San Alfons
M. de Liguori
|
Ħaġa waħda
mar-Rieda ta’ Alla
(Uniformità alla Volontà di Dio)
Ktejjeb ta' San Alfons M. de
Liguori dwar ir-Rieda t'Alla
Virtù mill-aqwa
Il-perfezzjoni
tagħna kollha kemm hi
tikkonsisti filli nħobbu lil
Alla tagħna li jixraqlu kull
imħabba: Charitas est
vinculum perfectionis
(L-imħabba hija l-qofol
tal-perfezzjoni, Kol 3, 14).
Iżda l-imħabba perfetta għal
Alla qiegħda filli aħna ngħaqqdu
r-rieda tagħna mar-rieda qaddisa
Tiegħu. L-effett ewlieni ta’
l-imħabba, kif jgħid San
Dijonisju l-Areopagita (de Div.
Nom. 6. 4), hu illi jgħaqqad
ir-rieda ta’ dawk li jħobbu
sabiex huma jkunu lkoll ta’
rieda waħda. Għaldaqstant iktar
ma wieħed ikun marbut mar-rieda
divina, iktar ser ikun iħobb lil
Alla. Lil Alla jogħġbuh
il-mortifikazzjonijiet,
il-meditazzjonijiet, it-tqarbin,
il-karità mal-proxxmu. Iżda
meta? – Meta dawn isiru skond
ir-rieda Tiegħu. Meta m’hemmx
ir-rieda ta’ Alla, mhux talli ma
jogħġbuhx anzi jistmellhom u
jikkastigahom.
Nieħdu eżempju –
Ikun hemm żewġ qaddejja, wieħed
jaħdem b’nifsu maqtugħ il-jum
kollu, imma jrid jagħmel kollox
kif jidhirlu hu, fil-waqt li
l-ieħor ma jitħabatx daqsu imma
joqgħod għal dak li jgħidulu
jagħmel. Dan ta’ l-aħħar żgur li
ser jogħġob lil sidu, iżda mhux
hekk l-ewwel wieħed. X’jiswew
l-opri tagħna għall-glorja ta’
Alla, jekk dawn lilu ma
joħgġbuhx? Alla ma jridx
sagrifiċċji (hekk qal il-profeta
Samwel lil Sawl) imma jrid li
r-rieda tiegħu tkun obduta.
Numquid vult Dominus holocausta,
et victimas, et non potius, ut
obediatur voci Domini? ... Quasi
scelus idolatriae est nolle
acquiescere (Jaqaw il-Mulej
jogħġbuh il-vittmi tal-ħruq u
sagrifiċċji aktar mis-smigħ
tal-kelma tal-Mulej. Ara,
l-ubbidjenza hi aqwa
mis-sagrifiċċji; is-smigħ aħjar
mix-xaħam tal-muntun.
Ir-ribelljoni daqs id-dnub
tas-seħer, u li twebbes rasek
daqs il-ħażin tal-qima
tax-xbihat, 1 Samwel 15, 22-23).
Il-bniedem li jrid iwettaq dak
li jgħidlu moħħu u mhux dak li
jrid Alla qed iwettaq speċi ta’
idolatrija għax, minflok ma
jagħti qima lir-rieda ta’ Alla,
ikun qerd jadura r-rieda tiegħu
stess.
Għalhekk l-ikbar
glorja li nistgħu nagħtu lil
alla hija li nagħmlu r-rieda
tiegħu f’kollox. Il-Feddej
tagħna, li ġie fid-dinja biex
jagħti glorja lill-Missier, ġie
sabiex jgħallimna dan bl-eżempju
tiegħu. Missier: Hostiam et
oblationem noluisti, corpus
autem aptasti mihi; nunc dixi
ecce venio, ut faciam, Deus,
voluntatem tuam (Sagrifiċċju
u offerta int ma ridtx, imma
ġisem int ħejjejt għalija; jien
imbagħad għedt: ‘Hawn jien, ġejt
biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O
Alla’. – Lhud 10, 5-7). Inti ma
ridtx il-vittmi li offrewlek
il-bnedmin; inti trid li jien
nisagrifikalek ġismi. Hawn jien,
lest biex nagħmel ir-rieda
tiegħek.
Dan qalu l-Mulej,
kemm-il darba, li Huwa ma ġiex
fid-dinja biex iwettaq ir-rieda
tiegħu, imma jagħmel biss dak li
ried il-Missier Tiegħu.
Descendi de caelo, non ut faciam
voluntatem meam, sed voluntatem
ejus qui misit me (Jiena
nżilt mis-sema mhux biex nagħmel
ir-rieda tiegħi, imma r-rieda
ta’ min bagħatni – Ġw 6, 38). U
b’dan huwa ried li d-dinja ssir
taf xinhi l-imħabba, li ħaditu
għal għand il-Missier, li jobdi
r-rieda Tiegħu, li ried li Hu
jissagrifika lilu nnifsu fuq
is-salib għall-fidwa
tal-bnedmin; hekk tkellem
fl-ort, meta Huwa mar biex
jiltaqa’ ma’ l-għedewwa Tiegħu,
li marru biex jaqbduh u jeħduh
għall-mewt: Ut cognoscat
mundus, quia diligo Patrem, et
sicut mandatum dedit Pater, sic
facio; surgite, eamus hinc
(Ħalli d-dinja tagħraf li jiena
nħobb lill-Missier u li nagħmel
kif ordnali l-Missier. Qumu!
Ejjew nitilqu minn hawn! – Ġw
14, 31). U, dwar dan, qal li hu
kien jagħraf bħala ħuh kull min
jagħmel ir-rieda ta’ Alla:
Qui fecerit voluntatem Patris
mei ipse meus frater (Għax
kull min jagħmel ir-rieda ta’
Missieri li hu fis-smewwiet, dak
huwa ħija ... – Matt 12, 50).
Il-qaddisin
kollha kellhom dejjem il-ħarsa
tagħhom mixħuta fissa lejn
ir-rieda ta’ Alla. Huma fehmu
tajjeb li huwa f’dan li tinsab
il-perfezzjoni tar-ruħ. Il-Beatu
Enrico Susone kien jgħid: “Alla
ma jridx li aħna nkunu niddu
bil-bosta, iżda li f’kollox
noqogħdu għar-rieda tiegħu”
(1.2. c. 4). U S. Tereża kienet
tgħid: “Dak kollu li jrid
jakkwista min jingħata għat-talb
hu li r-rieda tiegħu tkun ħaġa
waħda ma’ dik ta’ Alla; u għandu
jibqa’ ċert li f’dan tinsab
l-ogħla perfezzjoni. Min
jipprattika dan bl-ikbar ħeġġa,
jirċievi l-ikbar doni mingħand
Alla, u jagħmel progress ikbar
fil-ħajja interjuri”. Soru
Dumnikana, il-Beata Stefana da
Soncino, jum wieħed kellha
viżjoni tas-sema u hi rat xi
nies mejtin, li hi kienet taf
f’ħajjithom, mgħollija fost
is-Serafini u qalulha li huma
kienu ngħataw din il-glorja
daqskemm huma kienu ħaġa waħda
mar-rieda ta’ Alla f’din
id-dinja. Il-Beatu Enrico
Sussone, li għadna kif semmejna,
kien qal għalih innifsu:
“Nippreferi li nkun l-agħar dudu
ta’ l-art f’din id-dinja milli
serafin u nagħmel li rrid jien”.
