq kollox meta jidħlu f’atteġġjament interjuri ta’ sintonija u doċilità għall-Ispirtu. Mela mhuwiex biss il-ġbir ta’ tagħrif, lanqas strateġija biex nilħqu għan, imma hu l-mod kif Alla nnifsu jġib ruħu mal-poplu tiegħu. Fil-fatt, Alla jilmaħ il-miżerja tal-poplu tiegħu u jisma’ l-krib tiegħu, iħallih imisslu l-ġewwieni tiegħu u jinżel biex jeħilsu (ara Eż 3:7-8). Mela l-Knisja, permezz tas-smigħ, tidħol fil-moviment ta’ Alla li, f’Ibnu, jiġi jiltaqa’ ma’ kull bniedem.

 

Iż-żgħażagħ jixtiequ lil min jismagħhom

7. Iż-żgħażagħ huma msejħa jagħmlu kontinwament għażliet li jorjentaw il-ħajja tagħhom; jesprimu x-xewqa li jiġu mismugħa, rikonoxxuti, imsieħba. Ħafna jħossu li leħinhom mhux jitqies interessanti jew siewi fil-qasam soċjali u ekkleżjali. F’ħafna kuntesti naraw ftit li xejn attenzjoni għall-karba tagħhom, b’mod partikulari għal dak tal-iżjed foqra u sfruttati, flimkien man-nuqqas ta’ adulti disponibbli u li kapaċi jisimgħu.

 

Is-smigħ fil-Knisja

8. Ma jonqsux fil-Knisja inizjattivi u esperjenzi b’saħħithom li permezz tagħhom iż-żgħażagħ jistgħu jduqu l-akkoljenza, is-smigħ u jsemmgħu leħinhom. Imma s-Sinodu jagħraf li mhux dejjem il-komunità ekkleżjali taf turi l-istess atteġġjament li l-Irxoxt kellu mad-dixxipli ta’ Għemmaws, meta, qabel ma dawwalhom bil-Kelma, staqsiehom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” (Lq 24:17). Xi drabi iktar għandna t-tendenza li nipprovdu tweġibiet prekonfezzjonati u riċetti lesti, mingħajr ma nħallu jixirfu l-mistoqsijiet taż-żgħażagħ fl-aspett ġdid tagħhom u nilqgħu l-provokazzjoni tagħhom.

 

Is-smigħ jagħmel possibbli qsim ta’ doni, f’kuntest ta’ empatija. Liż-żgħażagħ jgħinhom jagħtu s-sehem tagħhom lill-komunità, u hekk jgħinuha trawwam sensibbiltajiet ġodda u tagħmel mistoqsijiet li qatt m’għamlet qabel. Fl-istess waqt joħloq il-kundizzjonijiet it-tajba għal tħabbira tal-Vanġelu li tassew tasal sal-qalb, b’mod qawwi u għammiel.

 

Is-smigħ tar-Ragħajja u ta’ lajċi kkwalifikati

9. Is-smigħ hu kwalità importanti tal-ministeru tar-Ragħajja, u qabelxejn tal-Isqfijiet, li, imma, spiss issibhom imtaqqlin iżżejjed b’ħafna impenji u jsibuha bi tqila li jsibu ħin xieraq għal dan is-servizz indispensabbli. Ħafna ħassew li hemm nuqqas ta’ persuni esperti u dedikati għall-akkumpanjament. Jekk nemmnu fil-valur teoloġiku u pastorali tas-smigħ, irridu nerġgħu naħsbu kif inġeddu l-forom li bihom normalment il-ministeru presbiterali jesprimi ruħu u nivverifikaw il-prijoritajiet tiegħu. Barra minn hekk, is-Sinodu jagħraf il-ħtieġa li jkollna persuni kkonsagrati u lajċi, irġiel u nisa, li jkunu mħejjija tajjeb u kkwalifikati għall-akkumpanjament taż-żgħażagħ. Il-kariżma tas-smigħ li l-Ispirtu s-Santu jqanqal fil-komunitajiet tista’ tirċievi wkoll xi għamla ta’ rikonoxximent istituzzjonali għas-servizz tal-Knisja nfisha.

 

Id-diversitajiet ta’ kuntesti u kulturi

Dinja fil-plural

10. L-istess mod kif kien iffurmat is-Sinodu wera biċ-ċar il-preżenza u s-sehem tad-diversi reġjuni tad-dinja, u kixef il-ġmiel tal-Knisja universali. Imqar f’kuntest ta’ globalizzazzjoni dejjem tikber, il-Padri sinodali talbu li jintwerew il-ħafna differenzi bejn kuntesti u kulturi, anki fl-istess pajjiż. Teżisti pluralità ta’ dinjiet taż-żgħażagħ tant li f’xi pajjiżi hemm it-tendenza li t-terminu “żgħożija” jintuża fil-plural. Barra dan, il-faxxa ta’ età li ħares lejha dan is-Sinodu (16-29 sena) ma tirrappreżentax ġabra omoġenja, imma hi magħmula minn gruppi li jgħixu sitwazzjonijiet partikulari.

 

Dawn id-differenzi kollha jħallu impatt qawwi fuq l-esperjenza konkreta li jgħixu ż-żgħażagħ: fil-fatt jolqtu d-diversi fażijiet tal-età evoluttiva, ix-xejriet tal-esperjenza reliġjuża, il-binja tal-familja u r-relevanza tagħha fit-trasmissjoni tal-fidi, ir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet – bħal ngħidu aħna r-rwol tal-anzjani u r-rispett dovut lilhom –, il-modi ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali, l-atteġġjament lejn il-futur, il-kwistjoni ekumenika u interreliġjuża. Is-Sinodu jagħraf u jilqa’ l-għana tad-diversitajiet tal-kulturi u hu għas-servizz tal-komunjoni tal-Ispirtu.

 

Bidliet li qed iseħħu

11. Ta’ importanza partikulari hi d-differenza f’dik li hi dinamika demografika bejn il-pajjiżi b’rata għolja tat-twelid, fejn iż-żgħażagħ jirrappreżentaw kwota sinifikattiva u li qed togħla tal-popolazzjoni, u dawk li fihom l-għadd tagħhom dejjem qed jonqos. Differenza oħra ġejja mill-istorja, li toħloq diversità bejn il-pajjiżi u l-kontinenti ta’ tradizzjoni Nisranija antika, fejn il-kultura ġġorr fiha memorja li mhux ta’ min iħalliha tintilef, u l-pajjiżi u kontinenti mmarkati minn tradizzjonijiet reliġjużi oħra u li fihom il-Kristjaneżmu hu preżenza minoritarja u xi drabi riċenti. F’territorji oħra mbagħad il-komunitajiet Insara u ż-żgħażagħ li jagħmlu parti minnhom huma oġġett ta’ persekuzzjoni.

 

Esklużjoni u emarġinazzjoni

12. Imbagħad bejn il-pajjiżi u fi ħdan kull wieħed minnhom hemm id-differenzi li ġejjin mill-qafas soċjali u mid-disponibbiltà ekonomika li jisseparaw, xi drabi b’mod ċar ħafna, dawk li għandhom aċċess għal għadd dejjem jikber ta’ opportunitajiet li toffri l-globalizzazzjoni, minn dawk li qed jgħixu fit-trufijiet tas-soċjetà u fid-dinja rurali u qed ibatu mill-effetti ta’ xejriet ta’ esklużjoni u skart. Bosta interventi semmew il-ħtieġa li l-Knisja b’kuraġġ turi li hi fuq in-naħa tagħhom u tieħu sehem fil-ħolqien ta’ alternattivi li jneħħu kull esklużjoni u emarġinazzjoni, u jsaħħu l-akkoljenza, l-akkumpanjament u l-integrazzjoni. Għalhekk hemm bżonn inkunu konxji mill-indifferenza li tmiss il-ħajja anki ta’ ħafna Nsara, biex negħlbuha bl-approfondiment tad-dimensjoni soċjali tal-fidi.

 

Irġiel u nisa

13. Ma nistgħux ninsew id-differenza bejn irġiel u nisa bid-doni partikulari tagħhom, is-sensibbiltajiet u l-esperjenzi speċifiċi tagħhom tad-dinja. Din id-differenza tista’ tkun qasam li fih jinbtu xejriet ġodda ta’ ħakma, esklużjoni u diskriminazzjoni li minnhom is-soċjetajiet kollha u l-Knisja nfisha jeħtieġ li jinħelsu.

 

Il-Bibbja tippreżenta lir-raġel u lill-mara bħala sieħba ndaqs quddiem Alla (ara Ġen 5:2): kull ħakma u diskriminazzjoni mibnija fuq is-sess joffendu d-dinjità umana. Hi tippreżenta wkoll id-differenza bejn is-sessi bħala misteru li jikkostitwixxi l-essri uman u ma nistgħux nirriduċuh għal sterjotipi. Ir-relazzjoni bejn raġel u mara mbagħad nifhmuha fit-termini ta’ vokazzjoni li għandha tingħax flimkien fir-reċiproċità u fid-djalogu, fil-komunjoni u fil-frott għammiel (ara Ġen 1:27-29; 2:21-25), fl-oqsma kollha tal-esperjenza umana: il-ħajja ta’ koppja, ix-xogħol, l-edukazzjoni u anki oħrajn. Alla fada d-dinja lill-patt ta’ bejniethom.

 

Il-kolonizzazzjoni kulturali

14. Bosta Padri sinodali ġejjin minn kuntesti li mhumiex tal-Punent qalu kif fil-pajjiżi tagħhom il-globalizzazzjoni qed iġġib magħha xejriet veri ta’ kolonizzazzjoni kulturali, li jaqilgħu liż-żgħażagħ mill-appartenenzi kulturali u reliġjużi li minnhom ġejjin. Hemm bżonn ta’ impenn min-naħa tal-Knisja biex isseħibhom f’dan il-passaġġ mingħajr ma jwarrbu l-aspetti l-iżjed prezzjużi tal-identità tagħhom.

 

Jidhru li huma ħafna l-interpretazzjonijiet tal-proċess ta’ sekularizzazzjoni. Waqt li xi wħud jgħixuh bħala opportunità prezzjuża biex jissaffew minn reliġjożità tad-drawwa jew inkella waħda li hi msejsa fuq identitajiet etniċi u nazzjonali, għal oħrajn jirrappreżenta xkiel għat-trasmissjoni tal-fidi. Fis-soċjetajiet sekulari qed nassistu wkoll għal kixfa mill-ġdid ta’ Alla u tal-ispiritwalità. Dan għall-Knisja hu stimolu biex terġa’ tiskopri l-importanza ta’ dinamiżmi li jappartienu lill-fidi, lit-tħabbira u lill-akkumpanjament pastorali.

 

L-ewwel ħarsa lejn il-Knisja tal-lum

L-impenn edukattiv tal-Knisja

15. Mhumiex ftit ir-reġjuni fejn iż-żgħażagħ jaraw lill-Knisja bħala preżenza ħajja u li tinvolvi ruħha, u li hi sinifikattiva anki għal sħabhom li ma jemmnux jew għal reliġjonijiet oħra. L-istituzzjonijiet edukattivi tal-Knisja jfittxu li jilqgħu liż-żgħażagħ kollha, indipendentement mill-għażliet reliġjużi, il-provenjenza kulturali u s-sitwazzjonijiet personali, familjari jew soċjali tagħhom. B’dan il-mod il-Knisja qed tagħti sehem fundamentali fl-edukazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fl-iktar partijiet differenti tad-dinja. Dan jista’ jseħħ permezz tal-edukazzjoni fl-iskejjel ta’ kull ordni u grad u fiċ-ċentri ta’ formazzjoni personali, fil-kulleġġi u fl-universitajiet, imma anki fiċ-ċentri taż-żgħażagħ u fl-oratorji; dan l-impenn jitwettaq ukoll permezz tal-akkoljenza ta’ rifuġjati u immigranti u l-impenn ta’ kull xorta fil-qasam soċjali. F’dawn il-preżenzi kollha l-Knisja xxierek mal-ħidma edukattiva u mal-promozzjoni umana x-xhieda u t-tħabbira tal-Vanġelu. Meta mnebbħa mid-djalogu bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet, l-azzjoni edukattiva tal-Knisja hi apprezzata wkoll minn dawk li mhumiex Insara bħala għamla ta’ promozzjoni umana awtentika.

 

L-attivitajiet tal-pastorali maż-żgħażagħ

16. Tul il-mixja sinodali dehret il-ħtieġa li nikkwalifikaw vokazzjonalment il-pastorali maż-żgħażagħ, billi nqisu liż-żgħażagħ kollha bħala destinatarji tal-pastorali vokazzjonali. Flimkien sħaqna wkoll fuq il-ħtieġa li niżviluppaw proċessi pastorali sħaħ, li mit-tfulija jwasslu għall-ħajja adulta u jinserixxu fil-komunità Nisranija. Rajna wkoll kif diversi gruppi parrokkjali, movimenti u għaqdiet taż-żgħażagħ qed iwettqu proċess effikaċi ta’ akkumpanjament u ta’ formazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja tal-fidi tagħhom.

 

Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ – li nibet minn intuwizzjoni profetika ta’ San Ġwanni Pawlu II, u li jibqa’ punt ta’ riferiment anki għaż-żgħażagħ tat-tielet millennju –, il-laqgħat nazzjonali u djoċesani jiżvolġu rwol importanti fil-ħajja ta’ ħafna żgħażagħ għax joffru esperjenza ħajja ta’ fidi u ta’ komunjoni, li tgħinhom jaffrontaw l-isfidi kbar tal-ħajja u jassumu b’mod responsabbli l-post tagħhom fis-soċjetà u fil-komunità ekkleżjali. Hekk dawn il-laqgħat jistgħu jindirizzawhom lejn l-akkumpanjament pastorali ordinarju tal-komunitajiet, fejn huma mistednin jinżlu fil-fond tal-ħajja tal-Vanġelu u jlaħħmuha f’għażliet ta’ ħajja.

 

Il-piż tal-amministrazzjoni

17. Ħafna Padri nnutaw li l-piż ta’ dmirijiet amministrattivi qed jassorbi żżejjed u xi drabi b’mod soffokanti l-enerġiji ta’ tant Ragħajja; din hi waħda mir-raġunijiet li tagħmel diffiċli l-laqgħa maż-żgħażagħ u l-akkumpanjament tagħhom. Biex tidher iktar il-prijorità tal-impenji pastorali u spiritwali, il-Padri sinodali jisħqu fuq il-ħtieġa li nerġgħu naħsbu ftit fuq kif għandhom ikunu l-modi konkreti tat-tħaddim ta’ dan il-ministeru.

 

Il-qagħda tal-parroċċi

18. Imqar jekk din tibqa’ l-ewwel għamla prinċipali ta’ kif ngħixu bħala Knisja fit-territorju, ħafna semmew kif il-parroċċa qed tbati biex tkun post rilevanti għaż-żgħażagħ u kif hemm bżonn li wieħed jaħseb mill-ġdid x’xejra għandha tieħu l-vokazzjoni missjunarja. Il-ftit relevanza li għandha fl-ispazji urbani, id-dinamiċità fqira fil-proposti, flimkien mal-bidliet fl-ispazji u ż-żminijiet tal-istili ta’ ħajja qed isejħu għal tiġdid. Imqar jekk ħafna huma t-tentattivi ta’ innovazzjoni, spiss ix-xmara tal-ħajja żagħżugħa miexja lejn it-trufijiet tal-komunità, bla ma tiltaqa’ magħha.

 

L-inizjazzjoni għall-ħajja Nisranija

19. Ħafna jinnutaw kif il-mixjiet ta’ inizjazzjoni Nisranija mhux dejjem qed jirnexxielhom ilaqqgħu tfal, adolexxenti u żgħażagħ mal-ġmiel tal-esperjenza tal-fidi. Meta l-komunità tkun tabilħaqq post ta’ komunjoni u vera familja ta’ wlied Alla, tesprimi qawwa li tnissel u tgħaddi l-fidi; imma fejn hi ċċedi għal-loġika tad-delega u tgħolli rasha l-organizzazzjoni burokratika, l-inizjazzjoni Nisranija tiġi mifhuma bħala kors ta’ tagħlim reliġjuż li soltu jintemm bis-sagrament tal-Konfirmazzjoni. Għalhekk huwa urġenti li nerġgħu naħsbu fil-fond fuq x’impostazzjoni qed nagħtu lill-katekeżi u r-rabta bejn trasmissjoni familjari u komunitarja tal-fidi, b’aktar insistenza fuq il-proċessi ta’ akkumpanjament personali.

 

Il-formazzjoni tas-seminaristi u l-ikkonsagrati

20. Is-seminarji u d-djar ta’ formazzjoni huma mkejjen ta’ importanza kbira fejn iż-żgħażagħ imsejħin għas-saċerdozju u għall-ħajja kkonsagrata japprofondixxu l-għażla vokazzjonali tagħhom u jimmaturaw fil-mixja tagħhom wara Ġesù. Xi drabi dawn l-ambjenti ma jagħtux kas biżżejjed tal-esperjenzi li l-kandidati jkunu għaddew minnhom qabel, u ma jagħtuhomx l-importanza li tixirqilhom. Dan iżomm il-persuna milli tkompli tikber u jirriskja li jwassal għal atteġġjamenti formali, iktar milli għall-iżvilupp tad-doni ta’ Alla u l-konverżjoni profonda tal-qalb.

 

IT-TIENI KAPITLU

TLIET MUMENTI DEĊIŻIVI

 

Il-karattru ġdid tal-ambjent diġitali

Realtà mifruxa

21. L-ambjent diġitali jikkaratterizza d-dinja tal-lum. Faxex wiesgħa tal-umanità huma mgħaddsa fih b’mod ordinarju u kontinwu. M’għadniex nitkellmu biss dwar l-“użu” ta’ strumenti ta’ komunikazzjoni, imma li qed ngħixu f’kultura diġitalizzata b’mod wiesa’ li għandha impatt qawwi ħafna fuq il-kunċett taż-żmien u tal-ispazju, fuq kif inħarsu lejna nfusna, lejn l-oħrajn u lejn id-dinja, fuq il-mod kif nikkomunikaw, kif nifhmu, kif ninfurmaw ruħna, kif nidħlu f’relazzjoni mal-oħrajn. Viżjoni tar-realtà li aktarx tipprivileġġja l-immaġni iktar mis-smigħ u l-qari tinfluweza l-mod kif nitgħallmu u l-iżvilupp tas-sens kritiku. Illum huwa ċar li “l-ambjent diġitali m’għadux dinja parallela jew purament virtwali, imma hu parti mir-realtà ta’ kuljum ta’ ħafna persuni, speċjalment ta’ dawk l-iktar żgħażagħ” (Benedittu XVI, Messaġġ għas-XLVII Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali).

 

Ix-xibka tal-opportunitajiet

22. L-internet u s-social network huma pjazza fejn iż-żgħażagħ iqattgħu ħafna ħin u jiltaqgħu faċilment, anki jekk mhux kollha għandhom l-istess aċċess għalihom, b’mod partikulari f’xi reġjuni tad-dinja. Imma xorta waħda huma opportunità straordinarja ta’ djalogu, laqgħa u skambju bejn il-persuni, barra li jagħtu aċċess għall-informazzjoni u għall-għarfien. Barra minn hekk, dak diġitali hu kuntest għall-parteċipazzjoni soċjopolitika u għaċ-ċittadinanza attiva, u jista’ jiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni indipendenti li kapaċi tħares il-persuni l-iżjed vulnerabbli billi tikxef għad-dawl il-vjolazzjoni tad-drittijiet tagħhom. F’ħafna pajjiżi l-internet u s-social network illum jirrappreżentaw post essenzjali biex jistgħu jintlaħqu u jiġu involuti ż-żgħażagħ, anki f’inizjattivi u attivitajiet pastorali.

 

Il-lat mudlam tal-internet

23. L-ambjent diġitali hu wkoll territorju ta’ solitudni, manipulazzjoni, sfruttament u vjolenza, sal-punt estrem tad-dark web. Il-midja diġitali tista’ tesponik għar-riskju ta’ dipendenza, ta’ iżolament u ta’ telfien naqra naqra tal-kuntatt mar-realtà konkreta, u hekk ixxekkel l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet awtentiċi bejn il-persuni. Għamliet ġodda ta’ vjolenza jixterdu permezz tal-midja soċjali, ngħidu aħna l-ibbuljar fuq is-siti tal-internet; l-internet hu wkoll kanal fejn tixtered il-pornografija u l-abbuż tal-persuni għal skop sesswali jew permezz tal-logħob tal-azzard.

 

24. Fl-aħħar nett, fid-dinja diġitali hemm għaddejjin interessi ekonomiċi ġganteski, li kapaċi jwasslu għal forom ta’ kontroll sottili imma invażivi, joħolqu mekkaniżmi ta’ manipulazzjoni tal-kuxjenzi u tal-proċess demokratiku. Il-funzjonament ta’ ħafna pjattaformi spiss jispiċċa jiffavorixxi l-laqgħa bejn persuni li jaħsbuha bl-istess mod, u għalhekk ixekkel il-konfront bejn id-differenzi. Dawn iċ-ċrieki magħluqa jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni u aħbarijiet foloz, u jkebbsu l-preġudizzji u l-mibegħda. Ir-riproduzzjoni ta’ fake news hi espressjoni ta’ kultura li warrbet għall-ġenb is-sens tal-verità u tgħawweġ il-fatti kif jaqblilha. Ir-reputazzjoni tal-persuni titqiegħed f’riskju permezz ta’ proċessi mgħaġġla onlajn. Dan il-fenomenu qed jolqot ukoll lill-Knisja u r-Ragħajja tagħha.

 

Il-migranti bħala paradigma ta’ żmienna

Fenomenu ta’ ħafna xejriet

25. Il-fenomeni migratorji jirrappreżentaw fuq livell dinji fenomenu strutturali u mhux emerġenza temporanja. Il-migrazzjonijiet jistgħu jseħħu fi ħdan l-istess pajjiż jew bejn pajjiżi differenti. It-tħassib tal-Knisja jolqot partikularment lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra, mill-vjolenza, mill-persekuzzjoni politika jew reliġjuża, mid-diżastri naturali dovuti wkoll lill-bidliet fil-klima, u mill-faqar estrem: ħafna minnhom huma żgħażagħ. Normalment ikunu jfittxu opportunitajiet għalihom infushom u għall-familja tagħhom. Joħolmu futur aħjar u jixtiequ joħolqu l-kundizzjonijiet biex dan iseħħ.

 

Ħafna Padri sinodali saħqu li l-migranti huma “paradigma” li tista’ ddawwal iż-żminijiet tagħna u b’mod partikulari l-qagħda taż-żgħażagħ, u jfakkruna fil-kundizzjoni oriġinali tal-fidi, jiġifieri dik li aħna “barranin u għorba fuq l-art” (Lhud 11:13).

 

Vjolenza u vulnerabbiltà

26. Migranti oħra jħallu arthom miġbudin mill-kultura tal-Punent, b’xenqat xi drabi irrealistiċi li jesponuhom għal delużjonijiet ibsin. Traffikanti bla skruplu, spiss marbuta mas-suq tad-droga u tal-armamenti, jisfruttaw id-dgħufija tal-migranti, li fi triqthom spiss iħabbtu wiċċhom mal-vjolenza, it-traffikar, l-abbuż psikoloġiku u anki fiżiku, u tbatijiet li bilkemm toħlomhom. Irridu nsemmu l-vulnerabbiltà partikulari tal-migranti taħt l-età u mhux akkumpanjati, u s-sitwazzjonijiet ta’ dawk li huma mġiegħla jqattgħu ħafna snin fil-kampijiet tar-rifuġjati jew li jibqgħu mwaħħla fit-tul fil-pajjiżi li jgħaddu minnhom, mingħajr ma jistgħu jkomplu l-kors tal-istudji u lanqas jesprimu t-talenti tagħhom. F’xi pajjiżi fejn jaslu, il-fenomeni migratorji jqajmu sens ta’ allarm u biżgħat, spiss imrewħa u sfruttati għal fini politiċi. Hemm tinfirex mentalità ksenofobika, ta’ għeluq fina nfusna, li għandha nirreaġixxu għaliha b’mod deċiżiv.

 

Stejjer ta’ separazzjoni u ta’ laqgħa

27. Iż-żgħażagħ li jemigraw iduqu s-separazzjoni mill-kuntest tal-oriġni tagħhom u spiss anki mill-għeruq kulturali u reliġjużi. Din il-qasma tolqot anki lill-komunitajiet li minnhom ikunu ġejjin, li jitilfu l-elementi l-iktar enerġiċi u dinamiċi, u lill-familji, b’mod partikulari meta jemigra wieħed jew tnejn mill-ġenituri, u jħalli lill-ulied warajh fil-pajjiż tal-oriġni. Il-Knisja għandha rwol importanti bħala punt ta’ riferiment għaż-żgħażagħ ta’ dawn il-familji mfarrka. Imma dawk tal-migranti huma wkoll stejjer ta’ laqgħa bejn persuni u bejn kulturi: għall-komunitajiet u s-soċjetajiet li fihom jaslu huma opportunità biex jistagħnu u għall-iżvilupp uman sħiħ ta’ kulħadd. L-inizjattivi ta’ akkoljenza li fihom tkun involuta l-Knisja minn dan il-lat għandhom rwol importanti, u jistgħu jagħtu ħajja ġdida lill-komunitajiet li għandhom il-ħila jwettquhom.

 

Ir-rwol profetiku tal-Knisja

28. Grazzi għall-provenjenzi differenti tal-Padri, fejn tidħol it-tema tal-migranti s-Sinodu ra t-tlaqqigħ ta’ bosta perspettivi, b’mod partikulari bejn pajjiżi li minnhom jitilqu l-migranti u pajjiżi li fihom jaslu. Barra minn hekk, dwiet il-karba ta’ allarm ta’ dawk il-Knejjes li l-membri tagħhom qed ikollhom jaħarbu mill-gwerra u mill-persekuzzjoni u li f’dawn il-migrazzjonijiet sfurzati qed jilmħu theddida għall-istess eżistenza tagħhom. Sewwasew dan il-fatt li tinkludi fi ħdanha dawn il-perspettivi kollha jqiegħed lill-Knisja f’kundizzjoni li tiżvolġi rwol profetiku quddiem is-soċjetà fejn tidħol it-tema tal-migrazzjonijiet.

 

Nagħrfu u nirreaġixxu għal kull xorta ta’ abbuż

Infittxu l-verità u nitolbu maħfra

29. Il-bosta għamliet ta’ abbuż min-naħa ta’ xi isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi jġibu f’dawk li huma vittmi tagħhom, fosthom bosta żgħażagħ, tbatijiet li jistgħu jtulu ħajjithom kollha u li l-ebda ndiema ma tista’ tagħmel tajjeb għalihom. Dan il-fenomenu hu mifrux fis-soċjetà, imiss anki lill-Knisja u jirrappreżenta tfixkil serju għall-missjoni tagħha. Is-Sinodu jtenni b’qawwa l-impenn sħiħ għall-implimentazzjoni ta’ miżuri rigorużi ta’ prevenzjoni biex ma jħallux li jirripetu ruħhom, ibda mill-għażla u l-formazzjoni ta’ dawk li lilhom sa jiġu fdati ħidmiet ta’ responsabbiltà u edukattivi. 