Matul ħajjitna f’din id-dinja
għandna nitgħallmu mingħand
il-qaddisin tas-sema kif għandna
nħobbu lil Alla. L-imħabba pura
u perfetta li dawn il-qaddisin
tas-sema għandhom għal Alla
tikkonsisti filli huma
maqgħqudin għalkollox mar-rieda
Tiegħu. Jekk is-Serafini jifhmu
li hi r-rieda tiegħu li jgħaddu
l-eternità kollha jimpalaw
ir-ramel ta’ xatt il-baħar jew
jaqtgħu il-ħaxix ħażin
tal-ġonna, huma lesti biex dan
jagħmluh b’qalbhom kollha. Hu
dan li għallimna kif nitolbu
Ġesù Kristu, jiġifieri li
nwettqu r-rieda ta’ Alla f’din
id-dinja bħalma jagħmlu
l-qaddisin fis-sema: Fiat
voluntas tua sicut in caelo et
in terra (Ikun li trid int
fis-sema hekkda fl-art – Matt 6,
9).
Il-Mulej sejjaħ lil David raġel
skond qalbu għaliex David wettaq
dak kollu li riedu jagħmel:
Inveni virum secundum cor meum,
qui faciet omnes voluntates meas
(Sibt lil raġel skond qalbi li
jagħmel dak kollu li rrid jien –
Atti, 13, 22). David kien dejjem
lest li jgħannaq b’idejh
it-tnejn ir-rieda ta’ Alla,
bħalma ta’ spiss kien jistqarr:
Paratum cor meum. Deus,
paratum cor meum (Sħiħa
qalbi. Sħiħa qalbi, o Alla! –
Salm 57, 8; 108, 1). Lill-Mulej
ma kienx jitolbu ħlief ħaġa
waħda, li jgħallmu kif jagħmel
ir-rieda Tiegħu: Doce me
facere voluntatem tuam
(Għallimni nagħmel ir-rieda
tiegħek – Salm 143, 10). Att
wieħed li jkun marbut għalkollox
mar-rieda ta’ Alla huwa
biżżejjed biex jagħmel lil dak
li jkun qaddis. Naraw lil Sawl
li, waqt li kien qed
jippersegwita lill-Knisja, Ġesù
Kristu jdawwlu u hu jikkonverti.
X’jagħmel Sawl? Xi jgħid? Ma
jagħmel xejn ħlief li jingħata
biex iwettaq ir-rieda ta’ Alla:
Domine, quid me vis facere?
(Mulej, xi tridni nagħmel? – ara
Atti 9, 6). U hekku, l-Mulej
isejjaħlu għodda magħżula u
Appostlu tal-ġnus: Vas
electionis est mihi iste, ut
portet nomen meum coram gentibus
(Dan ir-raġel hu għodda magħżula
minni biex iwassal ismi quddiem
il-ġnus – Atti, 9,15). Tabilħaqq
hekk hu, għaliex min jagħti
r-rieda tiegħu lil Alla, jagħtih
kollox. Min jagħtih ħwejġu bħala
karità, demmu bil-flaġell,
l-ikel permezz tas-sawm, ikun
qed jagħti lil Alla xi ħaġa minn
dak li għandu. Imma min jagħtih
ir-rieda tiegħu, ikun qed
jagħtih kollox. U jkun jista’
jgħidlu: “Mulej, jiena fqajjar,
imma qed nagħtik kull ma għandi;
meta nagħtik ir-rieda tiegħi, ma
jibqagħlix iżjed x’nagħtik.” U
hu tassew dan li Alla tagħna
jistenna minn għandna: Filii
mi, praebe cor tuum mihi
(Ibni, agħtini qalbek). Ibni,
jgħid il-Mulej lil kull wieħed
minna, ibni, agħtini qalbek,
jiġifieri r-rieda tiegħek. Jgħid
Santu Wistin: Nihil gratius
Deo possumus ei offerre,quam ut
dicamus ei: Posside nos.
(M’hemm xejn li jogħġob ‘l Mulej
minn dak li noffru daqskemm meta
ngħidulu: ‘Agħmilna tiegħek’).
Le, ma nistgħux noffru lil Alla
xi ħaġa iktar għażiża milli
ngħidulu: Mulej, ħu minna kull
ma trid; aħna nagħtuk ir-rieda
tagħna kollha. Ħallina nifhmu
inti xi trid minna u aħna
nagħmluh.
Għalhekk,
jekk aħna irridu nogħġbu
għalkollox il-qalb ta’ Alla,
nagħmlu ħilitna biex f’kollox
aħna nkunu ħaġa waħda mar-rieda
ta’ Alla; u mhux biss inkunu
konformi mar-rieda divina
tiegħu, imma li nkunu ħaġa
waħda, uniformi, ma’ kull ma
Alla jitlob minna. Li tkun
konformi jfisser li aħna
ngħaqqdu r-rieda tagħna
mar-rieda ta’ Alla; l-uniformità
tfisser xi ħaġa iżjed minn hekk,
jiġifieri illi r-rieda ta’ Alla
u r-rieda tagħna nagħmluhom ħaġa
waħda, hekk aħna ma nkunu rridu
xejn għajr dak li jrid Alla, u
hija biss ir-rieda ta’ Alla li
tkun ir-rieda tagħna. Din hija
l-quċċata tal-perfezzjoni u
rridu nixxenqu għaliha; din
għandha tkun il-mira ta’ kull ma
nagħmlu, ta’ kull ma nixtiequ,
il-meditazzjoni u t-talb.
Għaldaqstant għandna nitolbu
l-għajnuna tal-qaddisin
protetturi tagħna, l-Anġli
Kustodji tagħna u, fuq kollox,
lil Ommna Marija, li hija
l-iżjed waħda perfetta fost
il-qaddisin, għaliex kienet hi
li ħaddnet dejjem bl-iżjed mod
perfett ir-rieda divina.
Ħaġa waħda f’kollox
Imma l-qofol qiegħed filli
wieħed iħaddan ir-rieda ta’ Alla
f’kull ma jiġri, fil-ġid u
fil-għaks. Fi żmien il-ġid anke
l-midinbin isibuha ħafifa biex
jintrabtu mar-rieda divina; imma
huma l-qaddisin li jibqgħu
marbutin mar-rieda divina ukoll
meta l-affarijiet ikunu
kuntrarji u jweġġgħu fil-laħam
il-ħaj. Hawn tidher
il-perfezzjoni ta’ l-imħabba
tagħna għal Alla. S. Ġwann
t’Avila kien jgħid: “Tiswa
ferm aktar barka lil Alla meta
l-affarijiet ikunu kuntrarji
milli sitt elef radd il-ħajr
meta kollox jiġi favurikom”.
Barra minn hekk, għandna nkunu
ħaġa waħda mar-rieda divina,
mhux biss meta l-affarijiet li
jkunu kontrina jibgħathom Alla,
bħalma huma l-mard,
deżolazzjoni, faqar, il-mewt ta’
qrabatna u ġrajjiet oħra ta’ din
ix-xorta; imma wkoll f’dawk li
nġarrbu minħabba l-bnedmin,
bħalma huma t-tkasbir,
il-malafama, l-inġustizzji,
is-serq u kull xorta ta’
persekuzzjoni. Hawn irridu
nifhmu li, meta xi ħadd
jimmalafamana, inaqqsilna ġieħna
jew imiss il-ġid tagħna, Alla ma
jridx li dan ix-xi ħadd jidneb,
imma b’danakollu jrid li aħna
numiljaw ruħna, niftaqru u li
nkunu mmortifikati. Hi ħaġa
ċerta, ta’ fidi, li kull ma
jiġri fid-dinja, dan iseħħ
bir-rieda ta’ Alla. Ego
Dominus formans lucem et
tenebras, faciens pacem, et
creans malum (Jien sawwart
id-dawl u ħlaqt id-dlam; jien
nagħmel ir-riżq u noħloq id-deni
– Is 45, 7). Mingħand Alla jiġi
kull riżq u kull deni, jiġifieri
dak kollu li hu kontrina u li
aħna nqisuh bħala deni meta
fil-fatt huwa ta’ ġid għalina
met’aħna neħduh minn idejh.
Si erit malum in civitate, quod
Dominus non fecerit? (Se
tiġri xi ħsara fil-belt, jekk ma
jkunx għamilha l-Mulej?) qal
il-profeta Għamos 3, 6. U qablu
qalu l-Għaref, Bona et mala,
vita et mors a Deo sunt
(It-tajjeb u l-ħażin, il-ħajja u
l-mewt ġejjin minn Alla, Koħ 12,
14).
Tabilħaqq, bħalma għidt, meta xi
ħadd joffendik bla ma jkun
ħaqqek, Alla ma jridx li dan
jidneb, lanqas ma jaqbel
mar-rieda ħażina tal-midneb;
imma Alla b’mod ġenerali
m’huwiex kontra l-azzjoni
materjali li biha dan ix-xi ħadd
jaħbat għalik, jisirqek jew
jinġurjak; huwa minnu illi Alla
jippermeti l-offiża, li lilek
iġġegħlek tbati, u din tiġi
għandek minn idejh. Għalhekk
ill-Mulej qal lil David li hu
kellu jkun l-awtur ta’
l-azzjonijiet ħżiena li Absalom
kellu jwettaq kontrih,
saħansitra jeħodlu n-nisa tiegħu
minn taħt għajnejh bħala kastig
għal dnubietu: Ecce ego
suscitabo super te malum de domo
tua, et tollam uxores tuas in
oculis tuis, et dabo proximo tuo
(Arani se naqlagħlek
l-inkwiet mill-familja tiegħek
stess; neħodlok in-nisa minn
taħt għajnejk, u nagħtihom lil
ħaddieħor, 2 Sam 12,11).
Għaldaqstant hu qal hekk ukoll
lil-Lhud, li b’kastig għal
dnubiethom hu kien ser jibgħat
lill-Assiri biex ineżżgħuhom
minn ġidhom u jagħmlu ħerba:
Assuri virga furoris mei ...
mandabo illi ut auferat spolia,
et diripiat praedam
(l-Assir, il-ħatar ta’ għadbi
... jien nordnalu li jħarbtu bla
ħniena, jaħtaflu l-priża). S.
Wistin jispjega: Impietas
eorum tamquam securis Dei facta
est (In Ps. 37). Alla nqeda
bil-ħażen ta’ l-Assiri bħala
mannara biex tikkastiga l-Lhud.
U Ġesù stess qal lil S. Pietru
li l-passjoni, u l-mewt, tiegħu
ma ġewx mill-bnedmin daqskemm
minn Missieru stess: Calicem
quem dedit mihi Pater, non vis
ut bibam illum? (Il-kalċi li
tani missieri ma tridx li nixrob
minnu?).
Meta lil Ġob il-ħabbar (li
għandna naħsbu li kien ix-xitan)
ġie jgħidlu li s-Sabini ħadulu
ġidu kollu u qatlulu ’l uliedu,
dan il-qaddis wieħeb: Dominus
dedit, Dominus abstulit
(Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli,
Ġob 1,21). Hu ma qalx, il-Mulej
tani l-ulied u l-ġid u s-Sabini
ħaduhomli għaliex fehem tajjeb
li kien Alla li ried li sseħħ
dik it-telfa u għaldaqstant żied
jgħid: Sicut Domino placuit,
ita factum est: sit nomen Domini
benedictum (Ladarba għoġob
lill-Mulej, hekk għandu jkun,
ikun imbierek isem il-Mulej, Ġob
1). Għalhekk m’għandniex inqisu
n-niket li jiġi fuqna jkun seħħ
b’kumbinazzjoni jew ħtija
tal-bnedmin; għandna nkunu
persważi li dak kollu li għadda
minn għalina kollu seħħ għax din
kienet il-volontà divina:
quidquid hic accedit contra
voluntatem nostram, noveris non
accidere nisi de voluntate Dei
(D. August. in Ps 148).
Epictetus u Atho, żewġ martri
hienja ta’ Ġesù Kristu, meta
t-Tirann bagħathom għat-tortura,
ġismihom minfud b’ganċ tal-ħadid
u mogħtija n-nar b’torċi jaqbdu
ma qalux ħaġ’oħra ħlief: Mulej,
isir minna dak li trid int. U
meta waslu fil-post fejn kellhom
jingħataw il-mewt għajjtu
b’leħen għoli: Tkun imbierek, O
Alla etern għaliex ir-rieda
tiegħek twettqet fina kollha
kemm hi.