 

Lura lejn l-għeruq

30. Jeżistu diversi xorta ta’ abbuż: ta’ poter, ekonomiċi, ta’ kuxjenza, sesswali. Hu ċar id-dmir li naqilgħu mill-qiegħ ix-xejriet ta’ tħaddim tal-awtorità li fuqhom qed jitlaqqmu u li neħduha kontra n-nuqqas ta’ responsabbiltà u trasparenza li ntwera fil-mod kif ġew trattati ħafna każi. Ix-xewqa għall-ħakma, in-nuqqas ta’ djalogu u trasparenza, ix-xejriet ta’ ħajja doppja, il-vojt spiritwali, u mhux b’inqas id-dgħufijiet psikoloġiċi huma l-art li fuqha tixxettel il-korruzzjoni. Il-klerikaliżmu, b’mod partikulari, “jiġi minn viżjoni elitarjana u eskludenti tal-vokazzjoni, li tinterpreta l-ministeru li rċivejna bħala poter li rridu nħaddmu pjuttost milli bħala qadi b’xejn u ġeneruż li għandna noffru; u dan iwassalna naħsbu li aħna nagħmlu parti minn grupp li għandu t-tweġibiet kollha u m’għandux iżjed bżonn li jisma’ u jitgħallem xejn, jew jagħmel tabirruħu li qed jisma’” (Franġisku, Diskors lill-I Kongregazzjoni Ġenerali tal-XV-il Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 3 ta’ Ottubru 2018).

 

Gratitudni u inkuraġġiment

31. Is-Sinodu jesprimi gratitudni lejn dawk li għandhom il-kuraġġ li dritt jikkundannaw il-ħażin: huma jgħinu lill-Knisja ssir konxja ta’ x’ġara u tal-ħtieġa li tirreaġixxi b’mod deċiżiv. Japprezza u jinkuraġġixxi wkoll l-impenn sinċier ta’ għadd bla qies ta’ lajċi, saċerdoti, ikkonsagrati u isqfijiet li ta’ kuljum jingħataw b’onestà u dedikazzjoni għas-servizz taż-żgħażagħ. L-opra tagħhom hi foresta li tikber bla ħsejjes. Bosta fost iż-żgħażagħ preżenti għas-Sinodu wkoll urew gratitudni lejn dawk li akkumpanjawhom u saħqu fuq il-ħtieġa kbira ta’ figuri ta’ riferiment.

 

Il-Mulej Ġesù, li qatt ma jitlaq waħidha lill-Knisja tiegħu, joffrilha l-qawwa tiegħu u l-għodda għal mixja ġdida. Waqt li jikkonferma l-linja ta’ “azzjonijiet u sanzjonijiet meħtieġa” (Franġisku, Ittra lill-poplu ta’ Alla, 20 ta’ Awwissu 2018, n. 2) minnufih, u fl-għarfien li l-ħniena titlob il-ġustizzja, is-Sinodu jagħraf li jekk naffrontaw il-kwistjoni tal-abbużi fl-aspetti kollha tagħha, anki bl-għajnuna prezzjuża taż-żgħażagħ, din tista’ tkun tassew opportunità għal riforma ta’ qawwa epokali.

 

IT-TIELET KAPITLU

IDENTITÀ U RELAZZJONIJIET

 

Familja u relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet

Il-familja bħala punt ta’ riferiment ipprivileġġjat

32. Il-familja tibqa’ l-punt ta’ riferiment prinċipali għaż-żgħażagħ. L-ulied japprezzaw l-imħabba u l-għożża tal-ġenituri, għandhom għal qalbhom ir-rabtiet familjari u jittamaw li għad jirnexxielhom huma wkoll isawru familja. Bla dubju, iż-żieda fis-separazzjonijiet, divorzji, it-tieni rabtiet u familji b’ġenitur wieħed tista’ tikkawża fiż-żgħażagħ tbatijiet kbar u kriżijiet ta’ identità. Mhux darba u tnejn ikollhom jitgħabbew b’responsabbiltajiet kbar wisq għall-età tagħhom u jġagħluhom isiru adulti qabel iż-żmien. In-nanniet spiss joffru kontribut deċiżiv fl-affett u fl-edukazzjoni reliġjuża: bl-għerf tagħhom huma ħolqa determinanti fir-relazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet.

 

L-importanza tal-maternità u tal-paternità

33. Ommijiet u missirijiet għandhom rwoli distinti minn xulxin imma daqstant ieħor importanti bħala punti ta’ riferiment fil-formazzjoni tal-ulied u biex jgħaddulhom il-fidi. Il-figura tal-omm jibqa’ jkollha rwol li ż-żgħażagħ iqisuh essenzjali biex jistgħu jikbru, anki jekk dan mhuwiex rikonoxxut biżżejjed fil-profil kulturali, politiku u tad-dinja tax-xogħol. Ħafna missirijiet jiżvolġu r-rwol tagħhom b’dedikazzjoni, imma ma nistgħux naħbu li, f’xi kuntesti, il-figura tal-missier hi assenti jew qed tisfuma fix-xejn, waqt li f’oħrajn hi oppressiva jew awtoritarja. Dawn l-ambigwitajiet jirriflettu wkoll fuq it-tħaddim tal-paternità spiritwali.

 

Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet

34. Is-Sinodu jirrikonoxxi d-dedikazzjoni ta’ ħafna ġenituri u edukaturi li jħabirku bil-kbir għat-trasmissjoni tal-valuri, minkejja d-diffikultajiet tal-kuntest kulturali. F’diversi reġjuni, ir-rwol tal-anzjani u l-qima lejn l-antenati huma prinċipju fundamentali tal-edukazzjoni u għandhom sehem qawwi fil-formazzjoni tal-identità personali. Anki l-familja estiża – li f’xi kulturi hi l-familja fil-veru sens tal-kelma – għandha rwol importanti. Imma xi żgħażagħ iħossu li t-tradizzjonijiet tal-familja qed joħonquhom u jaħarbu minnhom miġbuda minn kultura globalizzata li xi drabi tħallihom bla ebda punt ta’ riferiment. Min-naħa l-oħra, fi rkejjen oħra tad-dinja, bejn iż-żgħażagħ u l-adulti ma hemmx kunflitt tal-ġenerazzjonijiet, imma nuqqas reċiproku ta’ familjarità. Xi drabi l-adulti ma jfittxux jew ma jirnexxilhomx jgħaddu l-valuri fundamentali tal-ħajja, inkella jassumu stili taż-żgħażagħ, u jaqilbu rasha ’l isfel ir-relazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet. F’din id-dinja r-relazzjoni bejn żgħażagħ u adulti tirriskja li tibqa’ fuq il-livell affettiv, mingħajr ma tmiss id-dimensjoni edukattiva u kulturali.

 

Żgħażagħ u għeruq kulturali

35. Iż-żgħażagħ iħarsu lejn il-futur u jaffrontaw il-ħajja b’enerġija u dinamiżmu. Imma huma wkoll ittentati jikkonċentraw fuq kif jgħixu l-preżent u xi drabi ftit jagħtu attenzjoni għall-memorja tal-passat li minnu ġejjin, b’mod partikulari tal-ħafna doni mgħoddija lilhom mill-ġenituri, min-nanniet, mill-bagalja kulturali tas-soċjetà li fiha jgħixu. Meta ngħinu liż-żgħażagħ jiskopru l-għana ħaj tal-imgħoddi, jagħmlu memorja tiegħu u jinqdew bih tajjeb għall-għażliet u l-possibbiltajiet tagħhom, dan ikun veru għemil ta’ mħabba lejhom fid-dawl tal-iżvilupp tagħhom u tal-għażliet li huma msejħa jagħmlu.

 

Ħbiberija u relazzjonijiet ma’ dawk tamparhom

36. Flimkien mar-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet ma rridux ninsew dawk bejn iż-żgħażagħ tal-istess età, li huma esperjenza fundamentali ta’ interazzjoni u ta’ emanċipazzjoni progressiva mill-kuntest tal-familja li minnu ġejjin. Il-ħbiberija u l-konfront, spiss ukoll fi gruppi ftit jew wisq stutturati, joffrulhom l-opportunità li jsaħħu l-kompetenzi soċjali u relazzjonali f’kuntest li fih ma jiġux mgħarbla jew iġġudikati. L-esperjenza tal-grupp hi wkoll riżorsa kbira għall-qsim tal-ħajja tal-fidi u għall-għajnuna reċiproka fix-xhieda. Iż-żgħażagħ kapaċi jiggwidaw żgħażagħ oħrajn u jgħixu appostolat veru qalb sħabhom.

 

Ġisem u affettività

Il-bidliet li jgħaddu minnhom

37. Iż-żgħażagħ jafu li l-ġisem u s-sesswalità huma ta’ importanza essenzjali għal ħajjithom u għall-mixja li fiha jikbru fl-identità tagħhom, għax mingħajrhom ma jistgħux jgħaddu biex jgħixu l-ħbiberija u l-affettività. Madankollu, fid-dinja tal-lum, f’dan ir-rigward qed naraw fenomeni jevolvu l-ħin kollu. Qabelxejn, l-iżviluppi tax-xjenza u tat-teknoloġiji bijomediċi għandhom effett qawwi fuq kif inħarsu lejn il-ġisem, u jagħtuna l-idea li m’hemmx limitu għal kemm tista’ timmodifika fih. Il-ħila li nintervienu fuq id-DNA, il-possibbiltà li ninserixxu elementi artifiċjali fl-organiżmu (cyborg) u l-iżvilupp tax-xjenzi newroloġiċi huma riżorsa kbira, imma fl-istess waqt iqanqlu mistoqsijiet antropoloġiċi u etiċi. Jekk din il-viżjoni teknika tal-ġisem nilqgħuha mingħajr kritika, tista’ ddgħajjef il-kuxjenza tal-ħajja bħala don u s-sens tal-limitu ta’ kull ħlejqa, u tista’ tiżvijana jew tiġi strumentalizzata mid-dinamiżmi ekonomiċi u politiċi (ara Franġisku, Laudato si’, n. 106).

 

Barra minn hekk, f’xi kuntesti taż-żgħażagħ hu mifrux il-faxxinu għal imġibiet riskjużi bħala strument biex jesploraw lilhom infushom, ifittxu emozzjonijiet qawwija jew jiksbu r-rikonoxximent ta’ ħaddieħor. Barra li baqa’ fenomeni antiki, bħas-sesswalità prematura, il-promiskwità, it-turiżmu sesswali, il-kult esaġerat tal-aspett fiżiku, illum qed naraw jixterdu b’rata qawwija l-pornografija diġitali u l-esebizzjoni tal-ġisem onlajn. Dawn il-fenomeni, li għalihom huma esposti l-ġenerazzjonijiet il-ġodda, huma xkiel għal maturazzjoni serena. Huma jindikaw dinamiċi soċjali ġodda, li jinfluwenzaw l-esperjenzi u l-għażliet personali, u jagħmluhom territorju ta’ xorta ta’ kolonizzazzjoni ideoloġika.

 

L-ilqugħ tat-tagħlim morali tal-Knisja

38. Dan hu l-kuntest li fih il-familji Nsara u l-komunitajiet ekkleżjali jfittxu li jgħinu liż-żgħażagħ jiskopru s-sesswalità bħala don kbir li fih jgħammar il-Misteru, biex jgħixu r-relazzjonijiet skont il-loġika tal-Vanġelu. Imma mhux dejjem jirnexxielhom jittraduċu din ix-xewqa f’edukazzjoni affettiva u sesswali xierqa, li ma tillimitax ruħha għal interventi sporadiċi u okkażjonali. Fejn din l-edukazzjoni ntgħażlet tassew bħala proposta, wieħed jinnota riżultati pożittivi li jgħinu liż-żgħażagħ jifhmu r-relazzjoni li hemm bejn l-għażla tal-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu u l-mod kif huma jgħixu l-affettività u r-relazzjonijiet bejniethom. Dawn ir-riżultati jħeġġu u jinkuraġġixxu għal investiment ikbar ta’ enerġiji ekkleżjali f’dan il-qasam.

 

Il-mistoqsijiet taż-żgħażagħ

39. Il-Knisja għandha tradizzjoni għanja li fuqha tista’ tibni u tipproponi t-tagħlim tagħha dwar dan is-suġġett: ngħidu aħna, il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, it-teoloġija tal-ġisem żviluppata minn San Ġwanni Pawlu II, l-Enċiklika Deus caritas est ta’ Benedittu XVI, l-Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia ta’ Franġisku. Imma ż-żgħażagħ, anki dawk li dan it-tagħlim jafuh u jgħixuh, jesprimu x-xewqa li jirċievu mingħand il-Knisja kelma ċara, umana u ta’ empatija. Fil-fatt, spiss il-morali sesswali hi kawża ta’ nuqqas ta’ ftehim u ta’ tbegħid mill-Knisja, għax jarawha bħala spazju ta’ ġudizzju u ta’ kundanna. Quddiem il-bidliet soċjali u l-mod kif tingħax l-affettività u l-għadd bla qies ta’ perspettivi etiċi, iż-żgħażagħ juruna li huma sensibbli għall-valur tal-awtentiċità u tal-għotja, imma spiss huma diżorjentati. Huma jesprimu iżjed partikularment xewqa espliċita ta’ konfront fuq il-kwistjonijiet dwar id-differenza bejn identità maskili u femminili, ir-reċiproċità bejn irġiel u nisa, l-omosesswalità.

 

Xejriet ta’ vulnerabbiltà

Id-dinja tax-xogħol

40. Id-dinja tax-xogħol tibqa’ qasam li fih iż-żgħażagħ jesprimu l-kreattività tagħhom u l-ħila li joħolqu l-ġdid. Fl-istess waqt huma jduqu għamliet ta’ esklużjoni u emarġinazzjoni. L-ewwel u l-iżjed gravi hu l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li f’xi pajjiżi jilħaq livelli għoljin ħafna. Barra li jfaqqarhom, in-nuqqas ta’ xogħol iqaċċat minn ġoż-żgħażagħ il-ħila li joħolmu u li jittamaw u jċaħħadhom mill-possibbiltà li jagħtu kontribut b’risq l-iżvilupp tas-soċjetà. F’ħafna pajjiżi din is-sitwazzjoni tiddipendi mill-fatt li xi faxxi tal-popolazzjoni żagħżugħa huma sajmin mill-ħiliet professjonali xierqa, anki minħabba fin-nuqqas tas-sistema edukattiva u formattiva. Spiss il-prekarjetà fl-impjiegi li qed tgħakkes liż-żgħażagħ twieġeb għall-interessi ekonomiċi li jisfruttaw ix-xogħol.

 

Vjolenza u persekuzzjonijiet

41. Ħafna żgħażagħ jgħixu f’kuntesti ta’ gwerra u jġarrbu l-vjolenza f’xejriet bla qies: ħtif, estorsjoni, kriminalità organizzata, traffikar tal-bnedmin, jasar u abbuż sesswali, stupri tal-gwerra, u oħrajn. Żgħażagħ oħra, minħabba fil-fidi tagħhom, isibuha bi tqila biex isibu post fis-soċjetajiet tagħhom u jġarrbu bosta xejriet ta’ persekuzzjoni, sal-mewt. Bla qies hu l-għadd ta’ żgħażagħ li, għax imġiegħla jew minħabba f’nuqqas ta’ alternattivi, jgħaddu ħajjithom jikkommettu atti kriminali u vjolenzi: tfal suldati, gruppi armati u kriminali, traffikar tad-droga, terroriżmu, u l-bqija. Din il-vjolenza tkisser ħafna ħajjiet żgħażagħ. Abbużi u dipendenzi, bħall-vjolenza u l-kriminalità, huma fost ir-raġunijiet li jwasslu liż-żgħażagħ għall-ħabs, bi frekwenza partikulari fost xi gruppi etniċi u soċjali. Dawn is-sitwazzjonijiet kollha jisfidaw lill-Knisja.

 

Emarġinazzjoni u faqar soċjali

42. Iktar bla għadd fid-dinja huma ż-żgħażagħ li qed iġarrbu xi għamla ta’ emarġinazzjoni u esklużjoni soċjali, għal raġunijiet reliġjużi, etniċi jew ekonomiċi. Niftakru fil-qagħda diffiċli ta’ adolexxenti u żgħażagħ li joħorġu tqal u l-pjaga tal-abort, kif ukoll it-tixrid tal-HIV, il-bosta xejriet ta’ dipendenza (droga, azzard, pornografija, u oħrajn) u l-qagħda ta’ tfal u adolexxenti mitluqin fit-triq, li m’għandhomx dar, familja u riżorsi ekonomiċi; jixirqilhom attenzjoni partikulari ż-żgħażagħ fil-ħabs. Bosta interventi saħqu fuq il-ħtieġa li l-Knisja tagħti valur lill-ħila taż-żgħażagħ esklużi u l-kontribut li huma jistgħu jagħtu lill-komunitajiet. B’kuraġġ sħiħ hi trid tkun fuq in-naħa tagħhom, timxi magħhom biex jerġgħu jiksbu d-dinjità tagħhom u rwol fil-bini tal-ġid komuni.

 

L-esperjenza tat-tbatija

43. Bil-kontra ta’ ċertu sterjotip mifrux sew, anki d-dinja taż-żgħażagħ hi mmarkata fil-fond mill-esperjenza tal-vulnerabbiltà, tad-diżabbiltà, tal-mard u tat-tbatija. Mhux ftit huma l-pajjiżi fejn, fuq kollox fost iż-żgħażagħ, qed jinfirxu iktar bosta xejriet ta’ mard psikoloġiku, dipressjoni, mard mentali u diżordni alimentari, marbuta ma’ esperjenzi ta’ skuntentizza qawwija jew in-nuqqas ta’ ħila li jsibu posthom fis-soċjetà; fl-aħħar nett ma rridux ninsew il-fenomenu traġiku tas-suwiċidji. Iż-żgħażagħ li jgħixu dawn id-diversi kundizzjonijiet ta’ faqar u l-familji tagħhom jixtiequ jserrħu fuq l-għajnuna tal-komunitajiet Insara, li, imma, mhux dejjem huma attrezzati tajjeb biex jilqgħuhom.

 

Ir-riżorsa tal-vulnerabbiltà

44. Ħafna minn dawn is-sitwazzjonijiet huma l-prodott tal-“kultura tal-iskart”: iż-żgħażagħ huma fost l-ewwel vittmi tagħha. Madankollu din il-kultura jistgħu jittieħdu minnha anki ż-żgħażagħ, il-komunitajiet Insara u dawk responsabbli tagħhom, u hekk twassal għal iktar faqar uman, soċjali u ambjentali li jgħakkes id-dinja tagħna. Għall-Knisja din hi sejħa għall-konverżjoni, għas-solidarjetà u għal azzjoni edukattiva mġedda li tagħmel lilha nfisha preżenti b’mod partikulari f’dawn il-kuntesti ta’ diffikultà. Anki ż-żgħażagħ li jgħixu f’dawn is-sitwazzjonijiet għandhom riżorsi prezzjużi x’jaqsmu mal-komunità u jgħallmuna nitkejlu mal-limitu, biex hekk ngħinu lil xulxin nikbru fl-umanità. Bla qies hi l-kreattività li biha l-komunità li tħalli jmexxiha l-ferħ tal-Vanġelu kapaċi ssir alternattiva għall-faqar u għas-sitwazzjonijiet ibsin. B’dan il-mod is-soċjetà tista’ tesperimenta kif il-ġebel li warrbu l-bennejja jista’ jsir ġebla tax-xewka (ara Salm 118:22; Lq 20:17; Atti 4:11; 1 Piet 2:4).

 

KAPITLU IV

INKUNU ŻGĦAŻAGĦ ILLUM

 

Aspetti tal-kultura taż-żgħażagħ illum

Oriġinalità u speċifiċità

45. Il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ għandhom viżjoni tar-realtà b’aspetti speċifiċi. Iż-żgħażagħ iridu min jilqagħhom u jirrispettahom fl-oriġinalità tagħhom. Fost l-aspetti partikulari l-iżjed ċari tal-kultura taż-żgħażagħ issemmew il-preferenza mogħtija lill-immaġni fuq lingwaġġi komunikattivi oħra, l-importanza ta’ sensazzjonijiet u emozzjonijiet bħala triq għar-realtà, u l-prijorità tal-konkretezza u tal-funzjonalità fuq l-analiżi teorika. Għandhom importanza kbira r-relazzjonijiet ta’ ħbiberija u l-appartenenza għal gruppi tal-istess età, ikkultivati wkoll grazzi għall-midja soċjali. Iż-żgħażagħ ġeneralment huma spontanjament miftuħa għad-diversità, li tagħmilhom attenti għat-temi tal-paċi, tal-inklużjoni u tad-djalogu bejn kulturi u reliġjonijiet. Għadd kbir ta’ esperjenzi minn bosta partijiet tad-dinja huma xhieda li ż-żgħażagħ jafu jkunu pjunieri tal-laqgħa u tad-djalogu bejn il-kulturi u bejn ir-reliġjonijiet, fil-perspettiva tal-konvivenza paċifika.

 

Impenn u parteċipazzjoni soċjali

46. Anki jekk f’għamla differenti mill-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija, l-impenn soċjali hu aspett speċifiku taż-żgħażagħ tal-lum. Biswit ftit indifferenti, hemm ħafna oħrajn li huma disponibbli biex jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi ta’ volontarjat, ċittadinanza attiva u solidarjetà soċjali, li għandna nakkumpanjawhom u ninkuraġġuhom biex noħorġu t-talenti, il-kompetenzi u l-kreattività taż-żgħażagħ u ninċentivawhom jieħdu fuqhom ċerti responsabbiltajiet. L-impenn soċjali u l-kuntatt dirett mal-foqra jibqgħu okkażjoni fundamentali biex jistgħu jiskopru jew jinżlu iktar fil-fond tal-fidi u jagħmlu dixxerniment tal-vokazzjoni tagħhom. Qawwija u mifruxa sew hi s-sensibbiltà għat-temi ekoloġiċi u għas-sostenibbiltà, li l-Enċiklika Laudato si’ għarfet tħeġġeġ. Ġiet osservata wkoll id-disponibbiltà għall-impenn fil-qasam politiku għall-bini tal-ġid komuni, li l-Knisja mhux dejjem għarfet issieħeb billi toffri opportunitajiet ta’ formazzjoni u spazji għad-dixxerniment. Fil-promozzjoni tal-ġustizzja ż-żgħażagħ jitolbu mill-Knisja impenn deċiż u koerenti, li jwarrab kull omertà b’mentalità mondana.

 

Arti, mużika u sport

47. Is-Sinodu jagħraf u japprezza l-importanza li ż-żgħażagħ jagħtu lill-espressjoni artistika fix-xejriet kollha tagħha: ħafna huma ż-żgħażagħ li f’dan il-qasam iħaddmu t-talenti li rċivew, jippromovu l-ġmiel, il-verità u t-tjieba, u hekk jikbru fl-umanità u fir-relazzjoni ma’ Alla. Għal ħafna l-esperessjoni artistika hi wkoll vokazzjoni professjonali awtentika. Ma nistgħux ninsew li għal sekli sħaħ it-“triq tal-ġmiel” kienet wieħed mill-modi pprivileġġjati ta’ espressjoni tal-fidi u ta’ evanġelizzazzjoni.

 

Partikulari ħafna hi l-importanza tal-mużika, li tirrappreżenta ambjent veru u proprju li fih iż-żgħażagħ huma kontinwament mgħaddsa, kif ukoll kultura u lingwaġġ li kapaċi jqanqlu emozzjonijiet u jgħaġnu l-identità. Il-lingwaġġ mużikali jirrappreżenta wkoll riżorsa pastorali, li toffri sfida b’mod partikulari għal-liturġija u t-tiġdid tagħha. L-approvazzjoni tal-gosti kummerċjali tal-lum xi drabi tirriskja li tikkomprometti r-rabta mal-forom tradizzjonali ta’ espressjoni mużikali u anki liturġika.

 

Daqstant ieħor sinifikattiva hi l-importanza li għandha fost iż-żgħażagħ il-prattika sportiva, li l-Knisja m’għandhiex tissottovaluta l-potenzjalità edukattiva u formattiva tagħha, anzi, għandha żżomm preżenza qawwija fi ħdanha. Id-dinja tal-isport għandha bżonn tiġi megħjuna tegħleb l-ambigwitajiet tagħha, bħall-mitizzazzjoni tal-kampjuni, is-sottomissjoni għal-loġika kummerċjali u l-ideoloġija tas-suċċess ikun xi jkun il-prezz mitlub. F’dan is-sens intennu l-valur tal-akkumpanjament u tal-għajnuna lill-persuni b’diżabbiltà fil-prattika sportiva.

 

Spiritwalità u reliġjożità

Il-kuntesti reliġjużi differenti

48. L-esperjenza reliġjuża taż-żgħażagħ hi influwenzata ħafna mill-kuntest soċjali u kulturali li fih jgħixu. F’xi pajjiżi l-fidi Nisranija hi esperjenza komunitarja b’saħħitha u ħajja, li ż-żgħażagħ jaqsmu ma’ xulxin bil-ferħ. F’reġjuni oħra ta’ tradizzjoni Nisranija antika l-parti l-kbira tal-popolazzjoni Kattolika ma tgħixx appartenenza vera għall-Knisja; imma ma jonqsux minoranzi kreattivi u esperjenzi li jikxfu interess ġdid reliġjuż, bħala reazzjoni għal viżjoni riduzzjonista u li tifga. F’postijiet oħra mbagħad il-Kattoliċi, flimkien ma’ denominazzjonijiet Insara oħra, huma minoranza, li qed tħabbat wiċċha ma’ diskriminazzjoni u anki persekuzzjoni. Fl-aħħar nett hemm kuntesti fejn qed jikbru s-setet jew xejriet oħra ta’ reliġjożità alternattiva; dawk li jimxu warajhom mhux darba u tnejn jibqgħu delużi u jibdew jeħduha kontra dak kollu li hu reliġjuż. Jekk f’xi reġjuni ż-żgħażagħ m’għandhomx il-possibbiltà li jesprimu fil-beraħ il-fidi tagħhom jew qed jaraw li l-libertà reliġjuża tagħhom mhix magħrufa, band’oħra jinħass il-piż ta’ għażliet tal-imgħoddi – anki politiċi –, li heddu l-kredibbiltà ekkleżjali. Ma nistgħux nitkellmu fuq ir-reliġjożità taż-żgħażagħ mingħajr ma nżommu quddiem għajnejna dawn id-differenzi kollha.

 

It-tiftixa reliġjuża

49. Ġeneralment iż-żgħażagħ jistqarru li qed ifittxu sens għal ħajjithom u juru interess fl-ispiritwalità. Imma din l-attenzjoni xi drabi iktar tkun tiftixa għall-benessri psikoloġiku milli ftuħ għal-laqgħa mal-Misteru ta’ Alla l-ħaj. B’mod partikulari f’xi kulturi, ħafna jżommu li r-reliġjon hi kwistjoni privata u jagħżlu minn diversi tradizzjonijiet spiritwali l-elementi li fihom isibu l-konvinzjonijiet personali tagħhom. Hekk jixtered ċertu sinkretiżmu, li jiżviluppa fuq il-presuppost relattivistiku li r-reliġjonijiet kollha huma ndaqs. Li tkun parti minn komunità ta’ fidi mhux kulħadd jaraha bħala t-triq ta’ aċċess ipprivileġġjat għas-sens tal-ħajja, u magħha jkun hemm u xi drabi jeħdulha postha ideoloġiji jew it-tiftixa tas-suċċess fuq il-livell professjonali u ekonomiku, fil-loġika ta’ awtorealizzazzjoni materjali. Imma jibqgħu sħaħ xi prattiċi mgħoddija mit-tradizzjoni, bħall-pellegrinaġġi għas-santwarji, li xi drabi jinvolvu mases ta’ żgħażagħ f’għadd kbir ħafna, u espressjonijiet tal-pjetà popolari, spiss marbuta mad-devozzjoni lejn Marija u l-qaddisin, li jħarsu l-esperjenza tal-fidi ta’ poplu.