Jirrakkonta Ċesarju (lib 10,
c.6) li kien hemm patri li
għalkemm minn barra ma kienx
jidher differenti minn patrijiet
oħra hu kien wasal fi stat hekk
ta’ qdusija illi kien biżżejjed
li wieħed imiss il-libsa tiegħu
biex ifieq. Jum wieħed
is-Superjur tiegħu, mgħaġġeb
b’dak li kien qed jagħmel,
staqsieh kif kien qed jagħmel
dawn il-mirakli meta ma kienx
qed jgħix xi ħajja iktar
eżemplari minn dik ta’ l-oħrajn.
Wieġbu li anke hu kien baqa’
mistagħġeb u ma kienx jaf
il-għala. X’devozzjoni qed
tiprattika, staqsih is-Superjur.
Ir-reliġjuż wieġeb li hu ma kien
qed jagħmel ftit li xejn ħlief
li dejjem qagħad attent ħafna li
jagħmel dak li Alla ried minnu u
li l-Mulej tah din il-grazzja li
jerħi l-volontà tiegħu kollha
kemm hi f’idejn Alla. La l-ġid
ma jimlieni u l-anqas il-għaks
ma jsewwidli qalbi, għaliex
jiena nieħu kollox minn idejn
Alla. Fit-talb tiegħi nitlob
dejjem ħaġa waħda, jiġifieri li
r-rieda tiegħu titwettaq fija
perfettament. U allura int ma
tħossokx mgħaddab għall-għedewwa
tagħna li dal-ġranet ħattew
l-imħażen tagħna, taw in-nar
lill-uċuħ tar-raba’ u ġarrew
il-bhejjem tagħna, reġa’ staqsih
is-Superjur. Le, missier, kienet
it-tweġiba, anzi jien raddejt
ħajr lil Alla – bħalma nagħmel
dejjem meta jiġri hekk – għax
naf li Alla jagħmel u
jippermetti kollox għall-glorja
tiegħu u għall-ġid tagħna; hekk
jiena ninsab dejjem kuntent,
jiġri x’jiġri. Meta s-superjur
ra f’dik ir-ruħ twajba daqshekk
rabta sħiħa mar-rieda ta’ Alla
ma baqax jistagħġeb li kien qed
jagħmel dawn il-mirakli kollha.
Il-ferħ li jiġi minn rabta
perfetta mar-rieda ta’ Alla
Min jimxi hekk mhux biss
jitqaddes imma jgawdi saħansitra
f’did-dinja paċi dejjiema.
Alfonsu l-Kbir, Re t’Aragona,
prinċep mogħni bil-għerf, jum
wieħed staqsewh min kien jaħseb
li hu l-iktar bniedem ferħan
fid-dinja u hu wieġeb: Dak li
jintelaq fil-volontà ta’ Alla u
jaċċetta kollox, il-ġid u
n-niket. Diligentibus Deum
omnia cooperantur in bonum
(Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li
jħobbuh ... f’kollox jaħdem ...
għall-ġid tagħhom, Rum 8,28).
Dawk li jħobbu lil Alla jgħixu
dejjem kuntenti għaliex
il-pjaċir tagħhom hu li jwettqu
r-rieda ta’ Alla ukoll meta
kollox jiġi kontrihom. L-istess
niket jagħmilhom kuntenti għax
huma jħossu li meta jaċċettawh
huma jkunu qed jogħġbu ’l Mulej:
Non contristabit justum
quidquid ei acciderit
(Jiġrilu x’jiġrilu l-bniedem
ġust mhux se jitnikket, Prov.
10). U, jewwilla, x’kuntentizza
akbar jista’ jkollu bniedem
milli jseħħlu kull ma jixtieq?
Hekk iħossu kuntent il-bniedem
li kull ma jixtieq hu dak li
jrid Alla, għax kull ma jiġri
(minn barra d-dnub) iseħħ skond
ir-rieda ta’ Alla.
Fil-“Ħajja tal-Patres” hemm
storja ta’ wieħed bidwi li
r-raba’ tiegħu kien jagħmel
frott iktar minnta’ l-oħrajn u
eta staqsewh il-għala dejjem
kien qed ikollu dan il-frott,
weġibhom li għalih dan ma kienx
xi sorpriża għax hu dejjem kien
ikollu t-temp li xtaq.
X’jiġifieri?, staqsewh.
Qalilhom, jien ma nixtieq ebda
temp ħlief dak li jrid Alla, u
billi jiena rrid dak li jrid
Alla allura hu jagħtini l-frott
li rrid. Jgħid Salvjanu li jekk
l-erwieħ li jirrassenjaw ruħhom
għar-rieda ta’ Alla jiġu
umiljati, huma jridu jkunu
umiljati: jekk jiftaqru, huma
jridu jkunu foqra; jiġifieri,
kull ma jiġrilhom huma jridu li
jseħħ u għaldaqstant f’din
il-ħajja huma jinsabu ferħanin:
Humiles sunt, hoc volunt;
pauperes sunt, papupertate
delectantur; itque beati dicendi
sunt. Jagħmel il-bard,
is-sħana, ix-xita, ir-riħ, ħa
jagħmel għax dan hu dak li Alla
jrid. Jiġu l-faqar,
il-persekuzzjoni, il-mard,
il-mewt, u min hu marbut
mar-rieda ta’ Alla jgħid, jien
irrid inkun fqir, ippersegwitat,
marid; irrid anke mmut, għax din
hi r-rieda ta’ Alla.
Din hija l-libertà sabiħa li
jgawdu Ulied Alla, li tiswa
iktar mis-Sinjoriji u l-Ħakmiet
tad-dinja. Din hija l-paċi
dejjiema, li jiksbu l-qaddisin,
li “tisboq kull għerf” (exuperat
omnem sensum). Tisboq
il-pjaċiri tas-sensi,
il-festini, il-pranzijiet,
l-unuri u s-sodisfazzjonijet
l-oħra tad-dinja li, ladarba
huma kollha fiergħa u qarrieqa,
ipaxxu s-sensi għal mument imma
ma jħallu ebda kuntentizza, anzi
huma jnikktu l-ispirtu, fejn
jinsab il-veru ferħ. Kien
għalhekk li Salamun, li daq
bix-xebgħa l-pjaċiri tad-dinja,
mar jgħid imġarrab: sed et
hoc vanitas, et afflictio
spiritus (dan ukoll frugħa u
ġiri wara r-riħ, Koħ 4, 6).
Jgħid l-Ispirtu Qaddis:
Stultus sicut luna mutatur,
sapiens in sapientia manet sicut
vult ..... kliem it-twajjeb
hu dejjem għaref, imma l-iblah
ibiddel bħall-qamar, Sir 27,11).