 

Il-laqgħa ma’ Ġesù

50. L-istess firxa narawha fir-relazzjoni taż-żgħażagħ mal-figura ta’ Ġesù. Ħafna jaraw fih il-Feddej u l-Iben ta’ Alla u spiss iħossuhom qrib tiegħu permezz ta’ Marija, ommu, u jħabirku f’mixja ta’ fidi. Oħrajn ma għandhom l-ebda relazzjoni personali miegħu, imma jqisuh bħala bniedem tajjeb u punt ta’ riferiment etiku. Oħrajn jiltaqgħu miegħu permezz ta’ esperjenza qawwija tal-Ispirtu. Imma għal oħrajn hu figura tal-passat li m’għandha l-ebda rilevanza għall-ħajja jew hi mbiegħda ħafna mill-esperjenza umana.

 

Jekk għal ħafna żgħażagħ Alla, ir-reliġjon u l-Knisja jidhru bħal kliem vojt, huma sensibbli għall-figura ta’ Ġesù, meta tiġi ppreżentata lilhom b’mod attraenti u effikaċi. B’ħafna modi anki ż-żgħażagħ tal-lum qed jgħidulna: “Nixtiequ naraw lil Ġesù” (Ġw 12:21), u hekk juruna dak it-tħassib tajjeb li jikkaratterizza l-qalb ta’ kull bniedem: “L-inkwetudni tat-tfittix spiritwali, l-inkwetudni tal-laqgħa ma’ Alla, l-inkwetudni tal-imħabba” (Franġisku, Quddiesa għall-ftuħ tal-Kapitlu Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin, 28 ta’ Awwissu 2013).

 

Ix-xewqa għal liturġija ħajja

51. F’diversi kuntesti ż-żgħażagħ Kattoliċi jixtiequ proposti ta’ talb u mumenti sagramentali li kapaċi jmissu mal-ħajja tagħhom ta’ kuljum, f’liturġija friska, awtentika u ferrieħa. F’ħafna partijiet tad-dinja l-esperjenza liturġika hi r-riżorsa ewlenija għall-identità Nisranija u fiha hemm parteċipazzjoni wiesgħa u konvinta. Iż-żgħażagħ jaraw fiha mument ipprivileġġjat ta’ esperjenza ta’ Alla u tal-komunità ekkleżjali, u punt tat-tluq għall-missjoni. Imma bnadi oħra, qed naraw ċertu tbegħid mis-sagramenti u mill-Ewkaristija tal-Ħadd, li iktar jarawha bħala preċett morali milli bħala laqgħa hienja ma’ Kristu Rxoxt u mal-komunità. B’mod ġenerali qed naraw li mqar hemm fejn tiġi offruta l-katekeżi fuq is-sagramenti, hu dgħajjef l-akkumpanjament edukattiv biex jistgħu jgħixu ċ-ċelebrazzjoni b’mod profond u jidħlu fl-għana tal-misteru espress fis-simboli u fir-riti tagħha.

 

Parteċipazzjoni u protagoniżmu

Iż-żgħażagħ iridu jkunu protagonisti

52. Quddiem il-kontradizzjonijiet tas-soċjetà, ħafna żgħażagħ jixtiequ jagħmlu l-frott mit-talenti, il-kompetenzi u l-kreattività tagħhom u huma lesti li jieħdu fuqhom responsabbiltajiet. Fost it-temi li huma l-aktar għal qalbhom hemm is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, id-diskriminazzjoni u r-razziżmu. L-involviment taż-żgħażagħ spiss hu espress f’viżjonijiet ġodda għalkollox, u jisfruttaw ukoll il-potenzjalitajiet tal-komunikazzjoni diġitali f’termini ta’ mobilizzazzjoni u pressjoni politika: it-tixrid ta’ stili ta’ ħajja u mudelli ta’ konsum u investiment li jkunu kritiċi, solidali u attenti għall-ambjent; xejriet ġodda ta’ impenn u ta’ parteċipazzjoni fis-soċjetà u fil-politika; modi ġodda ta’ għajnuna soċjali u garanzija tas-suġġetti l-iżjed dgħajfa.

 

Ir-raġunijiet għalfejn iżommu bogħod

53. Is-Sinodu jaf li għadd konsistenti ta’ żgħażagħ, għal bosta raġunijiet, mhuma jitolbu xejn mill-Knisja għax ma jarawhiex għandha sens għal ħajjithom. Anzi, xi wħud jitolbu espressament li tħallihom bi kwiethom, għax il-preżenza tagħha ddejjaqhom u saħansitra tirritahom. Din it-talba tagħhom spiss mhix ġejja minn xi stmerrija bla sens kritiku jew impulsiva, imma għandha l-għeruq tagħha wkoll f’raġunijiet serji u li jixirqilhom kull rispett: l-iskandi sesswali u ekonomiċi; in-nuqqas ta’ preparazzjoni min-naħa tal-ministri ordnati li ma jafux jaqraw kif imiss is-sensibbiltà taż-żgħażagħ; il-ftit attenzjoni fit-tħejjija tal-omelija u fil-preżentazzjoni tal-Kelma ta’ Alla; ir-rwol passiv li jingħata liż-żgħażagħ fi ħdan il-komunità Nisranija; il-mod kif il-Knisja tidher qed issibha bi tqila li tagħti raġuni għall-pożizzjonijiet duttrinali u etiċi tagħha quddiem is-soċjetà ta’ żmienna.

 

Iż-żgħażagħ fil-Knisja

54. Iż-żgħażagħ Kattoliċi mhumiex biss destinatarji tal-azzjoni pastorali, imma membri ħajjin tal-ġisem wieħed tal-Knisja, imgħammdin li fihom jgħix u jaħdem l-Ispirtu tal-Mulej. Huma jikkontribwixxu biex jagħnu lill-Knisja f’dak li hi, u mhux biss f’dak li tagħmel. Huma l-preżent tagħha u mhux biss il-futur tagħha. Iż-żgħażagħ huma protagonisti f’ħafna attivitajiet ekkleżjali, fejn b’ġenerożità joffru s-servizz tagħhom, b’mod partikulari bl-animazzjoni tal-katekeżi u tal-liturġija, l-għożża taċ-ċkejknin, il-volontarjat mal-foqra. Anki movimenti, għaqdiet u kongregazzjonijiet reliġjużi joffru liż-żgħażagħ opportunitajiet ta’ impenn u korresponsabbiltà. Xi drabi d-disponibbiltà taż-żgħażagħ ikollha tħabbat wiċċha ma’ ċertu awtoritarjaniżmu u sfiduċja tal-adulti u r-Ragħajja, li ma jagħrfux biżżejjed il-kreattività tagħhom u jsibuha bi tqila jaqsmu magħhom ir-responsabbiltajiet.

 

In-nisa fil-Knisja

55. Toħroġ anki fost iż-żgħażagħ it-talba biex ikun hemm għarfien u valorizzazzjoni ikbar tan-nisa fis-soċjetà u fil-Knisja. Ħafna nisa jiżvolġu rwol fil-komunitajiet Insara li ħadd ma jista’ jeħodlu postu, imma f’ħafna postijiet isibuha bi tqila biex jagħtuhom spazju fil-proċessi deċiżjonali, anki meta dawn ma jkunux jitolbu l-ebda responsabbiltà ministerjali speċifika. In-nuqqas tal-vuċi u tal-ħarsa femminili jfaqqar id-dibattitu u l-mixja tal-Knisja, u jċaħħad lid-dixxerniment minn kontribut prezzjuż. Is-Sinodu jirrakkomanda li nagħmlu lil kulħadd iżjed konxju mill-urġenza ta’ bidla inevitabbli, anki billi nibdew minn riflessjoni antroploġika u teoloġika fuq ir-reċiproċità bejn irġiel u nisa.

 

Il-missjoni taż-żgħażagħ ma’ dawk tamparhom

56. F’ħafna kuntesti ssib gruppi ta’ żgħażagħ, spiss espressjoni ta’ għaqdiet u movimenti ekkleżjali, li huma attivi ħafna fl-evanġelizzazzjoni ta’ sħabhom tamparhom grazzi għal xhieda trasparenti tal-ħajja, għal lingwaġġ aċċessibbli u għall-ħila li għandhom li joħolqu rabtiet awtentiċi ta’ ħbiberija. Dan l-appostolat jgħin biex il-Vanġelu jitwassal lil persuni li diffiċilment kienu jintlaħqu mill-pastorali ordinarja maż-żgħażagħ, u jikkontribwixxi biex jimmatura l-istess fidi ta’ dawk li jimpenjaw ruħhom fih. Għalhekk dan għandu jiġi apprezzat, imwieżen, imsieħeb b’mod għaref u integrat fil-ħajja tal-komunitajiet.

 

Xewqa għal komunità ekkleżjali iżjed awtentika u fraterna

57. Iż-żgħażagħ qed jitolbu lill-Knisja biex tiddi bl-awtentiċità, l-eżemplarità, il-kompetenza, il-korresponsabbiltà u s-solidità kulturali. Xi drabi din it-talba tagħhom tinstema’ qisha kritika, imma spiss tassumi x-xejra pożittiva ta’ impenn personali b’risq komunità fraterna, li tilqa’, hi hienja u impenjata profetikament biex titqabad kontra l-inġustizzja soċjali. Fost it-tamiet taż-żgħażagħ tispikka b’mod partikulari x-xewqa li fil-Knisja nadottaw stil ta’ djalogu inqas paternalistiku u iżjed skjett.


 

IT-TIENI PARTI

“INFETĦULHOM GĦAJNEJHOM”

 

58. “U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu. Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: ‘Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm’. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom” (Lq 24:27-31).

 

Wara li jismagħhom, il-Mulej idur fuq iż-żewġ vjaġġaturi u jlissnilhom “kelma” inċiżiva u deċiżiva, awtorevoli u trasformanti. Hekk, bi ħlewwa u b’qawwa, il-Mulej jidħol fl-għamara tagħhom, jibqa’ magħhom u jaqsam il-ħobż tal-ħajja: dan hu s-sinjal Ewkaristiku li permezz tiegħu ż-żewġ dixxipli saflaħħar jinfetħulhom għajnejhom.

 

Pentekoste ġdid

L-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu

59. L-Ispirtu s-Santu jkebbes il-qalb, jiftaħ l-għajnejn u jqanqal il-fidi taż-żewġ vjaġġaturi. Hu jaħdem sa mill-bidu tal-ħolqien tad-dinja biex il-pjan tal-Missier li jiġbor kollox taħt Kristu jilħaq il-milja tiegħu. Jaħdem f’kull żmien u f’kull post, fil-firxa wiesgħa tal-kuntesti u l-kulturi, u mqar qalb id-diffikultajiet u t-tbatijiet iqanqal l-impenn għall-ġustizzja, it-tiftixa tal-verità, il-kuraġġ tat-tama. Għalhekk San Pawl jafferma li “l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas” (Rum 8:22). Ix-xewqa għall-ħajja fl-imħabba u dak it-tħassib tajjeb li jgħammar fil-qalb taż-żgħażagħ huma parti mix-xenqa kbira tal-ħolqien kollu għall-milja tal-ferħ. F’kull wieħed u waħda minnhom, anki f’dawk li ma jafux lil Kristu, l-Ispirtu Ħallieq qed jaħdem biex iwassalhom għall-ġmiel, għat-tjieba u għall-verità.

 

L-Ispirtu jżomm lill-Knisja dejjem żagħżugħa

60. Iż-żgħożija hi perjodu oriġinali u stimulanti tal-ħajja, li Ġesù stess għex, u qaddsu. Il-Messaġġ liż-żgħażagħ tal-Konċilju Vatikan II (7 ta’ Diċembru 1965) ippreżenta lill-Knisja bħala ż-“żgħożija vera tad-dinja”, li għandha “l-ħila li tifraħ b’dak li jibda, li tingħata bla tħares lura, li tiġġedded u tibda mill-ġdid il-mixja tagħha lejn kisbiet ġodda”. Bil-freskezza u l-fidi tagħhom iż-żgħażagħ jgħinu biex jidher dan il-wiċċ tal-Knisja, li fih jilma “l-Ħaj il-kbir, il-Kristu dejjem żagħżugħ”. Mela hawn mhux xi Knisja ġdida għaż-żgħażagħ qed infittxu, imma pjuttost li niskopru mill-ġdid flimkien magħhom iż-żgħożija tal-Knisja, waqt li niftħu qalbna għall-grazzja ta’ Pentekoste ġdid.

 

L-Ispirtu fil-ħajja ta’ min jemmen

61. Il-vokazzjoni tan-Nisrani hi li jimxi wara Kristu billi jgħaddi mill-ilmijiet tal-Magħmudija, jirċievi s-siġill tal-Konfirmazzjoni u jsir fl-Ewkaristija parti minn Ġismu: “Jiġi l-Ispirtu s-Santu, in-nar wara l-ilma, u intom issiru ħobż, jiġifieri ġisem ta’ Kristu” (Wistin, Diskors 227). Fil-mixja tal-inizjazzjoni Nisranija hi fuq kollox il-Konfirmazzjoni li, lil min jemmen, tagħtih li jgħix mill-ġdid l-esperjenza ta’ Għid il-Ħamsin u allura ta’ tiswib ġdid tal-Ispirtu biex jista’ jikber u joħroġ għall-missjoni. Importanti niskopru mill-ġdid l-għana ta’ dan is-sagrament, nifhmu r-rabta tiegħu mas-sejħa personali ta’ kull imgħammed u mat-teoloġija tal-kariżmi, nieħdu ħsieb aħjar tal-pastorali tiegħu, hekk li ma nħalluhx isir biss mument formali u li ftit li xejn jibqagħlu tifsira. Kull mixja vokazzjonali għandha lill-Ispirtu s-Santu bħala protagonista: hu l-“imgħallem ġewwieni” li għandna nħallu jmexxina.

 

Esperjenza awtentika ta’ Alla

62. L-ewwel kundizzjoni għad-dixxerniment vokazzjonali fl-Ispirtu hi esperjenza awtentika ta’ fidi fi Kristu li miet u rxoxta, aħna u niftakru li din “mhijiex dawl li jkeċċi d-dlamijiet kollha tagħna, iżda musbieħ li billejl imexxi l-passi tagħna, u dan hu biżżejjed għall-mixi” (FranġiskuLumen fidei, n. 57). Fil-komunitajiet Insara spiss nirriskjaw li nipproponu, imqar jekk mhux b’intenzjoni tagħna, teiżmu etiku u terapewtiku, li jwieġeb għall-bżonn ta’ ċertezza u ta’ faraġ li għandu l-bniedem, minflok għal dak ta’ laqgħa ħajja ma’ Alla fid-dawl tal-Vanġelu u bil-qawwa tal-Ispirtu. Jekk hu minnu li l-ħajja terġa’ titqanqal biss permezz tal-ħajja, hu ċar li ż-żgħażagħ għandhom bżonn jiltaqgħu ma’ komunitajiet Insara li għeruqhom huma tassew imniżżla fil-ħbiberija ma’ Kristu, li jmexxina lejn il-Missier fil-komunjoni tal-Ispirtu s-Santu.

 

KAPITLU I

ID-DON TAŻ-ŻGĦOŻIJA

 

Ġesù qalb iż-żgħażagħ

Iż-żgħożija ta’ Ġesù

63. “Żagħżugħ qalb iż-żgħażagħ biex isir xempju għaż-żgħażagħ u jikkonsagrahom għall-Mulej” (Irinew, Kontra l-ereżiji, II, 22,4), Kristu qaddes iż-żgħożija għall-fatt stess li għexha. Ir-rakkont bibliku jippreżenta episodju wieħed biss taż-żgħożija ta’ Ġesù (ara Lq 2:41-52), li għexu bla storbju, fis-sempliċità u fl-ambjent tax-xogħol f’Nazaret, tant li kien magħruf bħala “l-mastrudaxxa” (Mk 6:3) u “bin il-mastrudaxxa” (Mt 13:55).

 

Fil-kontemplazzjoni ta’ ħajtu nistgħu nifhmu aħjar il-barka taż-żgħożija: Ġesù kellu fiduċja bla tarf fil-Missier, għożż il-ħbiberija mad-dixxipli tiegħu, u mqar fil-mumenti ta’ kriżi baqa’ fidil lejhom. Wera kompassjoni qawwija għall-iżjed dgħajfa, speċjalment il-foqra, il-morda, il-midinba u l-imwarrba. Kellu l-kuraġġ jaffronta l-awtoritajiet reliġjużi u politiċi ta’ żmienu; għex l-esperjenza li ħassu mhux mifhum u mwarrab; ġarrab il-biża’ tat-tbatija u għaraf id-dgħufija tal-Passjoni; xeħet ħarstu lejn il-futur b’fiduċja sħiħa fid-dirgħajn żguri tal-Missier u fil-qawwa tal-Ispirtu. F’Ġesù ż-żgħażagħ kollha jistgħu jaraw lilhom infushom, bil-biżgħat u t-tamiet tagħhom, l-inċertezzi u l-ħolm tagħhom, u jistgħu jafdaw fih. Ikun għalihom għajn ta’ ispirazzjoni jekk jikkontemplaw il-laqgħat li kellu Ġesù maż-żgħażagħ.

 

B’ħarsitna lejn il-Mulej

64. Jekk jisimgħu lil Kristu u jidħlu f’komunjoni miegħu, anki r-Ragħajja u l-edukaturi jkunu jistgħu jagħrfu jaqraw aħjar dan l-istaġun tal-ħajja. Is-Sinodu fittex li jħares lejn iż-żgħażagħ bl-istess atteġġjament ta’ Ġesù, biex jgħarbel fil-ħajja tagħhom is-sinjali tal-azzjoni tal-Ispirtu. Fil-fatt, nemmnu li anki llum Alla jkellem lill-Knisja u lid-dinja permezz taż-żgħażagħ, il-kreattività u l-impenn tagħhom, kif ukoll permezz tat-tbatijiet u t-talbiet tagħhom għall-għajnuna. Magħhom nistgħu naqraw b’mod iżjed profetiku l-epoka tagħna u nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet; għalhekk iż-żgħażagħ huma wieħed mill-“imkejjen teoloġiċi” li fihom il-Mulej jurina wħud mit-tamiet u l-isfidi tiegħu biex jibni l-jum ta’ għada.

 

Karatteristiċi tal-età żagħżugħa

65. Iż-żgħożija, fażi tal-iżvilupp tal-personalità, hi mmarkata minn ħolmiet li jfittxu li jitwettqu, minn relazzjonijiet li jiksbu dejjem iżjed konsistenza u bilanċ, minn tentattivi u sperimentazzjonijiet, minn għażliet li jibnu ftit ftit proġett ta’ ħajja. F’dan l-istaġun ta’ ħajjithom iż-żgħażagħ huma msejħa jipproġettaw għall-futur mingħajr ma jaqtgħu l-għeruq tagħhom, biex jibnu l-awtonomija, imma mhux fis-solitudni. Il-kuntest soċjali, ekonomiku, kulturali, mhux dejjem joffri l-kundizzjonijiet favorevoli. Fil-ħajja ta’ ħafna żgħażagħ qaddisin rajna jilmaw il-karatteristiċi tal-età żagħżugħa fil-ġmiel kollu tagħhom u kienu fi żmienhom veri profeti ta’ bidla; l-eżempju tagħhom juri x’inhuma kapaċi jagħmlu ż-żgħażagħ meta jiftħu qalbhom għal-laqgħa ma’ Kristu.

 

Anki ż-żgħażagħ b’diżabbiltà jew milquta mill-mard jistgħu joffru kontribut prezzjuż. Is-Sinodu jistieden lill-komunitajiet biex jagħtu wisa’ lil inizjattivi li jirrikonoxxuhom u jippermettulhom ikunu protagonisti, ngħidu aħna bl-użu tal-lingwa tas-sinjali għat-torox, mixjiet kateketiċi b’għanijiet apposta, esperjenzi f’għaqdiet jew ta’ inseriment fil-ħajja tax-xogħol.

 

It-tħassib tajjeb taż-żgħażagħ

66. Iż-żgħażagħ għandhom fihom tħassib li qabelxejn għandu jiġi milqugħ, irrispettat u msieħeb, b’konvinzjoni dwar il-libertà u r-responsabbiltà tagħhom. Il-Knisja taf mill-esperjenza li l-kontribut tagħhom hu fundamentali għat-tiġdid tagħha. Iż-żgħażagħ, minn xi aspetti, jistgħu jkunu iktar ’il quddiem mir-Ragħajja. Nhar l-Għid filgħodu d-Dixxiplu l-Maħbub, li kien żagħżugħ, wasal qabel fil-qabar, u fil-ġirja tiegħu għadda lil Pietru li kien imtaqqal bl-età u bit-tradiment (ara Ġw 20:1-10); fl-istess waqt, fil-komunità Nisranija d-dinamiżmu żagħżugħ hu enerġija li ġġedded il-Knisja, għax tgħinha tfarfar minn fuqha piżijiet u tkarkir, u tinfetaħ għall-Irxoxt. Fl-istess waqt, l-atteġġjament tad-Dixxiplu l-Maħbub juri li importanti nibqgħu marbuta mal-esperjenza tal-anzjani, nagħrfu r-rwol tar-Ragħajja u ma nimxux waħidna. Hekk ikollna dik is-sinfonija ta’ ilħna li hi frott tal-Ispirtu.

 

Iż-żgħażagħ miġruħa

67. Il-ħajja taż-żgħażagħ, bħal ta’ kulħadd, hi mmarkata wkoll mill-ġrieħi. Huma l-ġrieħi tat-telfiet fl-istorja personali, tax-xewqat delużi, tad-diskriminazzjonijiet u inġustizzji li wieħed ikun ġarrab, tal-fatt li ma jkunx ħassu maħbub u rikonoxxut. Huma ġrieħi tal-ġisem u tar-ruħ. Kristu, li aċċetta li jieħu l-passjoni u l-mewt, permezz tas-salib tiegħu jersaq qrib ta’ dawk iż-żgħażagħ kollha li qed ibatu. Imbagħad hemm il-ġrieħi morali, il-piż tal-iżbalji personali, is-sens ta’ ħtija għall-iżball. Li nirrikonċiljaw ruħna mal-ġrieħi tagħna llum sar iżjed minn qatt qabel kundizzjoni meħtieġa għal ħajja tajba. Il-Knisja hi msejħa twieżen lil dawk iż-żgħażagħ kollha fil-provi tagħhom u tippromovi azzjonijiet pastorali xierqa.

 

Insiru adulti

L-età tal-għażliet

68. Iż-żgħożija hi staġun tal-ħajja li għandu tmiemu, biex imbagħad jagħmel wisa’ għall-età adulta. Dan il-passaġġ ma jseħħx b’mod purament anagrafiku, imma jimplika mixja ta’ maturazzjoni, li mhux dejjem hi ffaċilitata mill-ambjent li fih jgħixu ż-żgħażagħ. Fil-fatt, f’ħafna reġjuni xterdet kultura tal-proviżorju li tiffavorixxi prolungament indefinit tal-adolexxenza u l-postponiment tad-deċiżjonijiet; hekk il-biża’ mid-defenittiv inissel xorta ta’ paraliżi deċiżjonali. Imma ż-żgħożija ma tistax tibqa’ mdendla: din hi l-età tal-għażliet u proprju f’dan jikkonsisti l-faxxinu tagħha u l-ikbar missjoni tagħha. Iż-żgħażagħ jieħdu deċiżjonijiet fil-qasam professjonali, soċjali, politiku, u oħrajn iżjed radikali li jagħtu lil ħajjithom it-tifsila determinanti tagħha. Hu dwar dawn tal-aħħar li nitkellmu preċiżament fuq “għażliet tal-ħajja”: fil-fatt hi l-istess ħajja, fis-singularità irrepetibbli tagħha, li minnhom tirċievi orjentament defenittiv. 

 

Il-ħajja taħt is-sinjal tal-missjoni

69. Il-Papa Franġisku jistieden liż-żgħażagħ biex jaħsbu ħajjithom fix-xefaq tal-missjoni: “Tant drabi, fil-ħajja, naħlu l-ħin nistaqsu lilna nfusna: ‘Imma jien min jien?’. Int tista’ toqgħod tistaqsi lilek innifsek min int u tgħaddi ħajtek kollha tfittex min int. Imma staqsi lilek innifsek: ‘Għal min jien?’” (Diskors fil-Velja ta’ talb bi tħejjija għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, 8 ta’ April 2017). Din l-istqarrija ddawwal b’mod profond l-għażliet tal-ħajja, għax tħeġġiġhom biex jeħduhom fix-xefaq ħellies tal-għotja tagħhom infushom. Din hi l-unika triq biex jaslu għall-ferħ awtentiku u li jibqa’! Effettivament, “il-missjoni li nkun fil-qalba tal-poplu mhix parti minn ħajti, jew tiżjin li nista’ ninża’, mhix appendiċi, jew mument qalb ħafna f’ħajti. Hi xi ħaġa li ma nistax inħassar minn dak li jien jekk ma rridx neqred lili nnifsi. Jiena missjoni fuq din l-art, u għalhekk ninsab f’din id-dinja” (FranġiskuEvangelii gaudium, n. 273).

 

Pedagoġija li kapaċi tisfida

70. Il-missjoni hi boxxla żgura għall-mixja tal-ħajja, imma mhix “navigatur”, li jurik minn qabel il-mixja kollha. Il-libertà dejjem ħa ġġorr magħha dimensjoni ta’ riskju li rridu nivvalorizzawha b’kuraġġ u nseħbuha bil-mod il-mod u b’għerf. Ħafna paġni tal-Vanġelu juruna lil Ġesù jistedinna nissugraw, naqdfu fil-fond, ngħaddu mil-loġika tal-osservanza tal-preċetti għal dik tad-don ġeneruż u bla kundizzjonijiet, mingħajr ma jaħbilna l-esiġenza li nerfgħu s-salib tagħna (ara Mt 16:24). Hu radikali:jagħti kollox u kollox jitlob: jagħti mħabba sħiħa u jitlob qalb sħiħa” (Franġisku, Omelija tal-14 ta’ Ottubru 2018). Aħna msejħin nevitaw li nidħku biż-żgħażagħ billi noffrulhom proposti żgħar jew nifgawhom b’ġabra ta’ regoli li jagħtu dehra riduttiva u moralistika tal-Kristjaneżmu, aħna msejħin ninvestu fuq il-kuraġġ tagħhom u nedukawhom biex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom, ċerti li anki l-iżball, il-falliment u l-kriżi huma esperjenzi li jistgħu jsaħħu l-umanità tagħhom.

 

Il-veru sens tal-awtorità

71. Biex jagħmlu mixja vera ta’ maturazzjoni ż-żgħażagħ għandhom bżonn ta’ adulti awtorevoli. Fit-tifsira etimoloġika tagħha l-auctoritas tindika l-ħila li wieħed jgħin lil min jikber; ma tesprimix l-idea ta’ poter li jagħti direttiva, imma ta’ qawwa vera li kapaċi tnissel. Meta Ġesù kien jiltaqa’ maż-żgħażagħ, f’kull stat u kundizzjoni li fihom kienu, imqar meta kienu mejtin, b’xi mod jew ieħor kien jgħidilhom: “Qum! Ikber!”. U l-kelma tiegħu kienet twettaq dak li kien jgħid (ara Mk 5:41; Lq 7:14). Fl-episodju tal-fejqan tal-imxajtan (ara Mk 9:14-29), li jevoka tant xorta ta’ aljenazzjoni taż-żgħażagħ tal-lum, jidher ċar li l-qabda ta’ id Ġesù mhix biex tieħu l-libertà imma biex tagħtiha, biex teħlisha. Ġesù jħaddem b’mod sħiħ l-awtorità tiegħu: ma jrid xejn iżjed miż-żagħżugħ ħlief li dan jikber, mingħajr ebda possessività, manipulazzjoni jew tħajjir.

 

Ir-rabta mal-familja

72. Il-familja hi l-ewwel komunità ta’ fidi li fiha, imqar qalb il-limiti u n-nuqqasijiet, iż-żagħżugħ iduq l-imħabba ta’ Alla u jibda jiddixxerni l-vokazzjoni tiegħu. Is-Sinodi ta’ qabel, u mbagħad l-Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia, ma jiqfux jisħqu li l-familja, bħala Knisja tad-dar, għandha l-missjoni li tgħix il-ferħ tal-Vanġelu fil-ħajja ta’ kuljum u tagħmel parteċipi fiha lill-membri kollha tagħha skont il-qagħda tagħhom, huma u jibqgħu miftuħa għad-dimensjoni vokazzjonali u missjunarja.

 

Imma mhux dejjem il-familji jedukaw lil uliedhom biex iħarsu lejn il-futur f’loġika vokazzjonali. Xi drabi t-tiftixa tal-prestiġju soċjali u tas-suċċess personali, l-ambizzjoni tal-ġenituri jew it-tendenza li jiddeterminaw huma l-għażliet ta’ wliedhom, jinvadu l-ispazju tad-dixxerniment u jikkundizzjonaw id-deċiżjonijiet. Is-Sinodu jagħraf il-ħtieġa li jgħin lill-familji jassumu b’mod iżjed ċar kunċett tal-ħajja bħala vokazzjoni. Ir-rakkont evanġeliku ta’ Ġesù adolexxent (ara Lq 2:41-52), li qagħad għall-ġenituri tiegħu imma kien kapaċi jinqata’ minnhom biex jagħmel dak li hu ta’ Missieru, jista’ joffrilna dawl prezzjuż biex nagħtu impostazzjoni evanġelika lir-relazzjonijiet fil-familji tagħna.

 

Imsejħin għal-libertà

Il-Vanġelu tal-libertà

73. Il-libertà hi kundizzjoni essenzjali għal kull għażla awtentika fil-ħajja. Hi tirriskja li tiġi mifhuma ħażin, anki għax mhux dejjem tiġi ppreżentata kif suppost. Il-Knisja nfisha tispiċċa biex, f’għajnejn ħafna żgħażagħ, tidher bħala istituzzjoni li timponi regoli, projbizzjonijiet u obbligi. Imma Kristu “ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa” (Gal 5:1), u għaddiena mill-ħajja tal-Liġi għal dik tal-Ispirtu. Fid-dawl tal-Vanġelu, jixraq li llum nagħrfu b’iktar ċarezza li l-libertà minnha nfisha hi relazzjonali u nuru li l-passjonijiet u l-emozzjonijiet huma relevanti skont kemm jorjentaw lejn il-laqgħa awtentika mal-persuna l-oħra. Din il-perspettiva turina b’mod ċar li l-vera libertà tista’ tinftiehem u hi possibbli biss f’relazzjoni mal-verità (ara Ġw 8:31-32) u fuq kollox mal-imħabba (ara 1 Kor 13:1-13; Gal 5:13): il-libertà hi li nkunu dak li aħna fil-qalb ta’ ieħor.

 

Libertà li twieġeb

74. Permezz tal-fraternità u s-solidarjetà li jgħixu, speċjalment ma’ dawk li huma fl-aħħar post, iż-żgħażagħ jiskopru li l-libertà awtentika tinbet milli jħossuhom milqugħa u tikber meta jagħmlu wisa’ għall-oħrajn. Jagħmlu esperjenza tixxiebah meta jimpenjaw ruħhom biex jikkultivaw is-sobrjetà jew ir-rispett lejn l-ambjent. L-esperjenza tal-għarfien reċiproku u tal-impenn maqsum bejn ħafna twassalhom jiskopru li f’qalbhom hemm tgħammar dik is-sejħa siekta għall-imħabba li ġejja minn Alla. Hekk isir iżjed faċli li jagħrfu d-dimensjoni traxxendenti li oriġinarjament il-libertà għandha fiha u li, meta tidħol f’kuntatt mal-esperjenzi l-aktar intensi tal-ħajja – it-twelid u l-mewt, il-ħbiberija u l-imħabba, il-ħtija u l-maħfra – titqanqal b’mod iżjed ħaj. Huma sewwasew dawn l-esperjenzi li jgħinuna nagħrfu li n-natura tal-libertà hi radikalment waħda ta’ tweġiba.

 

Il-libertà u l-fidi

75. Fuq ħamsin sena ilu, San Pawlu VI daħħal l-espressjoni “djalogu tas-salvazzjoni” u interpreta l-missjoni tal-Iben fid-dinja bħala waħda ta’ “stedina ta’ mħabba”. Imma żied ukoll li l-bnedmin “liberi […] jersqu għad-djalogu jew jaħarbuh” (ara Ecclesiam suam, n. 77). F’din il-perspettiva, l-att ta’ fidi personali jidher bħala ħieles u ħellies: isir il-punt tat-tluq biex nagħmlu tagħna ftit ftit il-kontenut tal-fidi. Għalhekk il-fidi mhijiex xi element li nżiduh kważi fuq barra tal-libertà, imma hi l-ħolqa tal-kuxjenza mal-verità, mal-ġid u mal-ġmiel, li nsibuhom b’mod sħiħ f’Ġesù. Ix-xhieda ta’ tant żgħażagħ martri tal-imgħoddi u tal-lum, li dwiet b’tant qawwa fis-Sinodu, hi l-prova l-iżjed konvinċenti li l-fidi, quddiem il-qawwiet tad-dinja, tal-inġustizzji tagħha u saħansitra quddiem il-mewt, kapaċi teħlisna.

 

Il-libertà miġruħa u mifdija

76. Il-libertà umana hi mmarkata mill-ġrieħi tad-dnub personali u tal-konkupixxenza. Imma meta, grazzi għall-maħfra u għall-ħniena, il-persuna tiġi konxja mix-xkiel li jżommha lsira, hi tikber fil-maturità u tista’ tmidd għonqha bi ħsiebha iżjed ċar għall-għażliet defenittivi tal-ħajja. F’perspettiva edukattiva, importanti ngħinu liż-żgħażagħ ma jaqtgħux qalbhom quddiem żbalji u fallimenti, imqar jekk umiljanti, għax dawn jagħmlu parti integrali mill-mixja lejn libertà iżjed matura, konxji mill-kobor u d-dgħufija tagħhom.

 

Imma l-ħażen m’għandux l-aħħar kelma: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3:16). Hu ħabbna sal-aħħar u hekk kisbilna l-libertà tagħna. B’mewtu għalina fuq is-salib hu sawwab l-Ispirtu tiegħu, u “fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien” (2 Kor 3:17): ħelsien ġdid, Paskwali, li jseħħ fl-għotja tagħna ta’ kuljum.

 

KAPITLU II

IL-MISTERU TAL-VOKAZZJONI

 

It-tiftixa tal-vokazzjoni

Vokazzjoni, vjaġġ u skoperta

77. Ir-rakkont tas-sejħa ta’ Samwel (ara 1 Sam 3:1-12) jgħinna nifhmu l-aspetti fundamentali tad-dixxerniment: is-smigħ u l-għarfien tal-inizjattiva divina, esperjenza personali, għarfien progressiv, akkumpanjament kollu sabar u li jirrispetta l-misteru li qed iseħħ, destinazzjoni komunitarja. Il-vokazzjoni ma timponix ruħha fuq Samwel bħallikieku kienet destin li jkollu jġarrab; hi proposta ta’ mħabba, mandat missjunarju fi storja ta’ fiduċja reċiproka kull ġurnata tal-ħajja.

 

Kif kien għaż-żagħżugħ Samwel, hekk ukoll għal raġel u mara l-vokazzjoni, għalkemm għandha mumenti qawwija u pprivileġġjati, iġġib magħha vjaġġ twil. Il-Kelma tal-Mulej trid iż-żmien biex tiġi mifhuma u interpretata; il-missjoni li għaliha huwa jsejjaħ tidher biċċa biċċa. Iż-żgħażagħ huma affaxxinati mill-avventura tal-iskoperta ftit ftit tagħhom infushom. Huma jieħdu pjaċir jitgħallmu mill-attivitajiet li jagħmlu, mil-laqgħat u mir-relazzjonijiet, u jpoġġu lilhom infushom taħt il-prova fil-ħajja ta’ kuljum. Għandhom bżonn jiġu megħjuna jiġbru flimkien id-diversi esperjenzi u jaqrawhom taħt il-lenti tal-fidi, biex jegħlbu r-riskju li kollox jitħalla mxerred u jagħrfu s-sinjali li bihom jitkellem Alla. Fl-iskoperta tal-vokazzjoni, mhux kollox hu ċar minnufih, għax il-fidi “‘tara’ fil-mod kif jimxi [l-bniedem], fil-mod kif jidħol fl-ispazju miftuħ tal-kelma ta’ Alla” (Franġisku, Lumen fidei, 9).

 

Vokazzjoni, grazzja u libertà

78. Mal-medda tas-sekli, l-għarfien teoloġiku tal-misteru tal-vokazzjoni kellu aċċentwazzjonijiet differenti, skont il-kuntest soċjali u ekkleżjali li fih it-tema ġiet elaborata. Hu x’inhu, irridu nirrikonoxxu l-karattru analoġiku tat-terminu “vokazzjoni” u l-ħafna dimensjonijiet marbuta mar-realtà li jrid ifisser. Dan minn żmien għal żmien wassal biex jidhru iktar ċerti aspetti minn oħrajn, b’perspettivi li mhux dejjem għarfu jħarsu bl-istess bilanċ il-kumplessità tal-flimkien. Biex nifhmu b’mod profond il-misteru tal-vokazzjoni li ssib f’Alla l-bidu tagħha, aħna msejħin insaffu l-immaġinarju tagħna u l-lingwaġġ reliġjuż tagħna, u nerġgħu nsibu l-għana u l-bilanċ tan-narrazzjoni biblika. In-nisġa bejn l-għażla divina u l-libertà umana, b’mod partikulari, irridu naħsbu fuqha ’l barra minn kull determiniżmu u minn kull estrinseċiżmu. Il-vokazzjoni la hi xi skript miktub u lest li l-bniedem sempliċiment irid jirreċta, u lanqas improvizzazzjoni teatrali bla ebda pjan li jsegwi. Ladarba Alla jsejħilna biex inkunu ħbieb u mhux qaddejja (ara Ġw 15:13), l-għażliet tagħna huma sehem reali fit-twettiq storiku tal-pjan ta’ mħabbtu. L-ekonomija tas-salvazzjoni, min-naħa l-oħra, hi Misteru li jgħaddina b’mod infinit; għalhekk hu biss is-smigħ tal-Mulej li jista’ jikxfilna liema parti aħna msejħin li jkollna fiha. Milqugħa f’dan id-dawl, il-vokazzjoni tidher tassew bħala don ta’ grazzja u ta’ patt, bħala l-isbaħ u l-egħżeż sigriet tal-libertà tagħna.

 

Ħolqien u vokazzjoni

79. Fl-istqarrija tagħha li l-ħwejjeġ kollha kienu maħluqa permezz ta’ Kristu u għalih (ara Kol 1:16), l-Iskrittura torjentana biex naqraw il-misteru tal-vokazzjoni bħala realtà li timmarka l-istess ħolqien ta’ Alla. Alla ħalaq bil-Kelma tiegħu li “ssejjaħ” għall-eżistenza u għall-ħajja u mbagħad, fil-kaos ta’ dak li mhux magħżul, “jagħżel”, u jimmarka l-kożmu bil-ġmiel tal-ordni u l-armonija tad-diversità. Jekk diġà San Pawlu VI kien afferma li “kull ħajja hi vokazzjoni” (ara Populorum progressio, 15), Benedittu XVI għafas fuq il-fatt li l-bniedem hu maħluq bħala essri djaloġiku: il-Kelma ħallieqa “ssejjaħ lil kull wieħed u waħda b’mod personali, u hekk turi li l-istess ħajja hi vokazzjoni f’relazzjoni ma’ Alla” (ara Verbum Domini, 77).

 

Għal kultura vokazzjonali

80. Meta nitkellmu fuq il-ħajja tal-bniedem f’termini vokazzjonali nistgħu nuru xi elementi li huma importanti ħafna biex żagħżugħ jikber: ifisser neskludu li l-mod kif huwa jikber u jiżviluppa jiġi determinat mid-destin jew b’kumbinazzjoni, kif ukoll li jkun ġid privat li jieħu ħsiebu hu waħdu. Jekk fl-ewwel każ ma hemmx vokazzjoni għax ma hemmx l-għarfien ta’ destinazzjoni denja li teżisti, fit-tieni l-bniedem maħsub “bla rbit ta’ xejn” isir “bla vokazzjoni”. Għalhekk importanti noħolqu l-kundizzjonijiet biex fil-komunitajiet Insara kollha, ibda mill-kuxjenza li għandhom ta’ mgħammdin il-membri fi ħdanhom, tiżviluppa kultura vokazzjonali vera u proprja u impenn kostanti ta’ talb għall-vokazzjonijiet.

 

Il-vokazzjoni biex nimxu wara Ġesù

Il-faxxinu ta’ Ġesù

81. Ħafna żgħażagħ huma affaxxinati mill-figura ta’ Ġesù. Ħajtu tidhrilhom tajba u sabiħa, għax fqira u sempliċi, magħmula minn ħbiberija sinċiera u profonda, mogħtija għall-aħwa b’ġenerożità, qatt magħluqa għal ħadd, imma dejjem disponibbli għad-don. Il-ħajja ta’ Ġesù tibqa’ anki llum xi ħaġa li tiġbidna lejha u tispirana bil-kbir; hi għaż-żgħażagħ kollha provokazzjoni li tisfida. Il-Knisja taf li dan ġej mill-fatt li Ġesù għandu rabta profonda ma’ kull bniedem, għax “Kristu, Adam il-ġdid, meta juri l-misteru tal-Missier u tal-imħabba tiegħu, juri wkoll għalkollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih is-sejħa l-aktar għolja tiegħu” (ara Gaudium et spes, n. 22).

 

Fidi, vokazzjoni u dixxipulat

82. Fil-fatt, Ġesù mhux biss affaxxina bil-ħajja tiegħu, imma sejjaħ ukoll espliċitament għall-fidi. Hu ltaqa’ ma’ bnedmin li għarfu fil-ġesti tiegħu u fi kliemu l-mod it-tajjeb kif jistgħu jitkellmu ma’ Alla u jġibu ruħhom miegħu, biex daħlu f’dik il-fidi li twassal għas-salvazzjoni: “Binti, il-fidi tiegħek salvatek. Mur fis-sliem!” (Lq 8:48). Oħrajn li ltaqgħu miegħu ġew imsejħin biex isiru dixxipli u xhieda tiegħu. Lil min ried isir dixxiplu tiegħu hu ma ħbilux l-esiġenza li jerfa’ salibu ta’ kuljum u jimxi warajh fit-triq Paskwali tal-mewt u tal-qawmien. Ix-xheida tal-fidi għadha ħajja fil-Knisja, sinjal u strument ta’ salvazzjoni għall-popli kollha. L-appartenenza għall-komunità ta’ Ġesù dejjem għarfet li hemm bosta xorta ta’ mixja warajh. Il-parti l-kbira tad-dixxipli għexu l-fidi fil-kundizzjonijiet ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum; imma hemm oħrajn, inklużi xi figuri femminili, li qasmu fil-ħajja itineranti u profetika tal-Imgħallem tagħhom (ara Lq 8:1-3); sa mill-bidu l-Appostli kellhom rwol partikulari fil-komunità u ġew assoċjati minnu mal-ministeru tiegħu ta’ gwida u ta’ predikazzjoni.

 

Il-Verġni Marija

83. Fost il-figuri bibliċi kollha li juru l-misteru tal-vokazzjoni għandna nikkontemplaw b’mod waħdieni dik ta’ Marija. Xebba żagħżugħa li bl-“iva” tagħha għamlet possibbli l-Inkarnazzjoni billi ħolqot il-kundizzjonijiet biex kull vokazzjoni oħra fil-Knisja tista’ tiġi mnissla, hi tibqa’ l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù u l-mudell ta’ kull dixxipulat. Fil-pellegrinaġġ tagħha tal-fidi, Marija mxiet wara Binha sa riġlejn is-salib, u, wara l-Qawmien, sieħbet lill-Knisja li kienet għadha titwieled lejn Għid il-Ħamsin. Bħala omm u għalliema ħanina tibqa’ ssieħeb lill-Knisja u titlob lill-Ispirtu li jagħti l-ħajja lil kull vokazzjoni. Allura hu ċar li l-“prinċipju Marjan” għandu rwol eminenti u jdawwal il-ħajja kollha tal-Knisja fid-diversi manifestazzjonijiet tagħha. Biswit il-Verġni Mbierka, anki l-figura ta’ Ġużeppi, l-għarus tagħha, hi mudell eżemplari ta’ tweġiba vokazzjonali.

 

Vokazzjoni u vokazzjonijiet

Vokazzjoni u missjoni fil-Knisja

84. Ma nistgħux nifhmu b’mod sħiħ it-tifsira tal-vokazzjoni tal-Magħmudija jekk ma nqisux li din hi għal kulħadd, ħadd eskluż, sejħa għall-qdusija. Din is-sejħa timplika bilfors l-istedina biex nieħdu sehem fil-missjoni tal-Knisja, li għandha bħala għan fundamentali tagħha l-komunjoni ma’ Alla u bejn il-bnedmin kollha. Il-vokazzjonijiet ekkleżjali fil-fatt huma espressjonijiet kotrana u mirquma li permezz tagħhom il-Knisja twettaq is-sejħa tagħha biex tkun sinjal reali tal-Vanġelu milqugħ f’komunità ta’ aħwa. Id-diversi għamliet ta’ mixja wara Kristu jesprimu, kull waħda bil-mod tagħha, il-missjoni li tagħti xhieda ta’ Ġesù, li fih kull bniedem isib is-salvazzjoni.

 

Il-varjetà tal-kariżmi

85. San Pawl fl-ittri tiegħu jsemmi kemm-il darba din it-tema, u jfakkar fix-xbieha tal-Knisja bħala ġisem magħmul minn bosta membri, waqt li juri kif kull membru hu meħtieġ u fl-istess waqt relattiv għall-ġabra flimkien, għax l-għaqda tagħhom kollha flimkien biss tista’ tagħmel il-ġisem ħaj u f’armonija. L-għerq ta’ din il-komunjoni l-Appostlu jsibu fl-istess misteru tat-Trinità Qaddisa: “Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd” (1 Kor 12:4-6). Il-Konċilju Vatikan II u l-maġisteru li ġie wara joffru indikazzjonijiet prezzjużi biex nelaboraw teoloġija korretta tal-kariżmi u tal-ministeri fil-Knisja, b’mod li nistgħu nilqgħu b’rikonoxxenza u bl-għerf nagħtu valur lid-doni tal-grazzja li l-Ispirtu jqanqal il-ħin kollu fil-Knisja biex iżommha żagħżugħa.

 

Professjoni u vokazzjoni

86. Għal ħafna żgħażagħ, l-orjentament professjonali jingħax f’xefaq vokazzjonali. Mhux darba u tnejn jirrifjutaw proposti ta’ xogħol li jwegħdu ħafna imma li mhumiex f’linja mal-valuri Nsara, u l-għażla tal-mixjiet ta’ formazzjoni ssir billi jistaqsu kif jistgħu jagħmlu frott mit-talenti personali tagħhom għas-servizz tas-Saltna ta’ Alla. Għal ħafna, ix-xogħol hu okkażjoni biex jagħrfu u jivvalorizzaw id-doni li rċivew: hekk il-bnedmin ikunu jieħdu sehem attiv fil-misteru Trinitarju tal-ħolqien, il-fidwa u t-tqaddis tal-bnedmin.

 

Il-familja

87. Iż-żewġ Assemblej sinodali riċenti fuq il-familja, li warajhom ħarġet l-Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia, offrew kontribut għani dwar il-vokazzjoni tal-familja fil-Knisja u s-sehem uniku li l-familji huma msejħa jagħtu għax-xhieda tal-Vanġelu permezz tal-imħabba reċiproka, it-tnissil u l-edukazzjoni tal-ulied. Waqt li niftakru fl-għana li ħareġ mid-dokumenti riċenti, infakkru fl-importanza li nerġgħu naqbdu f’idejna l-messaġġ tagħhom biex niskopru mill-ġdid u nfiehmu liż-żgħażagħ il-ġmiel tal-vokazzjoni taż-żwieġ.

 

Il-ħajja kkonsagrata

88. Id-don tal-ħajja kkonsagrata, fl-għamla tagħha kemm kontemplattiva u kemm attiva, li l-Ispirtu jqajjem fil-Knisja, għandu valur profetiku partikulari għax hu xhieda hienja tal-imħabba mogħtija b’xejn. Meta l-komunitajiet reliġjużi u l-fondazzjonijiet il-ġodda jgħixu l-fraternità b’mod awtentiku, huma jsiru skejjel ta’ komunjoni, ċentri ta’ talb u ta’ kontemplazzjoni, imkejjen ta’ xhieda ta’ djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet u l-kulturi u spazji għall-evanġelizzazzjoni u l-karità. Il-missjoni ta’ ħafna persuni kkonsagrati li jieħdu ħsieb tal-foqra fil-periferiji tad-dinja turi konkretement l-għotja sħiħa ta’ Knisja li toħroġ. Jekk f’xi reġjuni qed tesperjenza tnaqqis fil-għadd u l-isfida tal-avvanz fl-età, il-ħajja kkonsagrata għadha realtà għammiela u kreattiva anki permezz tal-korresponsabbiltà ma’ ħafna lajċi li jaqsmu fl-ispirtu u l-missjoni tad-diversi kariżmi. Il-Knisja u d-dinja ma jistgħux jgħaddu mingħajr dan id-don vokazzjonali, li hu riżorsa kbira għal żmienna.

 

Il-ministeru ordnat

89. Il-Knisja dejjem kellha għożża partikulari għall-vokazzjonijiet għall-ministeru ordnat, fl-għarfien li dan tal-aħħar hu element kostituttiv tal-identità tagħha u huwa meħtieġ għall-ħajja Nisranija. Għalhekk, hi dejjem rawmet attenzjoni speċifika għall-formazzjoni u l-akkumpanjament tal-kandidati għall-presbiterat. It-tħassib ta’ ħafna Knejjes għall-fatt li l-għadd qed jonqos jitlob riflessjoni mġedda fuq il-vokazzjoni għall-ministeru ordnat u fuq pastorali vokazzjonali li tagħraf turi l-faxxinu tal-persuna ta’ Ġesù u tas-sejħa tiegħu biex ikun hemm ragħajja għall-merħla tiegħu. Anki l-vokazzjoni għad-djakonat permanenti għandha bżonn ta’ attenzjoni ikbar, għax hi riżorsa li għadhom ma ġewx żviluppati l-potenzjalitajiet kollha tagħha.

 

Il-kundizzjoni ta’ min hu “single”

90. Is-Sinodu rrifletta fuq il-kundizzjoni tal-persuni li jgħixu bħala “single”, u jagħraf li b’dan it-terminu jistgħu jiġu indikati sitwazzjonijiet ta’ ħajja differenti sew minn xulxin. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jiddependu minn ħafna raġunijiet, mixtieqa u mhumiex, u minn fatturi kulturali, reliġjużi, soċjali. Għalhekk dan jista’ jesprimi firxa wiesgħa ħafna ta’ mixjiet. Il-Knisja tagħraf li din il-kundizzjoni, hekk mifhuma f’loġika ta’ fidi u ta’ don, tista’ ssir waħda mill-ħafna toroq li permezz tagħhom titwettaq il-grazzja tal-Magħmudija u nimxu lejn dik il-qdusija li għaliha lkoll aħna msejħin.

 

KAPITLU III

IL-MISSJONI LI NAKKUMPANJAW

 

Il-Knisja li takkumpanja

Quddiem l-għażliet

91. Fid-dinja tal-lum, ikkaratterizzata minn pluraliżmu dejjem iżjed evidenti u minn disponibbiltà ta’ għażliet dejjem usa’, it-tema tal-għażliet tidher quddiemna b’qawwa ikbar u fuq diversi livelli, fuq kollox quddiem mixjiet ta’ ħajja dejjem inqas lineari, ikkaratterizzati minn prekarjetà kbira. Fil-fatt, spiss iż-żgħażagħ issibhom nofs triq bejn viżjonijiet estremi u oħrajn inġenwi: milli jqisuhom priża ta’ destin diġà miktub u persistenti, għal li jħossuhom mirbuħa minn astratt ideali ta’ eċċellenza, fi kwadru ta’ kompetizzjoni eċċessiva u vjolenti.

 

Għalhekk, li nakkumpanjawhom biex jagħmlu għażliet validi, stabbli u mibnija tajjeb, hu servizz li l-ħtieġa tiegħu tinħass kullimkien. Għall-Knisja, li tagħmel lilha nfisha preżenti, twieżen u takkumpanja l-mixja lejn għażliet awtentiċi, hu mod kif tħaddem il-funzjoni materna tagħha u tnissel ’l-ulied Alla għal-libertà. Dan is-servizz mhux ħlief il-kontinwazzjoni tal-mod kif Alla ta’ Ġesù Kristu jaġixxi fil-konfront tal-poplu tiegħu: permezz ta’ preżenza kostanti u kordjali, qrubija dedikata u kollha mħabba u ħlewwa bla qies.

 

Naqsmu l-ħobż flimkien

92. Kif jgħallem ir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws, l-akkumpanjament jitlob id-disponibbiltà biex nagħmlu flimkien biċċa mit-triq, nistabbilixxu relazzjonijiet li għandhom tifsira. L-oriġni tat-terminu “akkumpanjament” ifakkarna fil-ħobż maqsum (cum pane), bl-għana simboliku uman u sagramentali ta’ din it-tifsira. Għalhekk hi l-komunità flimkien l-ewwel suġġett tal-akkumpanjament, proprju għax fi ħdanha tiżviluppa dik in-nisġa ta’ relazzjonijiet li tista’ twieżen il-persuna fil-mixja tagħha u tagħtiha punti ta’ riferiment u ta’ orjentament. L-akkumpanjament biex il-bniedem jikber umanament u Kristjanament lejn il-ħajja adulta hu waħda mix-xejriet li bihom il-komunità turi li hi kapaċi tiġġedded u ġġedded id-dinja.

 

L-Ewkaristija hi tifkira ħajja tal-ġrajja tal-Għid, post ipprivileġġjat tal-evanġelizzazzjoni u tat-trasmissjoni tal-fidi fid-dawl tal-missjoni. Fil-ġemgħa miġbura għaċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, l-esperjenza li nħallu lil Ġesù jmissna, jgħallimna u jfejjaqna personalment takkumpanja lil kull wieħed u waħda fil-mixja tiegħu biex jikber bħala persuna.