L-iblah, jiġifieri l-midneb,
ibiddel bħall-qamar, li llum
ikun mimli u għada jiċkien;
illum tarah jidħak, u għada
jibki: illum ġwejjed bħal ħaruf,
għada bil-buli bħal tigra; u
għaliex? Għaliex il-kuntentizza
tiegħu tiddependi mill-ġid jew
mill-għawġ li jiltaqa’ magħhom,
u għalhekk jinbidel bħalma
jinbidel dak kollu li jgħaddi
minn għalih. Imma l-bniedem ġust
hu bħax-xemx, qatt ma jinbidel
fis-serenità tiegħu, jiġrilu
x’jiġrilu. Il-kuntentizza tiegħu
hija li jkun ħaġa waħda
mar-rieda ta’ Alla, u għalhekk
jgħix fi sliem li xejn ma
jnikktu. Et in terra pax
hominibus bonæ voluntatis
(Paċi fl-art lin-nies ta’ rieda
tajba, Lq 2,15) qal l-Anġlu
lir-rgħajja. U min huma dawn
in-nies ta’ rieda tajba, jekk
mhux dawk li huma dejjem
marbutin mar-rieda ta’ Alla, li
hi dejjem tajba u perfetta?
Voluntas Dei bona, beneplacens,
et perfecta. Iva, għaliex
Alla ma jrid xejn ħlief dak li
hu tajjeb u l-iżjed perfett.
F’din id-dinja l-qaddisin meta
ntrabtu mar-rieda divina gawdew
sa minn qabel il-ġenna. S.
Dorotew jgħid li kienu dejjem
igawdu serenità f’qalbu għaliex
kienu jieħdu kollox minn idejn
Alla. Santa Marija Madalena dei
Pazzi meta kienet tisma’ l-kliem
“rieda ta’ Alla” tant kienet
tħoss konsolazzjoni li kienet
tintilef f’estasi ta’ mħabba. Ma
jistax jonqos li meta
l-affarijiet jiġu kontra li ma
jħallux tingiża fis-sensi, imma
dan jinħass biss fil-parti
inferjuri tar-ruħ; imma
fil-parti superjuri ta’
l-ispirtu isaltnu l-paċi u
t-trankwillità sakemm ir-riea
tibqa’ marbuta ma’ dik ta’ Alla.
Gaudium vestrum (qal
il-Feddej lill-Appostli) nemo
tollet a vobis. Gaudium vestrum
sit plenum (Il-ferħ tagħkom
ħadd ma jeħodhulkom. Il-ferħ
tagħkom ikun sħiħ, Ġw 16, 22
...). Min hu dejjem ħaġa waħda
mar-rieda ta’ Alla għandu
l-milja tal-ferħ, ferħ li ma
jintemmx; sħiħ, għax għandu kull
ma jrid, bħalma ntqal hawn fuq:
ma jintemmx, il-għaliex ferħ
bħal dan ħadd ma jista’
jeħodhulu, għax ħadd ma jista’
jilqa’ biex dak li jrid Alla ma
jseħħx.
Patri Giovan Tauler jirrakkonta
dwaru stess li, wara li talab
għal bosta snin biex il-Mulej
jibgħatlu lil xi ħadd biex
jgħallmu l-vera ħajja
spiritwali, jum wieħed sema
leħen jgħidlu: “Mur fit-tali
knisja u fil-bieb għandek issib
tallab, ħafi u bilkemm għandu
x’jilbes”. Sellem lit-tallab u
qallu: “Il-jum it-tajjeb,
ħabib”. Il-fqajjar wieġeb:
“Mgħallem, jien ma niftakar qatt
li kelli xi ġurnata ħażina”.
Il-patri wieġbu: “Alla qed
jagħtik ħajja ferħana”. Reġa’
wieġeb it-tallab: “Imma jien
qatt ma kont infeliċi”. U ssokta
jgħid: “Ismagħni, patri, jien
m’għidtx li qatt ma kelli
ġurnata ħażina biex inkun għedt
hekk, il-għaliex meta nkun
bil-ġuħ jiena nfaħħar ’l Alla;
meta jagħmel is-silġ, jew tinżel
ix-xita jiena nbierku; jekk xi
ħadd jinsultani, jkeċċini jew
jagħtini mill-agħar, jiena
dejjem nagħti glorja lil Alla.
Jien għedt li qatt ma kelli
ġurnata infeliċi, u dan huwa
minnu, dan għaliex jiena mdorri
nixtieq dak li jrid Alla ikun
x’ikun. Dak kollu li jgħaddi
minn għalija, sew jekk ħelu, sew
jekk qares, jiena nieħdu minn
idejh bil-ferħ għax dak hu
l-aħjar għalija u dan huwa
l-ferħ tiegħi”.
“U jekk xi darba l-Mulej
jikkundannak, xi tgħid?” ssokta
jgħidlu P. Tauler.
“Jekk huwa dan li jrid
il-Mulej”, wieġeb it-tallab,
“jiena bl-umiltà inħaddan
il-Mulej tiegħi, u nżomm miegħu
tant b’saħħa, li jekk ikun irid
jixħetni fl-infern, kien ikollu
jiġi miegħi, u hekk kont inkun
kuntent li nkun miegħu
fl-infern, iktar milli kieku
kien ikolli dak kollu li hemm
fil-ġenna mingħajru”.
“Fejn sibt lil Alla?”, staqsih
il-patri.
U l-ieħor wieġeb: “Sibtu fejn
ħallejt il-ħlejjaq”.
“Int min int?”.
“Jiena sultan”.
“U fejn hi s-saltna tiegħek?”.
“Qiegħda fir-ruħ tiegħi, fejn
kollox inżomm kif imiss
il-passjonijiet jobdu r-raġuni,
u r-raġuni tobdi lil Alla”.
Fl-aħħar P. Tauler staqsih:
“X’inhu li wasslek f’din
il-perfezzjoni?”.
“Bis-skiet. Jiena mal-bnedmin
inżomm is-skiet biex nitkellem
ma’ Alla. Bil-għaqda li jien
żammejt ma’ Alla hemm jiena
sibt, u għadni nsib, il-paċi
tiegħi kollha”.
Tant kienet l-għaqda mar-rieda
ta’ Alla li kellu dan il-fqajjar
li tabilħaqq fil-faqar tiegħu
kien iktar sinjur mis-salten
kollha ta’ din l-art, u
fit-tbatijiet tiegħu ferm iktar
ferħan min-nies kollha tad-dinja
paxxuti bil-pjaċiri ta’ dina
l-ħajja.
Alla jixtieq il-Ġid tagħna
O x’ġenn kbir hu dak ta’ dawk li
ma joqogħdux għar-rieda divina;
huma jridu jsofru t-tbatijiet
għaliex ħadd ma jista’ jfixkel u
ma jħallix li jitwettqu
d-digrieti divini. Voluntas
ejus quis resistet? (Min
jista’ jieqf lir-rieda tiegħu,
Rum 9,19). Min jeħodha kontra
Alla jsofri mingħajr frott; anzi
jiġbed fuqu kastigi akbar
fid-dinja l-oħra u jgħaddi minn
inkwiet akbar f’din il-ħajja.