 

Ambjenti u rwoli

93. Barra mill-membri tal-familja, huma msejħa biex iwettqu dan ir-rwol ta’ akkumpanjament il-persuni kollha sinifikattivi fid-diversi oqsma tal-ħajja taż-żgħażagħ, bħall-għalliema, l-animaturi, dawk li jħarrġuhom jew figuri oħra ta’ riferiment, anki professjonali. Saċerdoti u reliġjużi, anki jekk m’għandhomx il-monopolju tal-akkumpanjament, għandhom dmir speċifiku li joħroġ mill-vokazzjoni tagħhom u li għandhom jiskopruh mill-ġdid, kif mitlub miż-żgħażagħ preżenti għall-Assemblea sinodali, f’isem tant oħrajn. L-esperjenza ta’ xi Knejjes tgħolli r-rwol tal-katekisti bħala akkumpanjaturi tal-komunitajiet Insara u tal-membri tagħhom.

 

Nakkumpanjaw l-inseriment fis-soċjetà

94. L-akkumpanjament ma jistax jillimita ruħu għall-mixja ta’ maturazzjoni spiritwali u għall-prattika tal-ħajja Nisranija. Jista’ jħalli daqstant ieħor frott l-akkumpanjament fil-mixja li fiha ftit ftit wieħed jassumi iktar responsabbiltajiet fi ħdan is-soċjetà, ngħidu aħna fil-qasam professjonali jew tal-impenn soċjopolitiku. F’dan is-sens, l-Assemblea sinodali tirrakkomanda l-valorizzazzjoni tad-duttrina soċjali tal-Knisja. Fi ħdan soċjetà u komunitajiet ekkleżjali dejjem iżjed interkulturali u multireliġjużi, hu meħtieġ akkumpanjament speċifiku għar-relazzjoni mad-diversità, li jagħtiha l-valur tagħha bħala għana reċiproku u possibbiltà ta’ komunjoni fraterna, kontra t-tentazzjoni doppja li ningħalqu fl-identità tagħna u tar-relattiviżmu.

 

L-akkumpanjament komunitarju, fi grupp u personali

Tensjoni għammiela

95. Hemm kumplimentarjetà kostituttiva bejn l-akkumpanjament personali u dak komunitarju, li kull spiritwalità jew sensibbiltà ekkleżjali hi msejħa torqom b’mod oriġinali. Fuq kollox, ikun f’mumenti partikularment delikati, ngħidu aħna l-fażi tad-dixxerniment dwar għażliet fundamentali tal-ħajja jew iż-żmien li fih wieħed irid jgħaddi minn mumenti kritiċi, li l-akkumpanjament personali dirett jagħti l-iktar frott. Imma jibqa’ importanti anki fil-ħajja ta’ kuljum bħala triq biex ninżlu iktar fil-fond tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla.

 

Ta’ min jisħaq imbagħad fuq l-urġenza li nakkumpanjaw personalment seminaristi, saċerdoti u reliġjużi żgħażagħ fil-formazzjoni, kif ukoll il-koppji fil-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u fl-ewwel żminijiet wara ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament, imnebbħin mill-katekumenat.

 

L-akkumpanjament komunitarju u ta’ grupp

96. Ġesù akkumpanja l-grupp tad-dixxipli tiegħu u qasam magħhom il-ħajja ta’ kuljum. L-esperjenza komunitarja turi x’inhuma l-kwalitajiet u l-limiti ta’ kull persuna u tkabbar il-kuxjenza umli li, mingħajr il-qsim tad-doni li wieħed ikun irċieva għall-ġid ta’ kulħadd, ma tistax timxi wara Ġesù.

 

Din l-esperjenza tkompli fil-prattika tal-Knisja, li tara liż-żgħażagħ inseriti fil-gruppi, movimenti u għaqdiet ta’ kull xorta, fejn jesperimentaw l-ambjent kollu mħabba u akkoljenti u l-intensità tar-relazzjonijiet li jixtiequ. L-inseriment f’realtà ta’ din ix-xorta hu ta’ importanza partikulari meta tkun intemmet il-mixja tal-inizjazzjoni Nisranija, għax joffri liż-żgħażagħ l-art li fuqha jistgħu jimxu għall-maturazzjoni tal-vokazzjoni Nisranija tagħhom. F’dawn l-ambjenti hi mħeġġa l-preżenza ta’ Ragħajja, biex jiggarantixxu akkumpanjament xieraq.

 

Fil-gruppi, edukaturi u animaturi jirrappreżentaw punt ta’ riferiment f’termini ta’ akkumpanjament, waqt li r-relazzjonijiet ta’ ħbiberija li jiżviluppaw fi ħdanhom huma l-art it-tajba għal akkumpanjament bejn persuni tal-istess età.

 

L-akkumpanjament spiritwali personali

97. L-akkumpanjament spiritwali hu proċess li jrid jgħin lill-persuna tintegra bil-mod il-mod id-diversi dimensjonijiet tal-ħajja biex timxi wara l-Mulej Ġesù. F’dan il-proċess hemm tliet mumenti: is-smigħ tal-ħajja, il-laqgħa ma’ Ġesù u d-djalogu misterjuż bejn il-libertà ta’ Alla u dik tal-persuna. Min jakkumpanja, jilqa’ bis-sabar, iqanqal il-mistoqsijiet l-iżjed veri u jagħraf is-sinjali tal-Ispirtu fit-tweġiba taż-żgħażagħ.

 

Fl-akkumpanjament spiritwali personali nitgħallmu nagħrfu, ninterpretaw u nagħżlu fil-perspettiva tal-fidi, fis-smigħ ta’ dak li l-Ispirtu jissuġġerixxi fil-ħajja ta’ kuljum (ara Franġisku, Evangelii gaudium, nn. 169-173). Il-kariżma tal-akkumpanjament spiritwali, anki fit-tradizzjoni, mhix bilfors marbuta mal-ministeru ordnat. Qatt daqs illum ma neħtieġu gwidi spiritwali, missirijiet u ommijiet b’esperjenza profonda ta’ fidi u ta’ umanità u mhux biss imħejjija intellettwalment. Is-Sinodu jawgura li jkun hemm kixfa mill-ġdid f’dan il-qasam anki tar-riżorsa kbira ġenerattiva tal-ħajja kkonsagrata, b’mod partikulari dik femminili, u ta’ lajċi, adulti u żgħażagħ, iffurmati tajjeb.

 

Akkumpanjament u Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni

98. Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni għandu rwol indispensabbli biex wieħed jimxi ’l quddiem fil-ħajja tal-fidi, li hi mmarkata mhux biss mil-limitu u mid-dgħufija, imma anki mid-dnub. Il-ministeru tar-Rikonċiljazzjoni u l-akkumpanjament spiritwali kemm jista’ jkun għandhom ikunu magħżula minn xulxin, għax għandhom għanijiet u xejriet differenti. Hi pastoralment f’lokha gradwalità sana u għarfa ta’ mixjiet penitenzjali, bl-involviment ta’ għadd ta’ persuni edukattivi, li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jaqraw il-ħajja morali tagħhom, jimmaturaw sens korrett tad-dnub u fuq kollox jinfetħu għall-ferħ ħellies tal-ħniena.

 

Akkumpanjament sħiħ

99. Is-Sinodu mbagħad jagħraf il-ħtieġa li jippromovi akkumpanjament sħiħ, fejn l-aspetti spiritwali huma integrati tajjeb ma’ dawk umani u soċjali. Kif jispjega l-Papa Franġisku, “id-dixxerniment spiritwali ma jeskludix l-għajnuniet tax-xjenzi umani, eżistenzjali, psikoloġiċi, soċjoloġiċi jew morali. Imma jgħaddihom ilkoll” (Gaudete et exsultate, n. 170). Dawn huma elementi li għandna nħarsu lejhom b’mod dinamiku u fir-rispett tad-diversi spiritwalitajiet u kulturi, mingħajr esklużjonijiet u mingħajr konfużjonijiet.

 

L-akkumpanjament psikoloġiku jew psikoterapewtiku, jekk miftuħ għat-traxxendenza, jista’ jkun fundamentali għal mixja ta’ integrazzjoni tal-personalità, u jesponi ċerti aspetti tal-personalità li kienu tħallew magħluqa jew imblukkati bl-għan li ssir maturazzjoni vokazzjonali. Iż-żgħażagħ jgħixu l-għana u d-dgħufija kollha tagħhom bħallikieku kienu “post li għadu qed jinbena”. L-elaborazzjoni psikoloġika mhux biss tista’ tgħin biex wieħed bis-sabar kollu jerġa’ jgħarbel l-istorja ta’ ħajtu, imma anki tpoġġi mistoqsijiet biex wieħed jista’ jilħaq bilanċ affettiv iżjed stabbli.

 

L-akkumpanjament fil-formazzjoni għall-ministeru ordnat u għall-ħajja kkonsagrata

100. Meta nilqgħu liż-żgħażagħ fid-djar ta’ formazzjoni jew seminarji, importanti nivverifikaw jekk għandhomx biżżejjed għeruqhom imniżżla f’komunità, stabbiltà fir-relazzjonijiet ta’ ħbiberija ma’ sħabhom, impenn fl-istudju jew fix-xogħol, fil-kuntatt mal-faqar u t-tbatija. Fl-akkumpanjament spiritwali hu deċiżiv li nintroduċu għall-ħajja tat-talb u tal-ħidma interjuri, u nitgħallmu nagħmlu d-dixxerniment qabelxejn fil-ħajja tagħna, anki permezz ta’ ċaħdiet u ta’ axxeżi. Iċ-ċelibat għas-Saltna (ara Mt 19:12) għandnu jinftiehem bħala don li wieħed irid jagħraf u jivverifika fil-libertà, il-ferħ, il-gratwità u l-umiltà, qabel l-ammissjoni għall-ordni jew il-professjoni sempliċi. Il-kontribut tal-psikoloġija wieħed għandu jarah bħala għajnuna għall-maturazzjoni affettiva u l-integrazzjoni tal-personalità, u għandu jkun parti mill-mixja formattiva skont l-etika professjonali u r-rispett tal-libertà effettiva ta’ min ikun fil-formazzjoni. Il-figura tar-rettur jew ta’ min hu responsabbli mill-formazzjoni ssir dejjem iżjed importanti bħala punt fejn tingħaqad il-mixja formattiva kollha, biex wieħed jasal għal dixxerniment realistiku f’konsultazzjoni mal-persuni kollha involuti fil-formazzjoni u biex jiddeċiedi dwar l-eventwalità li jwaqqaf il-mixja formattiva ħalli jgħin lil dak li jkun ikompli miexi fi triq vokazzjonali oħra.

 

Meta tkun intemmet il-fażi inizjali tal-formazzjoni, irridu niżguraw il-formazzjoni permanenti u l-akkumpanjament tas-saċerdoti, il-persuni kkonsagrati, fuq kollox dawk l-iżjed żgħażagħ. Dawn spiss isibu ruħhom wiċċ imb wiċċ ma’ sfidi u responsabbiltajiet sproporzjonati. Ix-xogħol tal-akkumpanjament mhux biss ta’ delegati maħtura apposta, imma għandu jkun imħaddem personalment mill-isqfijiet u s-superjuri.

 

Akkumpanjaturi ta’ kwalità

Imsejħin nakkumpanjaw

101. B’ħafna modi ż-żgħażagħ talbuna nikkwalifikaw il-figura tal-akkumpanjaturi. Is-servizz tal-akkumpanjament hu missjoni awtentika, li tħeġġeġ għad-disponibbiltà appostolika ta’ min iwettaqha. Bħad-djaknu Filippu, l-akkumpanjatur hu msejjaħ jagħti widen għas-sejħa tal-Ispirtu u joħroġ u jħalli warajh il-ħitan ta’ Ġerusalemm, figura tal-komunità Nisranija, biex imur f’post deżert u mwiegħer, forsi perikuluż, fejn diffiċli ġġerri karru. Meta jasal hemm, irid isib il-mod kif jidħol f’relazzjoni mal-vjaġġatur barrani, biex iqanqal mistoqsija li forsi waħidha qatt ma kienet tiġi fformulata (ara Atti 8:26-40). Fil-qosor, li takkumpanja jfisser li tkun għad-dispożizzjoni tal-Ispirtu tal-Mulej u ta’ min qed jiġi akkumpanjat, bil-kwalitajiet u l-ħiliet kollha tiegħek, u mbagħad ikollok il-kuraġġ li b’umiltà twarrab għall-ġenb.

 

Il-profil tal-akkumpanjatur

102. L-akkumpanjatur it-tajjeb hu persuna bbilanċjata, li taf tisma’, b’ħajja ta’ fidi u ta’ talb, li taf x’inhuma d-dgħufijiet tagħha. Għalhekk taf tkun akkoljenti maż-żgħażagħ li takkumpanja, mingħajr moraliżmi u mingħajr tolleranzi foloz. Meta jkun hemm bżonn, taf toffri wkoll il-kelma tal-korrezzjoni fraterna.

 

L-għarfien li l-akkumpanjament hu missjoni li titlob li wieħed iniżżel għeruqu fil-fond tal-ħajja spiritwali jista’ jgħinu biex jibqa’ ħieles fil-konfront taż-żgħażagħ li jkun qed jakkumpanja: jirrispetta dak li joħroġ mill-mixja tagħhom, iweżinhom bit-talb u jifraħ bil-frott li l-Ispirtu jwettaq f’dawk li jiftħulu qalbhom, mingħajr ma jipprova jimponi r-rieda tiegħu u l-preferenzi tiegħu. Bl-istess mod ikun kapaċi jaqdi, u mhux jokkupa ċ-ċentru tax-xena jew jassumi atteġġjamenti possessivi jew li jimmanipulaw u joħolqu dipendenza u mhux libertà tal-persuni. Dan ir-rispett profond ikun l-aqwa garanzija kontra r-riskji tal-manipulazzjoni jew ta’ abbużi ta’ kull għamla.

 

L-importanza tal-formazzjoni

103. Biex jista’ jwettaq is-servizz tiegħu, l-akkumpanjatur sa jkollu bżonn jikkultiva l-ħajja spiritwali tiegħu, jikber fir-relazzjoni li torbtu ma’ Dak li tah il-missjoni. Fl-istess waqt ikollu bżonn tal-għajnuna tal-komunità ekkleżjali li minnha jagħmel parti. Importanti jirċievi l-formazzjoni speċifika għal dan il-ministeru partikulari u li huwa wkoll ikun jista’ jibbenefika mill-akkumpanjament u s-superviżjoni.

 

Fl-aħħar nett, ta’ min ifakkar li aspetti li jikkaratterizzawna bħala Knisja u li jiġbdu l-apprezzament kbir taż-żgħażagħ huma d-disponibbiltà u l-ħila li naħdmu f’équipe: b’dan il-mod inkunu iktar sinifikattivi, effikaċi u inċiżivi fil-formazzjoni taż-żgħażagħ. Din il-kompetenza fil-ħidma komunitarja titlob il-maturazzjoni ta’ virtujiet relazzjonali speċifiċi: id-dixxiplina tas-smigħ u l-ħila li nagħmlu wisa’ għall-ieħor, il-ħeffa biex naħfru u d-disponibbiltà li nagħtu sehemna skont spiritwalità vera u proprja ta’ komunjoni.

 

KAPITLU IV

L-ARTI TAD-DIXXERNIMENT

 

Il-Knisja, ambjent għad-dixxerniment

Għadd ta’ sinifikati fil-varjetà tat-tradizzjonijiet spiritwali

104. L-akkumpanjament vokazzjonali hu dimensjoni fundamentali ta’ proċess ta’ dixxerniment min-naħa tal-persuna li hi msejħa tagħżel. It-terminu “dixxerniment” jintuża b’ħafna tifsiriet, anki jekk marbuta bejniethom. F’sens iżjed ġenerali, dixxerniment hu l-proċess li fih jittieħdu deċiżjonijiet importanti; f’sens ieħor, li hu iktar tat-tradizzjoni Nisranija u li fuqu sa nieqfu b’mod partikulari, jikkorrispondi għad-dinamika spiritwali li permezz tagħha persuna, grupp jew komunità jfittxu li jagħrfu u li jilqgħu r-rieda ta’ Alla fil-konkret tas-sitwazzjoni tagħhom: “Ippruvaw kollox; it-tajjeb żommuh” (1 Tess 5:21). Bħala attenzjoni biex wieħed jagħraf il-leħen tal-Ispirtu u jilqa’ s-sejħa tiegħu, id-dixxerniment hu dimensjoni essenzjali tal-istil tal-ħajja ta’ Ġesù, atteġġjament profond iktar milli xi att puntwali.

 

Matul l-istorja tal-Knisja d-diversi spiritwalitajiet affrontaw it-tema tad-dixxerniment, b’diversi aċċentwazzjonijiet anki f’rabta mad-diversi sensibbiltajiet kariżmatiċi u epoki storiċi. Matul is-Sinodu rajna xi elementi komuni, li ma jneħħux id-diversità tal-lingwaġġi: il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja u fl-istorja ta’ kull persuna; il-possibbiltà li wieħed jagħraf fejn Alla jaħdem; ir-rwol tat-talb, tal-ħajja sagramentali u tal-axxeżi; il-konfront kontinwu mal-esiġenzi tal-Kelma ta’ Alla; il-libertà meta mqabbla maċ-ċertezzi miksuba; il-verifika kostanti mal-ħajja ta’ kuljum; l-importanza ta’ akkumpanjament xieraq.

 

Ir-riferiment kostituttiv għall-Kelma u għall-Knisja

105. Bħala “atteġġjament interjuri li għandu għeruqu f’att ta’ fidi” (Franġisku, Diskors fl-1 Kongregazzjoni Ġenerali tal-XV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 3 ta’ Ottubru 2018), id-dixxerniment minnu nnifsu jwassalna għand il-Knisja, li l-missjoni tagħha hi li tħabrek biex kull bniedem jiltaqa’ mal-Mulej li diġà qed jaħdem f’ħajtu u fil-qalb tiegħu.

 

Il-kuntest tal-komunità ekkleżjali jiffavorixxi klima ta’ fiduċja u ta’ libertà fit-tiftix tal-vokazzjoni f’ambjent ta’ ġabra u ta’ talb; joffri opportunitajiet konkreti biex wieħed jaqra mill-ġdid l-istorja tiegħu u jerġa’ jiskopri d-doni u l-vulnerabbiltajiet tiegħu fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla; jgħin lil dak li jkun biex jikkonfronta ruħu ma’ xhieda li fihom huma mlaħħma diversi għażliet tal-ħajja. Anki l-laqgħa mal-foqra twassal għall-approfondiment ta’ x’inhu tabilħaqq essenzjali fil-ħajja, waqt li s-Sagramenti – b’mod partikulari l-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni – huma ikel u għajnuna għal min miexi biex jiskopri r-rieda ta’ Alla.

 

Ix-xefaq komunitarju hu dejjem implikat f’kull dixxerniment, li qatt ma jista’ jirriduċi ruħu għad-dimensjoni individwali biss. Fl-istess waqt, kull dixxerniment personali jisfida lill-komunità kollha, iħeġġiġha biex tagħti widen għal dak li l-Ispirtu qed jissuġġerilha permezz tal-esperjenza spiritwali tal-membri tagħha: bħal kull min jemmen, anki l-Knisja hi dejjem f’dixxerniment.

 

Il-kuxjenza fid-dixxerniment

Alla jkellem lill-qalb

106. Id-dixxerniment jitlob l-attenzjoni għal dak li għaddej fil-qalb ta’ kull bniedem. Fit-testi bibliċi jintuża t-terminu “qalb” biex jindika l-punt ċentrali tal-interjorità tal-persuna, fejn is-smigħ tal-Kelma li Alla kontinwament itarrfilha jsir kriterju ta’ valutazzjoni tal-ħajja u tal-għażliet (ara Salm 139). Il-Bibbja tħares lejn id-dimensjoni personali, imma fl-istess waqt tisħaq fuq dik komunitarja. Lanqas il-“qalb ġdida” mwiegħda mill-profeti ma hi don individwali, imma hi għal Iżrael kollu, li fit-tradizzjoni u l-istorja salfivika tiegħu hu inserit l-individwu li jemmen (ara Eżek 36:26-27). Il-Vanġelu jkompli fl-istess triq: Ġesù jisħaq fuq l-importanza tal-interjorità u jqiegħed fil-qalb iċ-ċentru tal-ħajja morali (ara Mt 15:18-20).

 

L-idea Nisranija ta’ kuxjenza

107. L-Appostlu Pawlu jkompli jagħni dak li t-tradizzjoni biblika elaborat dwar il-qalb billi jqegħedha f’relazzjoni mat-terminu “kuxjenza”, li hu jieħu mill-kultura ta’ żmienu. Hu fil-kuxjenza li wieħed isib il-frott tal-laqgħa u tal-komunjoni ma’ Kristu: trasformazzjoni salvifika u li wieħed jilqa’ libertà ġdida. It-tradizzjoni Nisranija tisħaq fuq il-kuxjenza bħala post ipprivileġġjat ta’ intimità speċjali ma’ Alla u ta’ laqgħa miegħu, fejn nisimgħu leħnu: “Il-kuxjenza hija ċ-ċentru l-aktar moħbi tal-bniedem u s-santwarju fejn hu jinsab waħdu ma’ Alla, u fejn il-leħen ta’ Alla jinstama’ ġo fina” (Gaudium et spes, n. 16). Din il-kuxjenza mhix xi smigħ immedjat u superfiċjali, lanqas “għarfien tagħna nfusna”: hi preżenza traxxendenti, li kull wieħed isib fil-ġewwieni tiegħu, imma li ma hix proprjetà tiegħu.

 

Il-formazzjoni tal-kuxjenza

108. Il-formazzjoni tal-kuxjenza hi mixja li tieħu l-ħajja kollha u li fiha nitgħallmu nrawmu fina l-istess sentimenti ta’ Ġesù Kristu billi nagħmlu tagħna l-kriterji tal-għażliet tiegħu u l-intenzjonijiet ta’ kif kien jaġixxi (ara Fil 2:5). Biex nilħqu d-dimensjoni l-iktar profonda tal-kuxjenza, skont il-viżjoni Nisranija, importanti li nieħdu ħsieb tal-interjorità tagħna, li jfisser qabelxejn ħinijiet ta’ skiet, ta’ kontemplazzjoni fit-talb u ta’ smigħ tal-Kelma, l-għajnuna li nieħdu mill-prattika sagramentali u mit-tagħlim tal-Knisja. Fuq kollox hemm bżonn infittxu li ngħixu tajjeb, u dan nivverifikawh fl-eżami tal-kuxjenza: taħriġ li fih mhux sempliċiment naraw x’kienu d-dnubiet, imma nagħrfu wkoll kif Alla jaħdem fl-esperjenza tagħna ta’ kuljum, fil-ġrajjiet tal-istorja u tal-kulturi li fihom ngħixu, fix-xhieda ta’ tant irġiel u nisa oħra li ġew qabilna jew jakkumpanjawna b’għerfhom. Dan kollu jgħinna nikbru fil-virtù tal-prudenza, biex hekk inwettqu l-orjentament globali ta’ ħajjitna bl-għażliet konkreti, fl-għarfien seren tad-doni tagħna imma wkoll tal-limiti tagħna. Iż-żagħżugħ Salamun dan id-don talab fuq kull ħaġa oħra (ara 1 Slat 3:9).

 

Il-kuxjenza ekkleżjali

109. Il-kuxjenza ta’ kull min jemmen, fid-dimensjoni l-aktar personali tagħha, hi dejjem f’relazzjoni mal-kuxjenza ekkleżjali. Huwa biss permezz tal-medjazzjoni tal-Knisja u tat-tradizzjoni tagħha ta’ fidi li nistgħu naraw il-wiċċ awtentiku ta’ Alla li jidher f’Ġesù Kristu. Id-dixxerniment spiritwali għalhekk hu ħidma sinċiera tal-kuxjenza, fl-impenn personali li nagħrfu l-ġid possibbli u fuqu niddeċiedu b’responsabbiltà fit-tħaddim korrett tar-raġuni prattika, fi ħdan u fid-dawl tar-relazzjoni personali mal-Mulej Ġesù.

 

Il-prattika tad-dixxerniment

Il-familjarità mal-Mulej

110. Bħala laqgħa mal-Mulej li jagħmel lilu nnifsu preżenti fl-intimità tal-qalb, id-dixxerniment jista’ jinftiehem bħala għamla awtentika ta’ talb. Għalhekk jitlob ħinijiet xierqa ta’ ġabra, kemm fir-regolarità tal-ħajja ta’ kuljum, kemm fil-mumenti pprivileġġjati, bħal irtiri, korsijiet tal-eżerċizzi spiritwali, pellegrinaġġi, u oħrajn. Dixxerniment serju jfittex kull okkażjoni biex jiltaqa’ mal-Mulej u jinżel iktar fil-fond tal-familjarità miegħu, fid-diversi xejriet li fihom hu preżenti: is-Sagramenti, u b’mod partikulari l-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni; is-smigħ u l-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, il-Lectio divina fil-komunità; l-esperjenza fraterna tal-ħajja komuni; il-laqgħa mal-foqra li magħhom jidentifika ruħu l-Mulej Ġesù.

 

Id-dispożizzjoni tal-qalb

111. Li niftħu qalbna għas-smigħ tal-Ispirtu jitlob dispożizzjonijiet interjuri preċiżi: l-ewwel waħda hi l-attenzjoni għall-qalb, megħjuna mis-silenzju u minn tbattil minna nfusna li jitlob axxeżi. Daqstant ieħor fundamentali huma l-għarfien, l-aċċettazzjoni tagħna nfusna u l-indiema, flimkien mad-disponibbiltà li nqiegħdu ħajjitna fl-ordni, waqt li nwarrbu għall-ġenb dak li jidher bħala xkiel, u niksbu mill-ġdid il-libertà interjuri meħtieġa biex nagħmlu għażliet imdawla biss mill-Ispirtu s-Santu. Dixxerniment tajjeb jitlob ukoll attenzjoni għaċ-ċaqliq tal-qalb, biex nikbru fil-ħila tagħna li nagħrfuh u nagħtuh isem. Fl-aħħar nett, id-dixxerniment jitlob minna l-kuraġġ li nħabirku fit-taqbida spiritwali, għax qatt mhuma sa jonqsu t-tentazzjonijiet u t-tfixkil li l-Ħażin ipoġġi fi triqitna.

 

Id-djalogu ta’ akkumpanjament

112. Id-diversi tradizzjonijiet spiritwali jaqblu fuq il-fatt li dixxerniment tajjeb jitlob konfront regolari bi gwida spiritwali. Meta dak li nkunu għexna nesprimuh b’mod awtentiku u personali permezz tal-kliem, inkunu niċċarawh. Fl-istess waqt l-akkumpanjatur għandu funzjoni essenzjali ta’ konfront estern, u jsir medjatur tal-preżenza materna tal-Knisja. Din hi funzjoni delikata li ttrattajnieha fil-kapitlu ta’ qabel.

 

Id-deċiżjoni u l-konferma

113. Id-dixxerniment bħala dimensjoni tal-istil tal-ħajja ta’ Ġesù u tad-dixxipli tiegħu jippermetti proċessi konkreti li jwassluna biex noħorġu minn dak li hu vag u nassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet li nieħdu. Għalhekk il-proċessi ta’ dixxerniment ma jistgħux jibqgħu għaddejjin għal dejjem, kemm fil-każi ta’ mixjiet personali, u kemm f’dawk komunitarji u istituzzjonali. Wara d-deċiżjoni ssegwi fażi daqshekk ieħor fundamentali ta’ attwazzjoni u ta’ verifika fil-ħajja ta’ kuljum. Għaldaqstant hu indispensabbli li nimxu f’fażi ta’ smigħ attent ta’ dak li nħossu ġewwa fina biex nagħtu widen għal-leħen tal-Ispirtu. Il-konfront mal-konkretezza għandu importanza speċifika f’din il-fażi. B’mod partikulari bosta tradizzjonijiet spiritwali jagħrfu l-valur tal-ħajja fraterna u tal-qadi lill-foqra bħala l-post tal-prova tad-deċiżjonijiet li jkunu ħadu u fejn il-persuna tidher kif inhi tassew.


 

IT-TIELET PARTI

“DAK IL-ĦIN STESS QAMU”

 

114. “U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: ‘Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?’. Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: ‘Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!’. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:32-35).

 

Mis-smigħ tal-Kelma ngħaddu għall-ferħ ta’ laqgħa li timlielna lil qalbna, tagħti sens lill-eżistenza u tfawwarna b’enerġija ġdida. L-uċuħ jixegħlu u l-mixja terġa’ taqbad b’ħeġġa ġdida: hu d-dawl u l-qawwa tat-tweġiba vokazzjonali li jsiru missjoni fil-komunità u fid-dinja kollha. Bla dewmien u bla biża’ d-dixxipli reġgħu lura fuq l-istess passi tagħhom biex jilħqu lil ħuthom u jagħtu xhieda tal-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù Rxoxt.

 

Knisja żagħżugħa

Ikona tal-qawmien

115. F’kontinwità mal-ispirazzjoni Paskwali ta’ Għemmaws, l-ikona ta’ Marija Maddalena (ara Ġw 20:1-18) ddawwal il-mixja li l-Knisja trid twettaq maż-żgħażagħ u għalihom bħala frott ta’ dan is-Sinodu: mixja ta’ qawmien li twassal għat-tħabbira u għall-missjoni. Maħkuma minn xewqa qawwija għall-Mulej, il-Maddalena tisfida d-dalma tal-lejl u tmur tiġri għand Pietru u d-dixxiplu l-ieħor; il-moviment tagħha jdakkar lil tagħhom, id-dedikazzjoni tagħha ta’ mara tantiċipa l-mixja tal-Appostli u tiftħilhom triq qabilhom. Maż-żerniq ta’ dak il-jum, l-ewwel wieħed tal-ġimgħa, tasal is-sorpriża tal-laqgħa: Marija fittxet għax ħabbet, imma ssib għax hi maħbuba. L-Irxoxt iħalliha tagħrfu meta jsejħilha b’isimha u jitlobha biex ma żżommux iżjed, għax il-Ġisem imqajjem tiegħu mhuwiex xi teżor biex inżommuh magħluq, imma Misteru li rridu naqsmuh. Imfejqa mill-ġrieħi tagħha (ara Lq 8:2) u xhud tal-qawmien, hi x-xbieha tal-Knisja żagħżugħa li noħolmu.

 

Nimxu maż-żgħażagħ

116. Il-passjoni biex infittxu l-verità, l-għoġba quddiem il-ġmiel ta’ Alla, il-ħila li naqsmu ma’ xulxin u l-ferħ tat-tħabbira jgħammru llum ukoll fil-qalb ta’ tant żgħażagħ li huma membri ħajjin tal-Knisja. Mela hawn m’aħniex nitkellmu biss fuq x’se nagħmlu “għalihom”, imma fuq kif ngħixu f’komunjoni “magħhom”, u hekk nikbru flimkien fl-għarfien tal-Vanġelu u fit-tiftix tax-xejriet l-iżjed awtentiċi biex ngħixuh u nagħtu xhieda tiegħu. Il-parteċipazzjoni responsabbli taż-żgħażagħ fil-ħajja tal-Knisja mhix xi għażla, imma esiġenza tal-ħajja tal-Magħmudija u element indispensabbli għall-ħajja ta’ kull komunità. It-taħbit u d-dgħufijiet taż-żgħażagħ jgħinuna nkunu aħjar, il-mistoqsijiet tagħhom jisfidawna, id-dubji tagħhom iġagħluna nistaqsu aħna wkoll fuq il-kwalità tal-fidi tagħna. Anki l-kritika tagħhom għandna bżonnha, għax mhux darba u tnejn permezz tagħha nisimgħu leħen il-Mulej li jitlobna l-konverżjoni tal-qalb tagħna u t-tiġdid tal-istrutturi.

 

Ix-xewqa li nilħqu liż-żgħażagħ kollha

117. Fis-Sinodu dejjem staqsejna dwar iż-żgħażagħ u f’moħħna żammejna mhux biss lil dawk li huma parti mill-Knisja u jaħdmu attivament fiha, imma anki lil dawk kollha li għandhom viżjonijiet oħra tal-ħajja, jistqarru twemmin ieħor jew jiddikjaraw ruħhom barranin għax-xefaq reliġjuż. Iż-żgħażagħ kollha, ħadd eskluż, huma fil-qalb ta’ Alla u għalhekk anki fil-qalb tal-Knisja. Imma frankament nagħrfu li mhux dejjem din l-affermazzjoni li tidwi fuq fommna qed issib espressjoni reali fl-azzjoni pastorali tagħna: spiss nibqgħu magħluqin fl-ambjenti tagħna, fejn il-leħen tagħhom ma jasalx, jew niddedikaw ruħna għal attivitajiet inqas esiġenti u iżjed gratifikanti, u hekk nifgaw dak it-tħassib pastorali tajjeb li jaqlagħna minn dawk li nippretendu li huma ċ-ċertezzi tagħna. Imma l-Vanġelu qed jitlobna nissograw u dan irridu nagħmluh mingħajr preżunzjoni u mingħajr ma nagħmlu proselitiżmu, billi nagħtu xhieda tal-imħabba tal-Mulej u naqbdu jdejn iż-żgħażagħ kollha tad-dinja.

 

Konverżjoni spiritwali, pastorali u missjunarja

118. Il-Papa Franġisku spiss ifakkarna li dan mhux possibbli mingħajr mixja serja ta’ konverżjoni. Aħna nafu li dan ma jfissirx biss li nagħtu bidu għal attivitajiet ġodda u aħna ma rridux niktbu “pjanijiet appostoliċi ta’ espansjoni, metikolużi u mirquma tajjeb, tipiċi ta’ ġenerali mirbuħa” (Franġisku, Evangelii gaudium, n. 96). Nafu li biex inkunu kredibbli rridu ngħixu riforma tal-Knisja, li timplika l-purifikazzjoni tal-qalb u bidliet fl-istil. Il-Knisja trid tabilħaqq tħalli tagħġinha lill-Ewkaristija li tiċċelebra bħala quċċata u għajn ta’ ħajjitha: l-għamla tal-ħobż magħmul minn ħafna żbuliet tal-qamħ u maqsum għall-ħajja tad-dinja. Il-frott ta’ dan is-Sinodu, l-għażla li l-Ispirtu nebbaħna nagħmlu permezz tas-smigħ u d-dixxerniment hi li nimxu maż-żgħażagħ u nersqu lejn kulħadd biex nagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla. Nistgħu nfissru dan il-proċess billi nitkellmu fuq sinodalità għall-missjoni, jew sinodalità missjunarja: “It-twettiq ta’ Knisja sinodali hu presuppost indispensabbli għal ċaqliqa missjunarja ġdida li tinvolvi lill-Poplu kollu ta’ Alla”.[1] Hi l-profezija tal-Konċilju Vatikan II, li għadna ma għamilniex tagħna fil-profondità kollha u ma żviluppajniex fl-implikazzjonijiet tagħha għall-ħajja ta’ kuljum, kif fakkarna l-Papa Franġisku meta qal: “Il-mixja tas-sinodalità hi sewwasew il-mixja li Alla jistenna mill-Knisja tat-tielet millennju” (Franġisku, Diskors għat-Tifkira tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015). Aħna konvinti li din l-għażla, frott it-talb u l-konfront, tista’ tgħin lill-Knisja, bi grazzja ta’ Alla, tkun u tidher b’mod iżjed ċar bħala ż-“żgħożija tad-dinja”.

 

KAPITLU I

IS-SINODALITÀ MISSJUNARJA TAL-KNISJA

 

Dinamiżmu kostituttiv

Iż-żgħażagħ qed jitolbuna nimxu flimkien

119. Il-Knisja flimkien, meta f’dan is-Sinodu għażlet li tħares lejn iż-żgħażagħ, għamlet għażla preċiża: hi tqis din il-missjoni bħala prijorità pastorali epokali li fiha trid tinvesti ż-żmien, l-enerġija u r-riżorsi tagħha. Sa mill-bidu tal-mixja ta’ tħejjija ż-żgħażagħ esprimew ix-xewqa tagħhom li jkunu involuti, apprezzati u li jħossuhom koprotagonisti tal-ħajja u tal-missjoni tal-Knisja. F’dan is-Sinodu ħassejna li l-korresponsabbiltà li ngħixu maż-żgħażagħ Insara hi għajn ta’ ferħ profond anki għall-isqfijiet. F’din l-esperjenza nagħrfu l-frott tal-Ispirtu li jġedded kontinwament il-Knisja u jsejħilha tipprattika s-sinodalità bħala mod kif tgħix u taġixxi, waqt li tippromovi s-sehem tal-imgħammdin kollha u tal-persuni ta’ rieda tajba, kull wieħed u waħda skont l-età, l-istat ta’ ħajja u l-vokazzjoni tiegħu. F’dan is-Sinodu, doqna kif il-kolleġġjalità li xxierek lill-isqfijiet cum Petro et sub Petro fl-għożża kbira għall-Poplu ta’ Alla hi msejħa tiġi mirquma u tistagħna permezz tal-prattika tas-sinodalità fuq kull livell.

 

Il-proċess sinodali jkompli

120. Tmiem il-ħidma tal-Assemblej u d-Dokument li jiġbor il-frott tagħhom ma jagħlqux il-proċess sinodali, imma huma tappa tiegħu. Billi l-kundizzjonijiet konkreti, il-possibbiltajiet reali u l-ħtiġijiet urġenti taż-żgħażagħ huma ħafna differenti minn pajjiż u kontinent għall-ieħor, imqar jekk fi ħdan fidi waħda komuni, nistiednu lill-Konferenzi Episkopali u lill-Knejjes partikulari biex jissoktaw b’din il-mixja, u jħabirku b’risq proċessi ta’ dixxerniment komunitarju li jinkludu wkoll fid-deliberazzjonijiet tagħhom lil dawk li mhumiex isqfijiet, kif għamel dan is-Sinodu. L-istil ta’ dawn il-mixjiet ekkleżjali għandu jiġbor fih is-smigħ fratern u d-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, bl-għan li jelaboraw orjentamenti pastorali partikularment attenti għaż-żgħażagħ emarġinati u għal dawk li għandhom ftit jew xejn kuntatt mal-komunitajiet ekkleżjali. Nawguraw li f’dawn il-mixjiet jieħdu sehem familji, istituti reliġjużi, għaqdiet, movimenti u ż-żgħażagħ infushom, ħalli l-“fjamma” ta’ dak li għexna f’dawn il-jiem tkompli tixtered.

 

L-għamla sinodali tal-Knisja

121. L-esperjenza li għexna, lill-parteċipanti tas-Sinodu ġabithom konxji mill-importanza ta’ għamla sinodali tal-Knisja għat-tħabbira u għat-trasmissjoni tal-fidi. Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ għenet biex “tqajjem mill-ġdid” is-sinodalità, li hi “dimensjoni kostituttiva tal-Knisja. […] Kif jgħid San Ġwann Griżostmu, ‘Knisja u Sinodu huma sinonimi’ – għax il-Knisja mhix ħlief il-Merħla ta’ Alla li tul il-mogħdijiet tal-istorja ‘timxi flimkien’ lejn Kristu l-Mulej” (Franġisku, Diskors għat-Tifkira tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodui tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015). Is-sinodalità tikkaratterizza kemm il-ħajja u kemm il-missjoni tal-Knisja, li hi l-Poplu ta’ Alla magħmul minn żgħażagħ u anzjani, irġiel u nisa ta’ kull kultura u xefaq, u l-Ġisem ta’ Kristu, li fih aħna membri ta’ xulxin, ibda minn min hu mixħut fit-truf u mkasbar. Matul l-iskambji u permezz tax-xhieda, is-Sinodu ħareġ xi aspetti fundamentali tal-istil sinodali, li lejh aħna msejħin nikkonvertu.

 

122. Huwa mir-relazzjonijiet – ma’ Kristu, mal-oħrajn, fil-komunità – li tgħaddi l-fidi. Anki fid-dawl tal-missjoni, il-Knisja hi msejħa li jkollha wiċċ relazzjonali li jqiegħed fiċ-ċentru s-smigħ, l-akkoljenza, id-djalogu, id-dixxerniment komuni f’mixja li tibdel il-ħajja ta’ min jieħu sehem fiha. “Knisja sinodali hi Knisja li tisma’, għax taf li s-smigħ ‘hu iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk’. Hu smigħ reċiproku fejn kulħadd għandu x’jitgħallem. Poplu fidil, Kulleġġ episkopali, Isqof ta’ Ruma: wieħed jisma’ lill-ieħor; u kulħadd jisma’ lill-Ispirtu s-Santu, l-‘Ispirtu tal-verità’ (Ġw 14:17), biex jagħraf dak li Hu ‘jgħid lill-Knejjes’ (Apok 2:7)” (Franġisku, Diskors għat-Tifkira tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodui tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015). B’dan il-mod il-Knisja ssir it-“tinda tal-laqgħa” li fiha tinżamm l-Arka tal-Patt (ara Eż 25): Knisja dinamika u f’moviment, li ssieħeb hija u timxi, imseddqa minn tant kariżmi u ministeri. Hekk Alla jsir preżenti b’dan il-mod.

 

Knisja parteċipattiva u korresponsabbli

123. Karatteristika ta’ dan l-istil ta’ Knisja hi l-valorizzazzjoni tal-kariżmi li l-Ispirtu jagħti skont il-vokazzjoni u r-rwol ta’ kull wieħed u waħda mill-membri tiegħu, permezz ta’ dinamiżmu ta’ korresponsabbiltà. Biex inwettquha hemm bżonn ta’ konverżjoni tal-qalb u disponibbiltà għas-smigħ reċiproku, li jibni sentiment wieħed komuni effettiv. Moħjija minn dan l-Ispirtu, nistgħu nimxu lejn Knisja parteċipattiva u korresponsabbli, li kapaċi tivvalorizza l-għana tal-varjetà li minnha magħmula, u tilqa’ bil-gratitudni anki s-sehem tal-fidili lajċi, fosthom żgħażagħ u nisa, dak tal-ħajja kkonsagrata femminili u maskili, u dak tal-gruppi, għaqdiet u movimenti. Ħadd ma għandu jitwarrab jew iwarrab. Dan hu l-mod kif nevitaw kemm il-klerikaliżmu, li jeskludi lil bosta mill-proċessi deċiżjonali, u kemm il-klerikalizzazzjoni tal-lajċi, li tagħlaqhom flok tgarahom fl-impenn missjunarju fid-dinja.

 

Is-Sinodu jitlob li tkun effettiva u ordinarja l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-postijiet ta’ korresponsabbiltà tal-Knejjes partikulari, kif ukoll fl-organiżmi tal-Konferenzi Episkopali u tal-Knisja universali. Jitlob ukoll li tissaħħaħ l-attività tal-Uffiċċju taż-Żgħażagħ fi ħdan id-Dikasteru tal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, anki permezz tat-twaqqif ta’ organiżmu li jirrappreżenta liż-żgħażagħ fuq livell internazzjonali.

 

Proċessi ta’ dixxerniment komunitarju

124. L-esperjenza li “nimxu flimkien” bħala Poplu ta’ Alla tgħinna nifhmu dejjem aħjar is-sens tal-awtorità fl-ottika tas-servizz. Mir-Ragħajja hi mitluba l-ħila li jkabbru l-kollaborazzjoni fix-xhieda u fil-missjoni, u li jsieħbu proċessi ta’ dixxerniment komunitarju biex jaqraw is-sinjali taż-żminijiet fid-dawl tal-fidi u taħt il-gwida tal-Ispirtu, bis-sehem tal-membri kollha tal-komunità, ibda minn min jinsab fit-truf. Dawk li fil-Knisja huma responsabbli u għandhom dawn il-ħiliet jeħtieġu formazzjoni speċifika għas-sinodalità. Minn din il-perspettiva jidher promettenti li nistrutturaw mixjiet ta’ formazzjoni komuni bejn lajċi żgħażagħ, reliġjużi u seminaristi żgħażagħ, b’mod partikulari fejn jidħlu suġġetti bħat-tħaddim tal-awtorità u l-ħidma f’équipe.

 

Stil għall-missjoni

Il-komunjoni missjunarja

125. Il-ħajja sinodali tal-Knisja hi essenzjalment orjentata lejn il-missjoni: hi “sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-unità tal-ġens tal-bnedmin kollu” (Lumen gentium, n. 1), sa dakinhar li Alla jsir “kollox f’kulħadd” (1 Kor 15:28). Iż-żgħażagħ, miftuħin għall-Ispirtu, jistgħu jgħinu lill-Knisja tagħmel il-passaġġ Paskwali tal-ħruġ “mill-‘jien’ mifhum b’mod individwalistiku għall-‘aħna’ ekkleżjali, fejn kull ‘jien’, imlibbes minn Kristu (ara Gal 2:20), jgħix u jimxi mal-aħwa bħala suġġett responsabbli u attiv fil-missjoni waħdanija tal-Poplu ta’ Alla” (Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Is-sinodalità fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja, 2 ta’ Marzu 2018, n. 107). L-istess passaġġ, bil-qawwa tal-Ispirtu u t-tmexxija tar-Ragħajja, għandha tagħmlu l-komunità Nisranija, imsejħa toħroġ mill-awtoreferenzjalità tal-“jien” tal-awtokonservazzjoni tagħha lejn is-servizz biex jissawwar “aħna” inklużiv fil-konfront tal-familja kollha tal-bnedmin u tal-ħolqien kollu.

 

Missjoni fi djalogu

126. Din id-dinamika fundamentali għandha konsegwenzi preċiżi fuq il-mod kif inwettqu l-missjoni flimkien maż-żgħażagħ, li titlob li niftħu, b’mod ċar u bla kompromessi, djalogu mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Kif afferma San Pawlu VI: “Il-Knisja għandu jkollha djalogu mad-dinja li fiha tgħix; u minn dan jiġi li hija stess tgħid xi kelma, tassew xi messaġġ u tibda taħdita” (Ecclesiam suam, n. 67). F’dinja mmarkata mid-diversità tal-popli u mill-varjetà tal-kulturi, li “nimxu flimkien” hu fundamentali biex nagħtu kredibbiltà u effikaċja lill-inizjattivi ta’ solidarjetà, ta’ integrazzjoni, ta’ promozzjoni tal-ġustizzja, u biex nuru fiex tikkonsisti kultura tal-laqgħa u tal-gratwità.

 

Proprju ż-żgħażagħ, li jgħixu ta’ kuljum f’kuntatt ma’ sħabhom tal-età tagħhom minn konfessjonijiet Insara, reliġjonijiet, konvinzjonijiet u kulturi oħra, qed iħeġġu lill-komunità Nisranija kollha biex tgħix l-ekumeniżmu u d-djalogu interreliġjuż. Dan jitlob il-kuraġġ tal-parresia fil-kliem, u dak tal-umiltà fis-smigħ, biex naslu għall-axxeżi – u xi drabi l-martirju – li din timplika.

 

Lejn il-periferiji tad-dinja

127. Il-prattika tad-djalogu u t-tiftix ta’ soluzzjonijiet flimkien jirrappreżentaw prijorità ċara fi żmien fejn is-sistemi demokratiċi huma sfidati minn livelli baxxi ta’ parteċipazzjoni u minn influwenza sproporzjonata ta’ gruppi żgħar ta’ interess li m’għandhomx rappreżentanza wiesgħa fil-popolazzjoni, bil-periklu ta’ devjazzjonijiet riduzzjonistiċi, tekniċi u awtoritarjanisti. Il-fedeltà lejn il-Vanġelu torjenta dan id-djalogu lejn it-tiftix ta’ kif nistgħu nagħtu tweġiba għall-karba doppja tal-foqra u tal-art (ara FranġiskuLaudato si’, n. 49), li għaliha ż-żgħażagħ qed juru sensibbiltà partikulari, billi ndaħħlu fil-proċessi soċjali l-ispirazzjoni tal-prinċipji tad-duttrina soċjali: id-dinjità tal-persuna, id-destinazzjoni universali tal-ġid, l-għażla preferenzjali favur il-foqra, il-primat tas-solidarjetà, l-attenzjoni għas-sussidjarjetà, l-għożża tad-dar komuni tagħna. L-ebda vokazzjoni fi ħdan il-Knisja ma tista’ tirfes ’il barra minn dan id-dinamiżmu komunitarju ta’ ħruġ u ta’ djalogu, u għalhekk kull sforz ta’ akkumpanjament hu msejjaħ jitkejjel ma’ dan ix-xefaq, u jżomm l-attenzjoni pprivileġġjata tiegħu fuq l-iktar foqra u l-iktar vulnerabbli.

 

KAPITLU II

NIMXU FLIMKIEN FIL-ĦAJJA TA’ KULJUM

 

Mill-istrutturi għar-relazzjonijiet

Mid-delega għall-involviment

128. Is-sinodalità missjunarja mhix xi ħaġa biss tal-Knisja fuq livell universali. L-esiġenza li nimxu flimkien, u nagħtu xhieda vera ta’ fraternità f’ħajja komunitarja mġedda u iżjed evidenti, tmiss qabelxejn lill-komunitajiet waħda waħda. Għalhekk hemm bżonn li f’kull realtà lokali nerġgħu nqajmu l-għarfien li aħna poplu ta’ Alla, responsabbli biex inlaħħmu l-Vanġelu fid-diversi kuntesti u fi ħdan is-sitwazzjonijiet kollha tal-ħajja ta’ kuljum. Dan jitlob li noħorġu mil-loġika tad-delega li tikkundizzjona tant l-azzjoni pastorali tagħna.

 

Nistgħu nirreferu, ngħidu aħna, għal mixjiet ta’ katekeżi bi tħejjija għas-sagramenti, li huma dmir li ħafna familji jiddelegaw għalkollox lill-parroċċa. Din il-mentalità għandha bħala konsegwenza tagħha li t-tfal jirriskjaw li jifhmu l-fidi mhux bħala realtà li ddawwal il-ħajja ta’ kuljum, imma bħala ġabra ta’ kunċetti u regoli li jappartienu għal ambitu separat mill-ħajja tagħhom. Imma hemm bżonn nimxu flimkien: il-parroċċa għandha bżonn tal-familja biex iddewwaq liż-żgħażagħ ir-realiżmu tal-ħajja ta’ kuljum tal-fidi; il-familja min-naħa tagħha għandha bżonn tal-ministeru tal-katekisti u tal-istruttura parrokkjali biex toffri lill-ulied viżjoni iżjed organika tal-Kristjaneżmu, biex tintroduċihom għall-komunità u tiftħilhom qalbhom għal ixfqa usa’. Mela mhux biżżejjed ikollok l-istrutturi, jekk fihom ma jiżviluppawx relazzjonijiet awtentiċi; fil-fatt, hi l-kwalità ta’ dawn ir-relazzjonijiet li tevanġelizza.

 

It-tiġdid tal-parroċċa

129. Il-parroċċa bilfors trid tkun parti minn dan il-proċess, biex ikollha l-bixra ta’ komunità iżjed ġenerattiva, ambjent li minnu tilma l-missjoni għal dawk li jinsabu fl-aħħar post. F’dan il-mument storiku partikulari qed joħorġu diversi sinjali li juru kif hi, f’ħafna każi, mhux qed jirnexxielha tikkorrispondi għall-esiġenzi spiritwali tal-bnedmin ta’ żmienna, fuq kollox minħabba xi fatturi, li mmodifikaw bil-kbir l-istili ta’ ħajja ta’ persuna. Fil-fatt qed ngħixu f’kultura “bla konfini”, immarkata minn relazzjoni ġdida fl-ispazju u ż-żmien anki minħabba l-komunikazzjoni diġitali, u kkaratterizzata minn ċaqliq kontinwu. F’dan il-kuntest, viżjoni tal-azzjoni parrokkjali mmarkata biss minn konfini territorjali u li mhix kapaċi bi proposti diversifikati tidħol fil-ħajja tal-fidi, b’mod partikulari taż-żgħażagħ, tkun qed iżomm lill-parroċċa f’immobiliżmu inaċċettabbli u f’ripetettività pastorali preokkupanti. Għalhekk hu meħtieġ mod ġdid ta’ kif naħsbu l-pastorali tal-parroċċa, f’loġika ta’ korresponsabbiltà ekkleżjali u ta’ qabża missjunarja, biex niżviluppaw sinerġiji fit-territorju. Hekk biss hi tista’ tidher bħala ambjent sinifikattiv li miegħu ż-żgħażagħ jistgħu jidentifikaw ruħhom.

 

Strutturi miftuħa u deċifrabbli

130. Fl-istess direzzjoni ta’ ftuħ u qsim ikbar, importanti li l-komunitajiet jistaqsu lilhom infushom biex jivverifikaw jekk l-istili tal-ħajja u l-użu tal-istrutturi humiex jgħaddu liż-żgħażagħ xhieda tal-Vanġelu li huma jistgħu jaqraw. Il-ħajja privata ta’ bosta saċerdoti, sorijiet, reliġjużi, isqfijiet hi bla dubju sobrja u impenjata b’risq in-nies; imma hi kważi inviżibbli għall-parti l-kbira tan-nies, fuq kollox għaż-żgħażagħ. Ħafna minnhom qed jaraw li d-dinja ekkleżjali tagħna hi kumplessa wisq biex jifhmuha; iżommu ’l bogħod mir-rwoli li nħaddnu u mill-isterjotipi li jiġu magħhom. Ejjew nagħmlu mod li l-ħajja ordinarja tagħna, fl-espressjonijiet kollha tagħha, tkun iktar aċċessibbli. Il-qrubija effettiva, il-qsim tal-ispazji u ta’ attivitajiet joħolqu l-kundizzjonijiet għal komunikazzjoni awtentika, ħielsa mill-preġudizzji. Hu b’dan il-mod li Ġesù wassal it-tħabbira tas-Saltna u hu f’din it-triq li qed imexxina llum ukoll l-Ispirtu tiegħu.

 

Il-ħajja tal-komunità

Mużajk ta’ wċuħ

131. Knisja sinodali u missjunarja tidher permezz tal-komunitajiet lokali li fihom jgħixu ħafna wċuħ. Sa mill-bidu l-Knisja ma kellhiex forma riġida u konformanti, imma żviluppat bħala priżma ta’ persuni b’sensibbiltajiet, provenjenzi u kulturi differenti. Proprju b’dan il-mod hi wriet li fil-ġarar tal-fuħħar tad-dgħufija umana qed iġġorr it-teżor bla qies tal-ħajja Trinitarja. L-armonija li hi don tal-Ispirtu ma tħassarx id-differenzi, imma tinsiġhom flimkien billi tnissel għana sinfoniku. Din il-laqgħa fil-fidi waħdanija bejn persuni differenti hi l-kundizzjoni fundamentali għat-tiġdid pastorali tal-komunitajiet tagħna. Din tinfluwenza t-tħabbira, iċ-ċelebrazzjoni u s-servizz, jiġifieri l-oqsma fundamentali tal-pastorali ta’ kuljum. L-għerf popolari jgħid li “biex teduka tifel trid raħal sħiħ”: dan il-prinċipju llum jgħodd għall-oqsma kollha tal-pastorali.