Quis resistit ei, et pacem
habuit? (min jieqaflu u
jkollu l-paċi?, Ġob 24). Ħa
jgħajjat kemm jiflaħ dak
il-marid fil-għawġ tiegħu, ħalli
dak l-imsejken fil-miżerja
tiegħu jilmenta minn Alla,
jagħdab u jidgħi kemm irid: x’se
jiswielu ħlief li jżid
fid-dwejjaq tiegħu? Quid
quaeris homuncio quaerendo bona?
(Raġel ċkejken, x’qed tistenna
inti u tfittex li tkun ferħan? )
jgħid Santu Wistin, quare
unum bonum, in quo sunt omnia
bona (Fittex dak it-tajjeb
waħdieni li jħaddan fih
it-tajjeb kollu). X’qed tfittex,
ħabib, jekk m’intix tfittex lil
Alla? Sib lil Alla, tħaddan
miegħu, intrabat mar-rieda
tiegħu u tgħix ferħan f’din
il-ħajja u fil-ħajja l-oħra.
U fuq kollox x’inhu dak li jrid
Alla tagħna jekk mhux il-ġid
tagħna? Lil min qatt nistgħu
nsibu li jħobbna iżjed minn
Alla? Ir-rieda tiegħu m’hijiex
biss li ħadd ma jintilef imma li
lkoll insalvaw u nsiru qaddisin.
Nolens aliquos perire, sed
omnes ad poenitentiam reverti
(Ma jridx li xi ħadd jintilef,
imma li kulħadd jersaq
għall-indiema, 2 Pt 3,9).
Voluntas Dei sanctificatio
vestra (Dan irid Alla
minnkom, il-qdusija tagħkom, 1
Tess 4,3). Alla għamel il-ġid
tagħna il-glorja tiegħu, għaliex
billi hu minnu nnifsu tjubija
bla tarf, bħalma jgħid San
Iljun, Deus cujus natura
bonitas u t-tjubija tixtieq
min-natura tagħha stess
tixtered, Alla għandu xewqa
kbira biex l-erwieħ kollha
ikollhom sehem mill-ġid u l-ferħ
tiegħu. U jekk f’din il-ħajja
jibgħatilna taħbit u niket dan
hu għall-ġid tagħna. Omnia
cooperantur in bonum
(F’kollox jaħdem id f’id
għall-ġid tagħhom, Rum 8, 28).
Anke l-kastigi, bħalma tgħid
Santa Ġuditta, ma jiġux mingħand
Alla għall-qerda tagħna, imma
sabiex aħna npattu u nsalvaw:
Ad emendationem, non ad
perditionem nostram evenisse
credamus (Ejja nemmnu li
dawn il-kastigi ġraw biex aħna
nindmu u mhux biex aħna
nintilfu).
Il-Mulej biex isalvana
mit-telfien għal dejjem
iħaddanna bir-rieda tajba
tiegħu. Domino ut scuto bonae
voluntatis tuae coronasti nos
(Mulej int poġġejtilna kuruna
bħala tarka tar-rieda tajba
tiegħek). Hu mhux biss jixtieq
imma huwa ħerqan sabiex aħna
nħossuna f’saħħitna. Deus
solicitus est mei. U għaliex
tana lil Ibnu stess? Qui
proprio Filio suo non pepercit,
sed pro nobis omnibus tradidit
illum; quomodo non etiam cum
illo omnia nobis donavit?
(Hu, li anqas lil Ibnu stess ma
ħafirha, imma tah għalina lkoll,
kif ma jagħtiniex ukoll kollox
miegħu? Rum 8,32). Għalhekk
għandu jkollna din il-fidi u
nintelqu għar-rieda divina, li
hija kollha għall-ġid tagħna.
F’kull ma jiġri għandna ngħidu
dejjem: In pace in idipsum
dormiam, et reuiescam, quoniam
tu, Domine, singulariter in spe
constituisti me (Nimtedd u
norqod minnufih fis-sliem, għax
int waħdek, Mulej, fis-sod
tqegħedni, Salm 4,8).
Nerħu ruħna lkoll f’idejh
għaliex hu sgur ser jieħu
ħsiebna: Omnem sollicitudinem
vestram projicientes in eum,
quoniam ipsi cura est de vobis
(Ixħtu fuqu l-ħsibijiet kollha
tagħkom għax hu jaħseb fikom, 1
Pt 5,7). Naħsbu f’Alla, li
nagħmlu r-rieda tiegħu, li hu
ser jaħseb fina u fil-ġid
tagħna. Il-Mulej qal lil Santa
Katerina ta’ Siena “Binti, aħseb
fija, u jiena naħseb dejjem
fik”. Ngħidu ta’ sikwit
bħall-Għarusa qaddisa:
Dilectus meus mihi, et ego illi
(Jien tal-maħbub, u tiegħi
l-maħbub tiegħi, Għan 6,3).
L-Abbati San Nilo kien jgħid li
m’għandniex nitolbu lill-Mulej
biex iseħħ dak li rridu aħna,
imma li titwettaq fina r-rieda
tiegħu. U mbagħad meta jiġru
ħwejjeġ kontrina naċċettawhom
mill-idejn divini tiegħu, mhux
biss bis-sabar iżda bil-ferħ,
bħalma għamlu l-Appostli li
ibant gaudentes a conspectu
concilii, quoniam digni habiti
sunt pro nomine Jesu contumeliam
pati (huma ħarġu minn
quddiem is-Sinedriju ferħana
talli ġew meqjusa bħala nies li
jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra
minħabba l-isem ta’ Ġesù, Atti
5,41). U x’konsolazzjoni ikbar
jista’ jkollha ruħ milli,
fil-waqt li tkun qed issofri
minn xi għawġ, tkun qed tagħti
lil Alla l-iktar pjaċir li
tista’ tagħtih! Jgħidu
l-Għalliema spiritwali li
għalkemm ix-xewqa ta’ xi erwieħ
li jogħġbu lil Alla
bis-sofferenzi tagħhom Alla
jaċċettaha, iktar togħġbu
l-għaqda ta’ oħrajn mar-rieda
tiegħu, għax hekk huma la jkunu
jridu jgawdu u lanqas ibatu,
imma jirrassenjaw ruħhom
għalkollox mar-rieda tiegħu, u
x-xewqa tagħhom tkun biss li
titwettaq ir-rieda tiegħu.
Għalhekk jekk inti, ruħ devota,
trid togħġob lil Alla u tgħix
ħajja kuntenta ingħaqad dejjem u
f’kollox mar-rieda divina. Żomm
f’moħħok li d-dnubiet kollha ta’
ħajtek imħarbta ġraw għax inti
tbegħidt mit-triq tar-rieda ta’
Alla. Mil-lum ’l quddiem ħaddan
miegħek dak li jogħġob lil Alla
u f’dak kollu li jgħaddi minn
għalik għidlu: Ita Pater,
quoniam sic fuit placitum ante
te (Iva, Missier, għax kien
dan li għoġob lilek). Meta
thossok imħawwad b’xi ġrajja
kontrik, ftakar li dak ġej minn
Alla, għalhekk għid minnufih,
Hekk irid il-Mulej, u oqgħod
fil-paċi. Obmutui, et non
aperui os meum, quoniam tu
fecisiti (Niskot jien, ma
niftaħx ħalqi, għax dan hu
għemil tiegħek, Salm 39(38),10).
Mulej, la dan għamiltu int,
jiena niskot u naċċettah. Għal
dan il-għan jeħtieġ li tmexxi
l-ħsibijiet u t-talb tiegħek, li
titlob lil Alla dejjem,
fil-meditazzjoni, fit-tqarbin,
fil-visti lis-Sagrament Imqaddes
sabiex jgħinek twettaq ir-rieda
tiegħu. U int offri dejjem lilek
innifsek billi tgħid: “Alla
tiegħi, hawn jien, agħmel minni
u minn kull ma għandi dak li
trid”. Dan kien l-eżerċizzju
kontinwu ta’ Santa Tereża.
Kienet toffri lil Alla
għallinqas ħamsin darba kuljum,
sabiex jagħmel minnha dak li
jogħġbu. Kemm inti mbierek,
qarrej tiegħi, jekk inti tagħmel
dejjem hekk! Int sgur issir
qaddis. Ħajtek tkun kuntenta u
tagħmel mewta hienja. Meta
wieħed jgħaddi għall-ħajja ta’
dejjem it-tama ta’ salvazzjoni
toħroġ minn kemm inkunu qegħdin
immutu rassenjati għar-rieda ta’
Alla. Jekk inti matul ħajtek
tkun aċċettajt kull ma għadda
minn għalik bħala ġej minn għand
Alla hekk ukoll meta taċċetta
l-mewt bħala l-milja tar-rieda
divina tiegħu, inti ċertament
issalva u tagħmel mewta qaddisa.
Nintelqu għalhekk f’kollox
għar-rieda tal-Mulej, li kollu
għerf bla tarf, jixtieq li aħna
jkollna dak li hu l-aħjar
għalina, għaliex hu ta ħajtu
għall-imħabba tagħna. San
Bażilju jgħid li aħna għandna
nkunu sguri u persważi li
mingħajr l-iċken dubbju Alla
jaħdem għall-ġid tagħna, ferm
iktar milli aħna qatt
jirnexxielna u nixtiequ.
Kif għandna nagħmlu biex inkun
ħaġa waħda mar-rieda ta’ Alla
Ejjew naraw fil-prattika liema
huma dawk l-affarijiet fejn aħna
għandna nintrabtu mar-rieda ta’
Alla.
1. Ħwejjeġ naturali.
Irridu naċċettaw il-ħwejjeġ
naturali li jseħħu barra minna
bħal meta tagħmel ħafna sħana,
il-ksieħ, ix-xita, il-għaks,
il-pestilenza u ħwejjeġ bħal
dawn. Ara ma mmorrux ngħidu:
Uff, xi sħana! X’kesħa xxoqq
l-għadam! X’disgrazzja! X’xorti
ħażina! Jew kliem ieħor bħal dan
li bihom nuru li aħna stmerrija
għar-rieda ta’ Alla. Aħna
għandna nixtiequ kollox kif inhu
għaliex huwa Alla li jqassam.
San Franġisk Borgia lejl wieħed
wasal f’dar tal-Ġiżwiti waqt li
kienet nieżla l-borra u ħabbat
kemm-il darba imma, billi
l-patrijiet kienu reqdin, ma
fetħulux. Meta sebaħ
iddispjaċihom ħafna li ħallewh
jistenna fil-beraħ imma l-qaddis
qalilhom li hu kien irċieva
konsolazzjoni kbira il-ħin kollu
li dam jistenna għaliex beda
jimmaġina li kien Alla li kien
qed jixħet fuqu l-borra.
2. Ħwejjeġ personali.
Irridu nintrabtu ma’ dawk
il-ħwejjeġ li jseħħu ġewwa fina
bħal meta nbatu l-ġuħ, l-għatx,
il-faqar, desolazzjoni, diżunur.
F’kollox għandna dejjem ngħidu:
“Mulej, kun int li tibni u
tħott, jiena kuntent, irrid biss
dak li trid int”. U hekk ukoll
jgħid P.Rodriguez li għandna
nwieġbu f’dawk il-każi finti li
x-xitan idaħħlilna f’moħħna biex
iġegħelna ngħidu iva għad-dnub
jew inkella biex iħawwadna. Per
eżempju, “X’kont tgħid kieku xi
ħadd qallek hekk, jew għamillek
hekk? X’kont tagħmel?”. Għandna
nwieġbu dejjem: Ngħid u nagħmel
dak li jrid Alla. U b’hekk
ninħelsu minn kull difett jew
tfixkil.
3. M’għandniex nilmentaw jekk
ikollna xi difett naturali,
fil-ġisem jew fir-ruħ, memorja
ħażina, indumu biex nifhmu,
nuqqas ta’ ħila, xi parti minn
ġisimna difettuża, saħħa ftit li
xejn. X’mertu għandna aħna jew
x’obbligu għandu Alla biex
jagħtina moħħ iktar sublimi jew
ġisem mibni aħjar? Ma setax
jaħlaqna koroh? Iħallina
fix-xejn tagħna? Min hu dak li
jirċievi rigal u mbagħad jagħmel
il-kondizzjonijiet biex
jaċċettah? Niżżuh ħajr għalhekk
għal dak li fit-tjubija tiegħu
huwa tana u nkunu hienja
għall-mod kif għamilna.
Min jaf, kieku tana iktar
talent, iktar saħħa, wiċċ iktar
gustus konniex nintilfu? Għal
ħafna t-talent u l-għerf tagħhom
kienu okkażjoni ta’ telfien
għaliex tkabbru u bdew ikasbru
lill-oħrajn. Kemm hu faċli għal
dawk li għandhom dan il-għerf u
dawn it-talenti jaqgħu f’dan
il-periklu. U kemm oħrajn
minħabba l-isbuħija ta’ ġisimhom
jew minħabba saħħithom waqgħu
f’ħajja xellerata? U
għall-kuntrarju kemm oħrajn
minħabba li kienu fqar, jew
morda, jew magħtuba saru
qaddisin u salvaw? Li kieku
kienu sinjuri, f’saħħithom jew
sbieħ kienu jintilfu. U hekk
għandna nikkuntentaw b’dak li
Alla tana. Porro unum est
necessarium (Imma waħda hi
meħtieġa, Lq 10,42). Mhijiex
meħtieġa l-isbuħija, lanqas
is-saħħa, lanqas l-intelliġenza,
hu meħtieġ biss li aħna nsalvaw.