 

Il-komunità fit-territorju

132. It-twettiq effettiv ta’ komunità b’ħafna wċuħ jinkludi wkoll l-inseriment fit-territorju, il-ftuħ għat-tessut soċjali u l-laqgħa mal-istituzzjonijiet ċivili. Komunità magħquda u pluralistika biss tista’ tippreżenta ruħha b’mod miftuħ u twassal id-dawl tal-Vanġelu fl-oqsma tal-ħajja soċjali li llum qed jisfidawna: il-kwistjoni ekoloġika, ix-xogħol, l-għajnuna lill-familja, l-emarġinazzjoni, it-tiġdid tal-politika, il-pluraliżmu kulturali u reliġjuż, il-mixja b’risq il-ġustizzja u l-paċi, l-ambjent diġitali. Dan diġà qed iseħħ fl-għaqdiet u fil-movimenti ekkleżjali tagħna. Iż-żgħażagħ qed jitolbuna biex ma naffrontawx dawn l-isfidi waħidna u biex niddjalogaw ma’ kulħadd, mhux biex naqtgħu għalina felli mill-poter, imma biex nikkontribwixxu għall-ġid komuni.

 

Kerigma u katekeżi

133. It-tħabbira ta’ Ġesù Kristu, li miet u rxoxta, li wriena lill-Missier u tana l-Ispirtu, hi vokazzjoni fundamentali tal-komunità Nisranija. Tagħmel parti minn din it-tħabbira l-istedina liż-żgħażagħ biex jagħrfu fil-ħajja tagħhom is-sinjali tal-imħabba ta’ Alla u jiskopru l-komunità bħala post tal-laqgħa ma’ Kristu. Din it-tħabbira hi l-pedament, li dejjem jeħtieġ jiġġedded, tal-katekeżi taż-żgħażagħ u tagħtiha kwalità kerigmatika (ara Franġisku, Evangelii gaudium, n. 164). Irridu nżommu ħaj l-impenn biex noffru mixjiet li jkomplu u organiċi li jafu jintegraw: għarfien ħaj ta’ Ġesù Kristu u tal-Vanġelu tiegħu, il-ħila li bil-fidi naqraw l-esperjenza tagħna u l-ġrajjiet tal-istorja, akkumpanjament fit-talb u fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, l-introduzzjoni għal-Lectio divina u l-għajnuna fix-xhieda tal-karità u fil-promozzjoni tal-ġustizzja, biex hekk nipproponu spiritwalità awtentika żagħżugħa.

 

Il-mixjiet kateketiċi għandhom juru r-rabta qawwija tal-fidi mal-esperjenza konkreta ta’ kuljum, mad-dinja tas-sentimenti u tar-rabtiet, mal-ferħ u mad-delużjonijiet li wieħed jgħix fl-istudju u fuq ix-xogħol; jagħrfu jintegraw id-duttrina soċjali tal-Knisja; ikunu miftuħa għal-lingwaġġi tal-ġmiel, tal-mużika u tad-diversi espressjonijiet artistiċi, u għax-xejriet tal-komunikazzjoni diġitali. Id-dimensjonijiet tal-korporjetà, tal-affettività u tas-sesswalità għandna nieħdu ħsiebhom, ladarba hemm nisġa qawwija bejn edukazzjoni għall-fidi u edukazzjoni għall-imħabba. Għalhekk il-fidi rridu nifhmuha bħala prattika, jiġifieri bħala mod kif ngħixu fid-dinja.

 

Hu urġenti li fil-katekeżi taż-żgħażagħ inġeddu l-impenn b’risq il-lingwaġġi u l-metodoloġiji, mingħajr ma nwarrbu qatt minn quddiem għajnejna dak li hu essenzjali, jiġifieri l-laqgħa ma’ Kristu, li hu l-qalba tal-katekeżi. Ġew apprezzati l-YouCatid-DoCat u għodod simili, mingħajr ma ninsew il-katekiżmi li tawna d-diversi Konferenzi episkopali. Hu meħtieġ ukoll impenn imġedded favur il-katekisti, li spiss huma żgħażagħ għas-servizz ta’ żgħażagħ oħra, kważi tal-istess età tagħhom. Importanti nieħdu ħsieb kif jixraq tal-formazzjoni tagħhom u nagħmlu mezz li l-ministeru tagħhom jiġi magħruf iktar mill-komunità.

 

Iċ-ċentralità tal-liturġija

134. Iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika tnissel il-ħajja tal-komunità u tas-sinodalità tal-Knisja. Hi l-post tat-trasmissjoni tal-fidi u tal-formazzjoni għall-missjoni, fejn jidher ċar li l-komunità tgħix bil-grazzja u mhux b’opra ta’ jdejha. Bil-kliem tat-tradizzjoni Orjentali nistgħu naffermaw li l-liturġija hi laqgħa mal-Qaddej Divin li jinfaxxa l-ġrieħi tagħna u jħejji għalina l-ikla tal-festa tal-Għid, waqt li jibgħatna biex nagħmlu l-istess ma’ ħutna. Għalhekk irridu nisħqu b’mod ċar li l-impenn biex niċċelebrawha b’sempliċità nobbli u bl-involviment tad-diversi ministeri lajkali, hu pass essenzjali tal-konverżjoni missjunarja tal-Knisja. Iż-żgħażagħ urewna li jafu japprezzaw u jgħixu b’intensità ċelebrazzjonijiet awtentiċi fejn il-ġmiel tas-sinjali, l-attenzjoni għall-predikazzjoni u l-involviment tal-komunità tabilħaqq jitkellmu dwar Alla. Mela għandna nagħmlu minn kollox biex ngħinu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom, waqt li nżommu ħaj is-sens ta’ għoġba għall-Misteru; infittxu x’inhi s-sensibbiltà mużikali u artistika tagħhom, imma ngħinuhom jifhmu li l-liturġija mhijiex purament espressjoni tagħna nfusna, imma azzjoni ta’ Kristu u tal-Knisja. Bl-istess mod, importanti nsieħbu liż-żgħażagħ biex jiskopru l-valur tal-adorazzjoni Ewkaristika bħala prolungament taċ-ċelebrazzjoni, fejn jgħixu l-kontemplazzjoni u t-talb fis-skiet.

 

135. Fil-mixjiet ta’ fidi, għandha importanza kbira wkoll il-prattika tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Iż-żgħażagħ għandhom bżonn li jħossuhom maħbuba, maħfura, irrikonċiljati u għandhom nostalġija sigrieta għat-tgħanniqa ħanina tal-Missier. Għalhekk huwa fundamentali li l-presbiteri joffru disponibbiltà ġeneruża għaċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-sagrament. Iċ-ċelebrazzjonijiet penitenzjali komunitarji jgħinu liż-żgħażagħ jersqu lejn il-qrar individwali u jagħmlu iżjed espliċita d-dimensjoni ekkleżjali ta’ dan is-sagrament.

 

136. F’ħafna kuntesti l-pjetà popolari għandha rwol importanti biex iż-żgħażagħ jistgħu jersqu għall-ħajja tal-fidi b’mod prattiku, sensibbli u immedjat. Il-pjetà popolari tagħti valur lil-lingwaġġ tal-ġisem u l-parteċipazzjoni affettiva, u hekk iġġib magħha x-xewqa li wieħed jidħol f’kuntatt ma’ Alla li jsalva, spiss permezz tal-medjazzjoni tal-Omm ta’ Alla u tal-qaddisin.

 

Il-pellegrinaġġ hu għaż-żgħażagħ esperjenza ta’ mixja li ssir metafora tal-ħajja u tal-Knisja: fil-kontemplazzjoni tal-ġmiel tal-ħolqien u tal-arti, fl-għajxien tal-fraternità u l-għaqda mal-Mulej fit-talb, jinstabu l-aħjar kundizzjonijiet għad-dixxerniment.

 

Il-ġenerożità tad-djakonija

137. Iż-żgħażagħ jistgħu jikkontribwixxu biex iġeddu l-istil tal-komunitajiet parrokkjali u biex jibnu komunità fraterna u qrib tal-foqra. Il-foqra, iż-żgħażagħ imwarrba, dawk li qed ibatu l-iżjed, jistgħu jsiru l-prinċipju tat-tiġdid tal-komunità. Irridu naraw fihom is-suġġetti tal-evanġelizzazzjoni u jgħinuna ninħelsu mill-mondanità spiritwali. Spiss iż-żgħażagħ huma sensibbli għad-dimensjoni tad-diakonia. Ħafna huma impenjati attivament fil-volontarjat u jsibu fis-servizz it-triq biex jiltaqgħu mal-Mulej. Id-dedikazzjoni għall-iktar foqra hekk issir tassew prattika tal-fidi, fejn wieħed jifhem dik l-imħabba “moħlija” li tinsab fil-qalba tal-Vanġelu u li hi pedament tal-ħajja Nisranija kollha. Il-foqra, iċ-ċkejknin, il-morda, l-anzjani huma l-laħam ta’ ġisem Kristu li jbati: għalhekk, fil-qadi tagħhom inkunu niltaqgħu mal-Mulej u dan hu spazju pprivileġġjat għad-dixxerniment tas-sejħa tagħna. F’diversi kuntesti, hemm bżonn ukoll ta’ ftuħ partikulari għall-migranti u r-rifuġjati. Magħhom irridu naħdmu għall-akkoljenza, il-protezzjoni, il-promozzjoni u l-integrazzjoni. L-inklużjoni soċjali tal-foqra tagħmel mill-Knisja d-dar tal-imħabba.

 

Pastorali maż-żgħażagħ f’ottika vokazzjonali

Il-Knisja, dar għaż-żgħażagħ

138. Hija biss dik il-pastorali li għandha l-ħila tiġġedded, ibda mill-għożża għar-relazzjonijiet u mill-kwalità tal-komunità Nisranija, li tista’ tagħmel sens għaż-żgħażagħ u tiġbidhom lejha. Il-Knisja hekk tista’ tippreżenta ruħha lilhom bħala dar li tilqa’, ikkaratterizzata minn klima ta’ familja msejsa fuq il-fiduċja u l-kunfidenza. Ix-xenqa għall-fraternità, li ħarġet kemm-il darba mis-smigħ sinodali taż-żgħażagħ, titlob mill-Knisja li tkun “dar għal ħafna, omm għall-ġnus kollha” (FranġiskuEvangelii gaudium, n. 288): il-pastorali għandha d-dmir li twettaq fl-istorja l-maternità universali tal-Knisja permezz ta’ ġesti konkreti u profetiċi ta’ akkoljenza hienja u fil-ħajja ta’ kuljum, li jagħmlu minnha dar għaż-żgħażagħ.

 

L-animazzjoni vokazzjonali tal-pastorali

139. Il-vokazzjoni hi l-fulkru li madwaru jissenslu d-dimensjonijiet kollha tal-persuna. Dan il-prinċipju ma jmissx biss lill-individwu li jemmen, imma anki l-pastorali sħiħa. Għalhekk importanti ħafna niċċaraw li hu biss fid-dimensjoni vokazzjonali li l-pastorali kollha tista’ ssib prinċipju li jgħaqqad kollox, għax fiha ssib il-bidu tagħha u l-milja tagħha. Għalhekk, fil-mixjiet ta’ konverżjoni pastorali, mhux mitlub minna li nsaħħu l-pastorali vokazzjonali bħala xi qasam separat u għalih waħdu, imma li nanimaw il-pastorali kollha tal-Knisja u nippreżentaw b’effikaċja l-kotra tal-vokazzjonijiet. L-għan tal-pastorali fil-fatt hu li ngħinu lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda, permezz ta’ mixja ta’ dixxerniment, biex jilħaq “il-milja ta’ Kristu” (Efes 4:13).

 

Pastorali vokazzjonali għaż-żgħażagħ

140. Sa mill-bidu tal-mixja sinodali ħarġet b’ċerta qawwa l-ħtieġa li nikkwalifikaw vokazzjonalment il-pastorali maż-żgħażagħ. B’dan il-mod joħorġu ż-żewġ karatteristiċi indispensabbli għal pastorali maħsuba għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ: hi “żagħżugħa”, għax id-destinatarji tagħha jinsabu f’dik l-età waħdanija u irripetibbli tal-ħajja li hi ż-żgħożija; hi “vokazzjonali”, għax iż-żgħożija hi l-istaġun ipprivileġġjat tal-għażliet tal-ħajja u tat-tweġiba għas-sejħa ta’ Alla. Il-“vokazzjonalità” tal-pastorali maż-żgħażagħ ma rridux nifhmuha b’mod esklussiv, imma intensiv. Alla jsejjaħ fl-etajiet kollha tal-ħajja – mill-ġuf tal-omm sax-xjuħija –, imma ż-żgħożija hi l-mument ipprivileġġjat tas-smigħ, tad-disponibbiltà u biex wieħed jilqa’ r-rieda ta’ Alla.

 

Is-Sinodu jressaq il-proposta li fuq livell ta’ Konferenza Episkopali Nazzjonali jinħadem “Direttorju tal-pastorali maż-żgħażagħ” f’dawl vokazzjonali li jista’ jgħin lir-responsabbli djoċesani u lill-operaturi lokali biex jikkwalifikaw il-formazzjoni u l-azzjoni tagħhom maż-żgħażagħ u għalihom.

 

Mill-frammentazzjoni għall-integrazzjoni

141. Imqar jekk għarfu li l-programmazzjoni għal oqsma pastorali hi meħtieġa biex nevitaw l-improvizzazzjoni, f’bosta okkażjonijiet il-Padri sinodali wrew li mhumiex komdi b’ċerta frammentazzjoni tal-pastorali tal-Knisja. B’mod partikulari rreferew għall-bosta ħidmiet pastorali li jmissu liż-żgħażagħ: pastorali maż-żgħażagħ, mal-familji, vokazzjonali, skolastika u universitarja, soċjali, kulturali, karitattiva, tal-ħin liberu, u l-bqija. Il-multiplikazzjoni ta’ uffiċċji speċjalizzati ħafna, imma xi kultant separati, ma tgħinx biex il-proposta Nisranija tagħmel iktar sens. F’dinja frammentata li iktar ixxerred u timmultiplika l-appartenenzi, iż-żgħażagħ għandhom bżonn li jiġu megħjuna jaslu għal ħajja magħquda, billi jaqraw fil-fond l-esperjenzi ta’ kuljum u jagħmlu dixxerniment fuqhom. Jekk din hi l-prijorità, hemm bżonn niżviluppaw kordinament ikbar u integrazzjoni bejn id-diversi oqsma, billi ngħaddu minn ħidma għal “uffiċċji” għal ħidma għal “proġetti”.

 

Ir-rabta għammiela bejn avvenimenti u ħajja ta’ kuljum

142. Matul is-Sinodu, f’ħafna okkażjonijiet, issemma l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u anki l-ħafna avvenimenti oħra li jsiru fuq livell kontinentali, nazzjonali u djoċesan, flimkien ma’ dawk organizzati minn għaqdiet, movimenti, kongregazzjonijiet reliġjużi u minn suġġetti ekkleżjali oħra. Dawn il-mumenti ta’ laqgħa u ta’ qsim huma apprezzati kważi kullimkien għax joffru l-possibbiltà li nimxu fil-loġika tal-pellegrinaġġ, li ngħixu l-fraternità ma’ kulħadd, li naqsmu l-fidi bil-ferħ u li nikbru fl-appartenenza għall-Knisja. Għal ħafna żgħażagħ kienu esperjenza ta’ trasfigurazzjoni, fejn daqu l-ġmiel ta’ wiċċ il-Mulej u għamlu għażliet importanti fil-ħajja. L-aħjar frott ta’ dawn l-esperjenzi jinġabar fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk importanti nippjanaw u nwettqu dawn il-mumenti ta’ laqgħa bħala tappi sinifikattivi fi proċess siewi usa’.

 

Ċentri taż-żgħażagħ

143. Spazji speċifiċi ddedikati mill-komunità Nisranija għaż-żgħażagħ, bħall-oratorji u ċ-ċentri taż-żgħażagħ, u strutturi oħra simili juru l-passjoni edukattiva tal-Knisja. Dawn qed jonqsu b’ħafna modi, imma għadhom ambjenti pprivileġġjati li fihom il-Knisja ssir dar li tilqa’ lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ, fejn jistgħu jiskopru t-talenti tagħhom u jqegħduhom għad-dispożizzjoni fis-servizz. Dawn jittrasmettu wirt edukattiv għani ħafna, li għandu jinqasam fuq skala ikbar, b’għajnuna lill-familji u lill-istess soċjetà ċivili.

 

Imma fid-dinamiżmu ta’ Knisja li toħroġ hemm bżonn naħsbu f’tiġdid kreattiv u flessibbli ta’ din ir-realtà, u ngħaddu mill-idea ta’ ċentri statiċi, fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiġu, għall-idea ta’ suġġetti pastorali f’moviment ma’ u lejn iż-żgħażagħ, li allura kapaċi jiltaqgħu magħhom fil-postijiet tagħhom tal-ħajja ta’ kuljum – l-iskola u l-ambjent diġitali, il-periferiji eżistenzjali, id-dinja rurali u dik tax-xogħol, l-espressjoni mużikali u artistika, u l-bqija – u hekk inisslu għamla ġdida ta’ appostolat iktar dinamiku u attiv.

 

KAPITLU III

QABŻA MISSJUNARJA MĠEDDA

 

Xi sfidi urġenti

144. Is-sinodalità hi l-metodu li bih il-Knisja tista’ taffronta sfidi qodma u ġodda, u tista’ tiġbor u tqiegħed fi djalogu ma’ xulxin id-doni tal-membri kollha tagħha, ibda miż-żgħażagħ. Grazzi għall-ħidma tas-Sinodu, fl-Ewwel Parti ta’ dan id-Dokument semmejna xi oqsma li fihom huwa urġenti nniedu jew inġeddu dan il-pass tal-Knisja fit-twettiq tal-missjoni li Kristu fdalha f’idejha, li hawn qed nippruvaw naffrontaw b’mod iżjed konkret.

 

Il-missjoni fl-ambjent diġitali

145. L-ambjent diġitali jirrappreżenta għall-Knisja sfida fuq bosta livelli; għalhekk huwa essenzjali ninżlu iktar fil-fond tal-għarfien tagħna tad-dinamika tiegħu u l-portata li għandu mill-perspettiva antropoloġika u etika. Mhux biss jitlob li ngħixu fih u li nippromovu l-potenzjalitajiet komunikattivi tiegħu fid-dawl tat-tħabbira Nisranija, imma anki li l-kultura u d-dinamika tiegħu nimlewha bil-Vanġelu. Xi esperjenzi f’dan is-sens diġà għaddejjin u għandna ninkuraġġuhom, napprofonduhom u naqsmuhom. Il-prijorità li ħafna jagħtu lill-immaġni bħala għodda komunikattiva ma tistax ma tqanqalx ċerti mistoqsijiet fuq il-modi kif qed ngħaddu l-fidi li hi mibnija fuq is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u fuq il-qari tal-Iskrittura Mqaddsa. Iż-żgħażagħ Insara, li bħal sħabhom twieldu f’dinja diġitali, hawnhekk isibu missjoni awtentika, li fiha diġà hemm minnhom li huma impenjati. Sadattant huma ż-żgħażagħ stess li qed jitolbu li jiġu akkumpanjati f’dixxerniment fuq il-modi maturi ta’ ħajja f’ambjent li llum hu ddiġitalizzat b’ċerta qawwa, biex hekk jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet u jevitaw ir-riskji.

 

146. Is-Sinodu jawgura li fil-Knisja jitwaqqfu fil-livelli xierqa Uffiċċji jew organiżmi adatti għall-kultura u l-evanġelizzazzjoni diġitali, li, bil-kontribut essenzjali taż-żgħażagħ, jippromovu l-azzjoni u r-riflessjoni ekkleżjali f’dan il-qasam. Fost il-funzjonijiet tagħhom, barra li jiffavorixxu l-qsim u t-tixrid ta’ prattiċi tajba fuq livell personali u komunitarju, u li jiżviluppaw għodda tajba ta’ edukazzjoni diġitali u ta’ evanġelizzazzjoni, jistgħu wkoll jħaddmu sistemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ siti Kattoliċi, biex jikxfu t-tixrid ta’ fake news dwar il-Knisja, jew ifittxu modi kif jipperswadu lill-awtoritajiet pubbliċi biex jippromovu politika u għodda dejjem iżjed konvinċenti għall-ħarsien tal-minuri fuq l-internet.

 

Migranti: inwaqqgħu l-ħitan u nibnu pontijiet

147. Ħafna migranti huma żgħażagħ. L-universalità tal-Knisja toffrilha l-opportunità kbira li ddaħħal fi djalogu ma’ xulxin il-komunitajiet li minnhom jitilqu u dawk li fihom jaslu, u hekk tikkontribwixxi biex jingħelbu l-biżgħat u s-suspetti, u biex jissaħħu r-rabtiet li l-migrazzjonijiet qed jirriskjaw li jfarrku. “Nilqgħu, inħarsu, nippromovu u nintegraw”, l-erba’ verbi li bihom il-Papa Franġisku jiġbor il-linja ta’ azzjoni b’risq il-migranti, huma verbi sinodali.

 

Li nqegħduhom fil-prattika jitlob l-azzjoni tal-Knisja fuq kull livell u jinvolvi lill-membri kollha tal-komunitajiet Insara. Min-naħa tagħhom, il-migranti, imsieħba kif imiss, jistgħu joffru riżorsi spiritwali, pastorali u missjunarji lill-komunitajiet li jilqgħuhom. Ta’ importanza partikulari hu l-impenn kulturali u politiku, li għandu jsir anki permezz ta’ strutturi apposta, biex nitqabdu kontra t-tixrid tal-ksenofobija, ir-razziżmu u r-rifjut tal-migranti. Ir-riżorsi tal-Knisja Kattolika huma element vitali fit-taqbida kontra t-traffikar ta’ bnedmin, kif jirriżulta ċar fl-opra ta’ ħafna reliġjużi nisa. Ir-rwol tas-Santa Marta Group, li jgħaqqad ir-responsabbli reliġjużi u l-forzi tal-ordni, hu kruċjali u hu prattika tajba li nistgħu nispiraw ruħna minnha. Ma rridux inwarrbu għall-ġenb lanqas l-impenn biex niggarantixxu d-dritt effettiv li jibqgħu f’pajjiżhom ta’ dawk il-persuni li ma jridux jemigraw imma jiġu mġiegħla jagħmlu dan, u l-għajnuna lill-komunitajiet Insara li l-migrazzjonijiet qed jheddu li jiżvojtaw għalkollox.

 

In-nisa fil-Knisja sinodali

148. Knisja li tfittex li tgħix l-istil sinodali ma tistax ma tirriflettix fuq il-qagħda u fuq ir-rwol tan-nisa fi ħdanha, u konsegwentement anki fis-soċjetà. Iż-żgħażagħ dan qed jitolbuh b’saħħithom kollha. Ir-riflessjoni li żviluppat jeħtieġ inwettquha fil-prattika permezz ta’ opra kuraġġjuża ta’ konverżjoni kulturali u ta’ bidla fil-prattika pastorali ta’ kuljum. Qasam ta’ importanza partikulari f’dan ir-rigward hu dak tal-preżenza femminili fl-organi ekkleżjali fuq kull livell, anki f’funzjonijiet ta’ responsabbiltà, u tal-parteċipazzjoni femminili fi proċess deċiżjonali fil-Knisja fejn jidħol ir-rwol tal-ministeru ordnat. Dan hu dmir lejn il-ġustizzja, li jsib ispirazzjoni kemm fil-mod li bih Ġesù mexa mal-irġiel u n-nisa ta’ żmienu, u kemm fl-importanza tar-rwol ta’ xi figuri femminili fil-Bibbja, fl-istorja tas-salvazzjoni u fil-ħajja tal-Knisja.

 

Sesswalità: kelma ċara, ħielsa, awtentika

149. Fil-kuntest kulturali ta’ żmienna l-Knisja qed tbati biex tittrasmetti l-ġmiel tal-viżjoni Nisranija tal-korporjetà u tas-sesswalità, hekk kif joħroġ mill-Iskrittura Mqaddsa, mit-Tradizzjoni u mill-Maġisteru tal-aħħar Papiet. Għalhekk jidher urġenti li nfittxu modi iżjed xierqa, li jitlaħħmu konkretement fl-elaborazzjoni ta’ mixjiet imġedda ta’ formazzjoni. Irridu nipproponu liż-żgħażagħ antropoloġija tal-affettività u tas-sesswalità li kapaċi wkoll tagħti l-valur ġust lill-kastità, u b’għerf pedagoġiku turi t-tifsira l-iktar awtentika biex il-persuna tista’ tikber, fl-istati kollha ta’ ħajjitha. Irridu nisimgħu b’empatija, nakkumpanjaw u nagħmlu dixxerniment, fil-linja indikata mill-Maġisteru riċenti. Għalhekk irridu nieħdu ħsieb tal-formazzjoni ta’ operaturi pastorali kredibbli, ibda mill-maturazzjoni tad-dimensjonijiet affettivi u sesswali tal-persuna.

 

150. Jeżistu kwistjonijiet marbuta mal-ġisem, mal-affettività u mas-sesswalità li jeħtieġu elaborazzjoni antropoloġika, teoloġika u pastorali iktar fil-fond, biex titwettaq bil-modi u fuq il-livelli l-iżjed konvenjenti, minn dawk lokali għal dak universali. Fost dawn b’mod partikulari hemm dawk li għandhom x’jaqsmu mad-differenza u l-armonija bejn identità maskili u femminili u mal-inklinazzjonijiet sesswali. Dwar dan, is-Sinodu jisħaq li Alla jħobb lil kull persuna u hekk ukoll tagħmel il-Knisja, waqt li ġġedded l-impenn tagħha kontra kull diskriminazzjoni u vjolenza fuq bażi sesswali. Bl-istess mod tafferma mill-ġdid ir-rilevanza antropoloġika determinanti tad-differenza u r-reċiproċità bejn ir-raġel u l-mara u żżomm li hi ħaġa riduttiva li tiddefinixxi l-identità tal-persuni billi titlaq biss mill-“orjentament sesswali” (Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra lill-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika fuq il-kura pastorali tal-persuni omosesswali, 1 ta’ Ottubru 1986, n. 16) tagħhom.

 

Diġà jeżistu f’ħafna komunitajiet Insara mixjiet ta’ akkumpanjament fil-fidi ta’ persuni omosesswali: is-Sinodu jirrakkomanda mixjiet bħal dawn. F’dawn il-mixjiet il-persuni huma megħjuna jaqraw l-istorja tagħhom; iwieġbu b’libertà u responsabbiltà għas-sejħa tal-Magħmudija tagħhom; jagħrfu x-xewqa li jappartienu u jikkontribwixxu għall-ħajja tal-komunità; u jiddixxernu l-aħjar modi kif iwettquha. B’dan il-mod kull żagħżugħ jiġi megħjun, ħadd eskluż, u jintegraw dejjem iżjed id-dimensjoni sesswali fil-personalità tagħhom, waqt li jikbru fil-kwalità tar-relazzjonijiet tagħhom u jimxu lejn l-għotja tagħhom infushom.