4. Għandna nkunu rrassenjati
fil-mard tal-ġisem. Inħaddnuh
b’qalbna kollha fil-mod u
għat-tul ta’ żmien li Alla jrid.
Għandna ninqdew bir-rimedji
tas-soltu għax il-Mulej hekk
irid imma, jekk dawn ma
jkollhomx effett, nintrabtu
mar-rieda ta’ Alla u dan
ikunilna ta’ ġid iktar milli
kieku kellna nieħdu saħħitna.
Ejjew ngħidu: Mulej, jien ma
rridx infieq, lanqas li nibqa’
marid, irrid biss dak li trid
int. Tabilħaqq hija virtù akbar
li waqt il-mard ma tgergirx
mill-uġigħ, imma jekk l-uġigħ ma
nkunux nifilħu għalih m’hemm
xejn ħażin li ngħidu lil ħbiebna
u anke nitolbu lill-Mulej biex
jeħlisna. Qed ngħid dan għal
uġigħ kbir. Għaliex ta’ sikwit
jiġri li ma’ l-iċken weġgħa jew
fastidju xi wħud ikunu jridu li
kulħadd ikun jaf u jsabbarhom
fil-mard tagħhom. Wara kollox,
Ġesù wkoll, meta kien qed joqrob
lejn il-passjoni kiefra tiegħu,
wera lid-dixxipli x’kien qed
iħoss: Tristis est anima mea
usque ad mortem (Għandi ruħi
mnikkta għall-mewt, Mt 26,38) u
talab lil Missier etern biex
jeħilsu minnha: Pater mi, si
possibile est, transeat a me
calix iste (Missier, jekk
jista’ jkun biegħed minni dan
il-kalċi, ibid 39). Imma Ġesù
stess għallimna x’għandna
nagħmlu wara talba bħal din,
jiġifieri li noqogħdu minnufih
għar-rieda ta’ Alla, meta żied
jgħid: Verumtamen, non sicut
ego volo, sed sicut tu
(Tabilħaqq, mhux kif irrid jien,
imma kif trid int).
Kemm hi ħaġa taċ-ċajt ta’ dawk
li jgħidu li jixtiequ jkunu
f’saħħithom, mhux biex ma
jbatux, iżda biex ikunu jistgħu
jaqdu aħjar lill-Mulej,
josservaw ir-Regola, jaqdu
lill-komunità, jmorru l-Knisja,
jitqarbnu, jagħmlu peitenza,
jistudjaw, jingħataw għall-ġid
ta’ l-erwieħ, iqarru u
jippriedkaw! Imma jiena
nistaqsi, ruħ tiegħi devota,
għidli, għaliex inti trid
tagħmel dawn l-affarijiet? Biex
togħġob lil Alla? Għaliex
imbagħad toqgħod tfittex li
togħġob lil Alla meta inti ċert
li Alla ma jridx dan it-talb,
it-tqarbin, penitenzi, studji
jew priedki, imma li ssofri
bis-sabar kollu dik il-marda u
dawk il-weġgħat li hu
jibgħatlek? Għalhekk għaqqad
it-tbatijiet tiegħek ma’ dawk
ta’ Ġesù Kristu.
“Imma jiddispjaċini li bil-mard
tiegħi ma niswa għal xejn, qed
inkun ta’ piż għall-komunità,
għall-kunvent”. Imma jekk inti
tkun maqgħqud u rrassenjat
għar-rieda ta’ Alla, inti
tintebaħ li s-superjuri tiegħek
ukoll huma marbutin mar-rieda
ta’ Alla u huma jagħrfu li inti
qed tkun ta’piż mhux għax trid
titgħażżen imma għax din hija
r-rieda ta’ Alla. Ah! Kemm jiġri
li dawn ix-xewqat u krib ma
jitnisslux mill-imħabba ta’ Alla
imma mill-imħabba tagħna nfusna
li nkunu qegħdin infittxu skuża
biex naħarbu mir-rieda ta’ Alla.
Irridu nogħġbu lil Alla?
Għalhekk, meta nsibuna f’qiegħ
ta’ sodda, ngħidu lill-Mulej din
il-kelma waħda biss: fiat
voluntas tua, u nirrepetuha
dejjem mittt, elf, darba. U dan
jogħġob lil Alla iktar
mid-devozzjonijiet u
l-mortifikazzjonijiet li nistgħu
nagħmlu. M’hemmx metodu aħjar
biex taqdi lil Alla milli tilqa’
bil-ferħa r-rieda tiegħu. S.
Ġwann t’Avila kiteb hekk lil
wieħed saċerdot marid: “Ħabib,
toqgħodx tqis x’kont tagħmel
kieku int kont f’saħħtek imma
aċċetta li tkun marid sakemm din
tkun ir-rieda ta’ Alla. Jekk
inti tfittex ir-rieda ta’ Alla
x’jimporta jekk inti tkunx marid
jew f’saħħtek?”. Il-qaddis sewwa
qal għaliex Alla ma huwiex
igglorifikat bl-opri tagħna imma
bir-rassenjazzjoni tagħna u li
nkunu ħaġa waħda mar-rieda
qaddisa tiegħu. Għalhekk kien
jgħid S. Franġisk de Sales illi
wieħed jaqdi iktar lil Alla
billi jsofri mill-bl-opri.
Ħafna drabi ma nsibux it-tobba u
l-mediċini li rridu, jew inkella
it-tabib ma jagħrafx x’għandna,
u f’dan il-kas irridu nintrabtu
mar-rieda ta’ Alla li tiddisponi
minn saħħitna għall-ġid tagħna.
Hemm storja dwar wieħed devot
ta’ S. Tumas ta’ Canterbury li
meta kien marid mar fuq il-qabar
tal-qaddis jitolbu biex ifieq.
Hu mar lura d-dar imfejjaq imma
mbagħad qal bejnu u bejn ruħu:
“Imma jekk kien ikun aħjar, li
jien nibqa’ marid biex insalva,
l-fejqan x’se jiswieli?”. B’dan
il-ħsieb reġa’ mar fuq il-qabar
u talab lill-qaddis biex
jistaqsi lil Alla x’kien l-aħjar
għalih biex isalva. Hu reġa’
marad u sab ruħu kuntent b’dak
li ġara