 

Ekonomija, politika, xogħol, dar komuni

151. Il-Knisja timpenja ruħha fil-promozzjoni ta’ ħajja soċjali, ekonomika u politika f’isem il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-paċi, kif anki ż-żgħażagħ qed jitolbu b’ċerta qawwa. Dan jitlob minnha l-kuraġġ li ssir leħen għal min m’għandux leħen quddiem il-mexxejja tad-dinja, u tikkundanna l-korruzzjoni, il-gwerer, il-kummerċ tal-armi, it-traffikar tad-droga u l-abbuż ta’ riżorsi naturali, u tistieden għall-konverżjoni lil dawk li huma responsabbli. F’perspettiva integrali, dan ma jistax jiġi mifrud mill-impenn b’risq l-inklużjoni tal-iżjed dgħajfa, biex hekk niftħu toroq li jippermettulhom mhux biss li jsibu tweġiba għall-ħtiġijiet tagħhom, imma anki li jagħtu l-kontribut tagħhom b’risq il-bini tas-soċjetà.

 

152. Fl-għarfien li “x-xogħol hu l-qofol tal-ħajja tal-bniedem fuq l-art” (San Ġwanni Pawlu IILaborem exercens, n. 4) u li n-nuqqas tiegħu hu umiljanti għal ħafna żgħażagħ, is-Sinodu jirrakkomanda lill-Knejjes lokali li jiffavorixxu u jakkumpanjaw l-inseriment taż-żgħażagħ f’din id-dinja, anki bl-għajnuna ta’ inizjattivi ta’ intrapriża żagħżugħa. Esperjenzi f’dan is-sens huma mxerrda f’ħafna Knejjes lokali u għandhom jiġu mwieżna u msaħħa.

 

153. Il-promozzjoni tal-ġustizzja tisfida anki lill-Knisja fuq kif tieħu ħsieb tal-ġid tagħha. Iż-żgħażagħ iħossuhom f’darhom fi Knisja fejn l-ekonomija u l-finanzi jingħaxu fit-trasparenza u fil-koerenza. Għażliet kuraġġjużi fil-perspettiva tas-sostenibbiltà, kif indikat mill-Enċiklika Laudato si’, huma meħtieġa, għax in-nuqqas ta’ rispett lejn l-ambjent iġib faqar ġdid, li tiegħu ż-żgħażagħ huma l-ewwel vittmi. Is-sistemi jinbidlu u juru wkoll li possibbli mod differenti kif ngħixu d-dimensjoni ekonomika u finanzjarja. Iż-żgħażagħ jixprunaw lill-Knisja biex tkun profetika f’dan il-qasam, bil-kliem imma fuq kollox b’għażliet li juru li ekonomija ħabiba tal-persuna u tal-ambjent hi possibbli. Flimkien magħhom nistgħu naslu.

 

154. Dwar il-kwistjonijiet ekoloġiċi, importanti noffru linji gwida għat-twettiq konkret tal-Laudato si’ fil-prattika ekkleżjali. Bosta interventi saħqu fuq l-importanza li noffru liż-żgħażagħ formazzjoni għall-impenn soċjopolitiku u r-riżorsa li d-duttrina soċjali tal-Knisja tirrappreżenta f’dan il-qasam. Iż-żgħażagħ impenjati fil-politika għandna ngħinuhom u nagħmlulhom il-qalb biex jistgħu jaħdmu f’bidla vera tal-istrutturi soċjali inġusti.

 

Fil-kuntesti interkulturali u interreliġjużi

155. Il-pluraliżmu kulturali u reliġjuż hu realtà dejjem tikber fil-ħajja soċjali taż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ Insara joffru xhieda sabiħa tal-Vanġelu meta jgħixu l-fidi tagħhom b’mod li jibdel ħajjithom u l-azzjonijiet tagħhom ta’ kuljum. Huma msejħa jinfetħu għaż-żgħażagħ ta’ tradizzjonijiet reliġjużi u spiritwali oħra, jibnu magħhom relazzjonijiet awtentiċi li jiffavorixxu l-għarfien reċiproku u jfejqu l-preġudizzji u l-isterjotipi. Hekk huma l-pjunieri ta’ għamla ġdida ta’ djalogu interreliġjuż u interkulturali, li jikkontribwixxi biex jeħilsu s-soċjetajiet tagħna mill-esklużjoni, mill-estremiżmu, mill-fundamentaliżmu u anki mill-manipulazzjoni tar-reliġjon għal fini settarji jew populisti. Xhieda tal-Vanġelu, dawn iż-żgħażagħ flimkien ma’ sħabhom tal-istess età, isiru promoturi ta’ ċittadinanza inklużiva tad-diversità u ta’ impenn reliġjuż soċjalment responsabbli u kostruttiv tar-rabta soċjali u tal-paċi.

 

Riċentement, proprju fuq proposta taż-żgħażagħ, tnedew inizjattivi biex joffru l-opportunità ta’ konvivenza bejn appartenenti ta’ reliġjonijiet u kulturi differenti, biex ilkoll, fi klima ferrieħa u fir-rispett tat-twemmin rispettiv, ikunu atturi ta’ impenn komuni u kondiviż fis-soċjetà.

 

Iż-żgħażagħ b’risq djalogu ekumeniku

156. F’dik li hi l-mixja ta’ rikonċiljazzjoni bejn l-Insara kollha, is-Sinodu hu rikonoxxenti għax-xewqa ta’ ħafna żgħażagħ li jgħinu tikber l-għaqda bejn il-komunitajiet Insara mifruda. Bl-impenn tagħhom f’din il-linja, spiss iż-żgħażagħ jinżlu iktar fil-fond tal-fidi tagħhom u jgħixu ftuħ veru lejn dak li l-oħrajn jistgħu jagħtuhom. Iħossu li Kristu diġà jgħaqqadna ħaġa waħda, imqar jekk jibqgħu xi differenzi. Kif afferma l-Papa Franġisku fl-okkażjoni taż-żjara lill-Patrijarka Bartilmew fl-2014, huma ż-żgħażagħ “li llum iħeġġuna nagħmlu passi ’l quddiem lejn il-komunjoni sħiħa. U dan mhux għax jinjoraw it-tifsira tad-differenzi li għadhom jifirduna, imma għax jafu jaraw ’il bogħod aktar – jafu jaraw lil hemm – huma kapaċi jaraw l-essenzjal li diġà qed jgħaqqadna” (Franġisku, Intervent fl-okkażjoni tal-Liturġija Divina, Knisja Patrijarkali ta’ San Ġorġ, Istanbul, 30 ta’ Novembru 2014).

 

KAPITLU IV

FORMAZZJONI INTEGRALI

 

Konkretezza, kumplessità u integralità

157. Il-qagħda attwali hi kkaratterizzata minn kumplessità dejjem tikber ta’ fenomeni soċjali u tal-esperjenza individwali. Fil-konkretezza tal-ħajja l-bidliet li qed iseħħu jinfluwenzaw lil xulxin u ma jistgħux jiġu affrontati b’ħarsa selettiva. Fil-verità kollox hu marbut ma’ xulxin: il-ħajja tal-familja u l-impenn professjonali, l-użu tat-tekonoloġiji u l-mod ta’ kif wieħed jgħix il-ħajja komunitarja, il-ħarsien tal-embrijun u dak tal-migrant. Il-konkretezza tkellimna fuq viżjoni antropoloġika tal-persuna bħala totalità u fuq mod ta’ għarfien li ma jifridx imma jiġbor ir-rabtiet, jitgħallem mill-esperjenza għax jaqraha fid-dawl tal-Kelma, iħalli jnebbħuh ix-xhieda eżemplari iżjed milli l-mudelli astratti. Dan jitlob viżjoni ġdida ta’ formazzjoni, li tipponta lejn l-integrazzjoni tal-perspettivi, tagħmilna kapaċi nagħrfu n-nisġa tal-problemi u tagħraf tgħaqqad id-diversi dimensjonijiet tal-persuna. Din il-viżjoni hi f’sintonija profonda ma’ dik Nisranija li tikkontempla fl-Inkarnazzjoni tal-Iben il-laqgħa inseparabbli tad-divin mal-uman, tal-art mas-sema.

 

Edukazzjoni, skola u università

158. Tul is-Sinodu saret insistenza partikulari fuq il-ħidma deċiżiva u li xejn ma jista’ jeħdilha postha tal-formazzjoni professjonali, tal-iskola u tal-università, anki għax dawn huma postijiet fejn il-parti l-kbira taż-żgħażagħ jgħaddu ħafna mill-ħin tagħhom. F’xi naħat tad-dinja l-edukazzjoni bażilari hi l-ewwel u l-iktar talba importanti li ż-żgħażagħ qed jagħmlu lill-Knisja. Għalhekk għall-komunità Nisranija hu importanti li tesprimi preżenza sinifikattiva f’dawn l-ambjenti b’għalliema kkwalifikati, kappellaniji sinifikattivi u impenn kulturali xieraq.

 

Jixirqilhom riflessjoni partikulari l-istituzzjonijiet edukattivi Kattoliċi, li jesprimu l-għożża tal-Knisja għall-formazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ. Dawn huma spazji prezzjużi għal-laqgħa tal-Vanġelu mal-kultura ta’ poplu u għall-iżvilupp tar-riċerka. Huma msejħin jipproponu mudell ta’ formazzjoni li jkun kapaċi jgħin fid-djalogu tal-fidi mal-mistoqsijiet tad-dinja tal-lum, bid-diversi perspettivi antropoloġiċi, bl-isfidi tax-xjenza u tat-teknoloġija, bil-bidliet fid-drawwiet soċjali u bl-impenn b’risq il-ġustizzja.

 

Attenzjoni partikulari f’dan l-ambjent nagħtuha lill-promozzjoni tal-kreattività żagħżugħa fl-oqsma tax-xjenza u tal-arti, tal-poeżija u tal-letteratura, tal-mużika u tal-isport, tad-diġitali u tal-midja, u l-bqija. B’dan il-mod iż-żgħażagħ jistgħu jiskopru t-talenti tagħhom u mbagħad iqegħduhom għad-dispożizzjoni tas-soċjetà għall-ġid ta’ kulħadd.

 

Nippreparaw formaturi ġodda

159. Il-Kostituzzjoni appostolika Veritatis gaudium li ħarġet dan l-aħħar dwar l-universitajiet u l-fakultajiet ekkleżjastiċi pproponiet xi kriterji fundamentali għal proġett formattiv li jindirizza l-isfidi tal-lum: il-kontemplazzjoni spiritwali, intellettwali u eżistenzjali tal-kerigma, id-djalogu fuq kull livell, it-trans-dixxiplinarjetà mħaddma bl-għerf u l-kreattività, u l-ħtieġa urġenti li “jinħolqu xbieki” (ara Veritatis gaudium, n. 4, d). Dawn il-prinċipji jistgħu jnebbħu l-oqsma kollha edukattivi u formattivi; jekk jitħaddmu, l-ewwel ma tgawdi hi l-formazzjoni ta’ edukaturi ġodda, u tgħinhom jinfetħu għal viżjoni għarfa u li kapaċi tintegra flimkien l-esperjenza u l-verità. Għandhom missjoni fundametali fuq livell dinji l-Universitajiet Pontifiċji u fuq livell kontinentali u nazzjonali l-Universitajiet Kattoliċi u ċ-ċentri ta’ studju. Il-verifika perjodika, il-kwalifikazzjoni esiġenti u t-tiġdid kontinwu ta’ dawn l-istituzzjonijiet huma investiment strateġiku kbir għall-ġid taż-żgħażagħ u tal-Knisja kollha.

 

Niffurmaw dixxipli missjunarji

160. Il-mixja sinodali saħqet fuq ix-xewqa dejjem tikber li nagħtu spazju u qafas lill-protagoniżmu taż-żgħażagħ. Hu ċar li l-appostolat taż-żgħażagħ ma’ żgħażagħ oħra ma jistax jiġi improvizzat, imma jrid ikun frott ta’ mixja formattiva serja u f’lokha: kif nistgħu nakkumpanjaw dan il-proċess? Kif noffru l-aħjar għodda f’idejn iż-żgħażagħ biex isiru xhieda awtentiċi tal-Vanġelu? Din il-mistoqsija taħbat ukoll max-xewqa ta’ ħafna żgħażagħ li jsiru jafu aħjar il-fidi tagħhom: jiskopru l-għeruq bibliċi tagħha, jifhmu l-iżvilupp storiku tad-duttrina, is-sens tad-dommi, l-għana tal-liturġija. Dan jagħmilha possibbli għaż-żgħażagħ li jirriflettu fuq il-kwistjonijiet attwali fejn il-fidi qed tiġi ppruvata, biex jagħrfu jagħtu raġuni għat-tama li hemm fihom (ara 1 Piet 3:15).

 

Għalhekk is-Sinodu jipproponi l-valorizzazzjoni tal-esperjenzi ta’ missjoni miż-żgħażagħ permezz tat-twaqqif ta’ ċentri ta’ formazzjoni għall-evanġelizzazzjoni maħsuba għaż-żgħażagħ u għall-koppji żgħażagħ, b’esperjenza integrali li tagħlaq bil-mandat għall-missjoni. Diġà hemm inizjattivi ta’ din ix-xorta f’bosta territorji, imma kull Konferenza Episkopali hi mitluba tiżen il-fattibbiltà fil-kuntest partikulari tagħha.

 

Żmien biex insieħbu lejn id-dixxerniment

161. Ħafna drabi dwiet fl-awla sinodali sejħa ħerqana biex b’ġenerożità ninvestu passjoni edukattiva, żmien itwal u anki riżorsi ekonomiċi għall-ġid taż-żgħażagħ. Is-Sinodu ġabar bosta kontributi u xewqat li ħarġu tul il-konfront sinodali, flimkien mas-smigħ ta’ esperjenzi kkwalifikati li diġà qed isiru, u issa qed jipproponi b’konvinzjoni lill-Knejjes partikulari kollha, lill-kongregazzjonijiet reliġjużi, lill-movimenti, lill-għaqdiet u lil suġġetti oħra ekkleżjali li joffru liż-żgħażagħ esperjenza ta’ akkumpanjament fid-dawl tad-dixxerniment. Din l-esperjenza – li t-tul tagħha jiġi ffissat skont il-kuntest u l-opportunitajiet – tista’ tissejjaħ żmien maħsub għall-maturazzjoni tal-ħajja Nisranija adulta. Fiha għandu jkun hemm distakk twil mill-ambjenti u mir-relazzjoni tas-soltu, u tinbena madwar tal-inqas tliet aspetti indispensabbli: esperjenza ta’ ħajja fraterna flimkien ma’ edukaturi adulti li tkun essenzjali, sobrja u rispettuża għad-dar komuni; proposta appostolika qawwija u sinifikattiva li tingħax flimkien; offerta ta’ spiritwalità mgħaddsa fit-talb u fil-ħajja sagramentali. Hekk ikun fiha l-ingredjenti kollha meħtieġa biex il-Knisja tista’ toffri liż-żgħażagħ li jixtiequ esperjenza profonda ta’ dixxerniment vokazzjonali.

 

Akkumpanjament għaż-żwieġ

162. Nisħqu fuq l-importanza ta’ akkumpanjament tal-koppji tul il-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ, waqt li nżommu f’moħħna li hemm bosta modi leġittimi ta’ kif jistgħu jiġu organizzati dawn il-mixjiet. Kif tafferma l-Amoris lætitia fin-n. 207, “m’aħniex qed nitkellmu fuq li nagħtuhom il-Katekiżmu kollu, lanqas li nimlewhom b’ħafna argumenti. [] Hi bħal xorta ta’ ‘inizjazzjoni’ għas-sagrament taż-żwieġ li tfornihom bl-elementi meħtieġa biex jistgħu jirċevuh bl-aħjar dispożizzjonijiet u jibdew fuq is-sod il-ħajja tal-familja”. Importanti nkomplu nakkumpanjaw il-familji żgħażagħ, fuq kollox fl-ewwel snin taż-żwieġ, u ngħinuhom ukoll ikunu parti attiva mill-komunità Nisranija.

 

Il-formazzjoni tas-seminaristi u tal-ikkonsagrati

163. Il-ħidma speċifika tal-formazzjoni sħiħa tal-kandidati għall-ministeru ordnat u għall-ħajja kkonsagrata maskili u femminili tibqa’ sfida importanti għall-Knisja. Niftakru wkoll fl-importanza ta’ formazzjoni kulturali u teoloġika soda għall-persuni kkonsagrati. Dwar is-seminarji, l-ewwel xogħol ovvjament hu li naqbdu f’idejna u nittraduċu f’ħidma r-Ratio fundamentalis institutionis sacerdotalis il-ġdid. Matul is-Sinodu ħarġu ċerti aspetti importanti, li tajjeb insemmuhom.

 

L-ewwel nett, l-għażla tal-formaturi: mhux biżżejjed li jkunu kulturalment imħejjija, imma jridu jkunu kapaċi jidħlu f’relazzjonijiet fraterni, jisimgħu b’empatija u jkollhom profondità interjuri kbira. It-tieni, għal akkmpanjament xieraq ikun hemm bżonn ta’ ħidma serja u kompetenti f’équipe edukattivi differenti, li jinkludu figuri femminili. It-twaqqif ta’ dawn l-équipe formattivi li fihom jinteraġixxu vokazzjonijiet diversi hi għamla ċkejkna imma prezzjuża ta’ sinodalità, li tħalli effett fuq il-mentalità taż-żgħażagħ fl-ewwel snin tal-formazzjoni tagħhom. It-tielet, il-formazzjoni għandha tfittex l-iżvilupp, fir-Ragħajja tal-futur u fl-ikkonsagrati, tal-ħila li jħaddmu r-rwol tagħhom ta’ gwida b’mod awtorevoli u mhux awtoritarju, billi jedukaw lill-kandidati żgħażagħ kif jingħataw għall-komunità. Attenzjoni partikulari għandha tingħata lil xi kriterji formattivi: li jingħelbu t-tendenzi għall-klerikaliżmu, li jkunu kapaċi jaħdmu f’équipe, is-sensibbiltà għall-foqra, it-trasparenza tal-ħajja, id-disponibbiltà li jħallu lil min jakkumpanjahom. Ir-raba’, hi deċiżiva s-serjetà tad-dixxerniment tal-bidu, għax ħafna drabi ż-żgħażagħ li jidħlu s-seminarju jew f’dar ta’ formazzjoni jiġu milqugħa mingħajr l-għarfien xieraq u qari fil-fond tal-istorja tagħhom. Il-kwistjoni ssir partikularment delikata fil-każ ta’ “seminaristi li jitlajjaw ’l hawn u ’l hinn”: l-instabbiltà relazzjonali u affettiva flimkien man-nuqqas ta’ għeruq fil-ħajja tal-Knisja huma sinjali perikolużi. Ikun irresponsabbli li wieħed hawn jittraskura n-norma ekkleżjali, u din l-imġiba jista’ jkollha konsegwenzi gravi ħafna fuq il-komunità Nisranija. Il-ħames punt hu dwar il-konsistenza numerika tal-komunitajiet ta’ formazzjoni: f’dawk kbar wisq hemm ir-riskju tal-ispersonalizzazzjoni tal-mixja u tan-nuqqas ta’ għarfien taż-żgħażagħ fil-mixja, waqt li dawk wisq żgħar jirriskjaw li jsiru soffokanti u jinħakmu minn xi loġika ta’ dipendenza; f’dawn il-każi l-aħjar soluzzjoni tkun li jitwaqqfu seminarji interdjoċesani jew djar ta’ formazzjoni maqsuma bejn iżjed minn provinċja reliġjuża waħda, bi proġetti formattivi u responsabbiltajiet ċari.

 

164. Is-Sinodu għandu tliet proposti b’risq dan it-tiġdid.

 

L-ewwel hi dwar il-formazzjoni flimkien ta’ lajċi, ikkonsagrati u saċerdoti. Importanti nżommu liż-żgħażagħ fil-formazzjoni f’kuntatt permanenti mal-ħajja ta’ kuljum tal-familji u tal-komunitajiet, b’attenzjoni partikulari għall-preżenza ta’ figuri femminili u ta’ koppji Nsara, hekk li l-formazzjoni jkollha għeruqha fil-konkretezza tal-ħajja u tkun ikkaratterizzata minn aspett relazzjonali li kapaċi jinteraġixxi mal-kuntest soċjali u kulturali.

 

It-tieni proposta timplika li fil-kurrikulu ta’ tħejjija għall-ministeru ordnat jew għall-ħajja kkonsagrata tiddaħħal preparazzjoni speċifika dwar il-pastorali maż-żgħażagħ, permezz ta’ korsijiet ta’ formazzjoni mmirati lejn esperjenzi ta’ appostolat u ta’ evanġelizzazzjoni li huma jkunu jistgħu jduqu.

 

It-tielet proposta titlob li, fi ħdan dixxerniment awtentiku tal-persuni u tas-sitwazzjonijiet skont il-viżjoni u l-ispirtu tar-Ratio fundamentalis institutionis sacerdotalis, tiġi mgħarbla l-possibbiltà ta’ verifika tal-mixja formattiva fis-sens esperjenzali u komunitarju. Dan jgħodd speċjalment għall-aħħar tappa tal-mixja li tipprevedi l-inseriment gradwali fir-responsabbiltà pastorali. Il-formuli u l-modalitajiet jistgħu jiġu indikati mill-Konferenzi Episkopali ta’ kull pajjiż, permezz tar-Ratio nationalis tagħhom.


 

KONKLUŻJONI

 

Imsejħin insiru qaddisin

165. Id-differenzi vokazzjonali kollha jinġabru fis-sejħa waħdanija u universali għall-qdusija, li fl-aħħar mill-aħħar ma tistax tkun għajr il-milja ta’ dik is-sejħa għall-ferħ u għall-imħabba li tidwi fil-qalb ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa. Effettivament, huwa biss jekk nitilqu minn din il-vokazzjoni waħdanija għal-qdusija li nistgħu nartikulaw ix-xejriet differenti ta’ ħajja, għax nafu li Alla “jridna qaddisin u jistenna minna li ma nikkuntentawx ruħna b’ħajja ta’ nofs kedda u medjokri, imxejna, inkonsistenti” (Franġisku, Gaudete et exsultate, n. 1). Il-qdusija ssib l-għajn bla tarf tagħha fil-Missier, li permezz tal-Ispirtu tiegħu jibgħatilna lil Ġesù, “il-qaddis ta’ Alla” (Mk 1:24) li ġie fostna biex jagħmilna qaddisin permezz tal-ħbiberija miegħu, li jġib il-ferħ u s-sliem fil-ħajja tagħna. Il-kundizzjoni fundamentali għal kull tiġdid hi li fil-pastorali ordinarja tagħha l-Knisja tirkupra l-kuntatt ħaj mal-ħajja hienja ta’ Ġesù.

 

Inqajmu d-dinja bil-qdusija tagħna

166. Jeħtieġ li nkunu qaddisin biex nistgħu nistiednu liż-żgħażagħ isiru qaddisin. Iż-żgħażagħ talbuna b’qawwa kbira Knisja awtentika, imdawla, trasparenti, hienja: Knisja tal-qaddisin biss tista’ twieġeb għal dawn it-talbiet! Ħafna minnhom telqu l-Knisja għax fiha ma sabux qdusija, imma medjokrità, preżunzjoni, firdiet u korruzzjoni. B’xorti ħażina d-dinja hi skandalizzata minħabba fl-abbużi min-naħa ta’ xi persuni tal-Knisja, pjuttost milli hi mħeġġa mill-qdusija tal-membri tagħha: għalhekk il-Knisja flimkien jeħtieġ tagħmel bidla fil-perspettiva, deċiża, immedjata u radikali! Iż-żgħażagħ għandhom bżonn ta’ qaddisin li jsawru qaddisin oħra, biex hekk juru li “l-qdusija hi l-isbaħ wiċċ tal-Knisja (FranġiskuGaudete et exsultate, n. 9). Jeżisti lingwaġġ li l-bnedmin ta’ kull żmien, post u kultura jistgħu jifhmuh, għax hu immedjat u mdawwal: hu l-lingwaġġ tal-qdusija.

 

Imkaxkra mill-qdusija taż-żgħażagħ

167. Kien ċar sa mill-bidu tal-mixja sinodali li ż-żgħażagħ huma parti integrali mill-Knisja. U għalhekk hija wkoll parti integrali l-qdusija tagħhom, li f’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin warrdet b’mod kotran fin-naħat kollha tad-dinja: għalina kien kommoventi li matul is-Sinodu stajna nikkontemplaw u nimmeditaw il-kuraġġ ta’ tant żgħażagħ li ċaħdu lil ħajjithom biex jibqgħu fidili għall-Vanġelu; bħal irċivejna ħajja ġdida meta smajna x-xhieda taż-żgħażagħ preżenti għas-Sinodu li qalb tant persekuzzjonijiet għażlu li jaqsmu fil-passjoni tal-Mulej Ġesù. Permezz tal-qdusija taż-żgħażagħ il-Knisja tista’ ġġedded il-passjoni spiritwali u l-ħeġġa appostolika tagħha. Il-balzmu tal-qdusija msawwab mill-ħajja tajba ta’ tant żgħażagħ jista’ jdewwi l-ġrieħi tal-Knisja u tad-dinja, u jerġa’ jwassalna għal dik il-milja tal-imħabba li għaliha sa minn dejjem konna msejħa: iż-żgħażagħ qaddisin qed iħeġġuna biex nerġgħu lura għal dik l-ewwel imħabba (ara Apok 2:4).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Kummissjoni Teoloġika InternazzjonaliIs-sinodalità fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja, 2 ta’ Marzu 2018, n. 9. Id-dokument juri wkoll in-natura tas-sinodalità b’dan il-kliem: “Id-dimensjoni sinodali tal-Knisja tesprimi l-karattru ta’ suġġett attiv li għandhom l-Imgħammdin kollha u flimkien mar-rwol speċifiku tal-ministeru episkopali f’komunjoni kolleġġjali u ġerarkika mal-Isqof ta’ Ruma. Din il-viżjoni ekkleżjoloġika tistieden għall-promozzjoni tat-tixrid tal-komunjoni sinodali bejn ‘kulħadd’, ‘xi wħud’ u ‘wieħed’. Fuq diversi livelli u f’diversi għamliet, fuq il-livell tal-Knejjes partikulari, fuq dak tal-ġabriet tagħhom flimkien fuq livell reġjonali, u fuq dak tal-Knisja universali, is-sinodalità timplika t-tħaddim tas-sensus fidei tal-universitas fidelium (kulħadd), il-ministeru ta’ gwida tal-Kulleġġ tal-Isqfijiet, kull wieħed bil-presbiterju tiegħu (xi wħud), u l-ministeru tal-għaqda tal-Isqof u tal-Papa (wieħed). Hekk, fid-dinamika sinodali, huma marbuta flimkien l-aspett komunitarju li jinkludi l-Poplu kollu ta’ Alla, id-dimensjoni kolleġġjali marbuta mat-tħaddim tal-ministeru episkopali, u l-ministeru ewlieni tal-Isqof ta’ Ruma. Din il-korrelazzjoni tippromovi dik is-singularis conspiratio bejn il-fidili u r-Ragħajja li hi ikona tal-conspiratio eterna li tgħix fit-Trinità Qaddisa” (n. 64).

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard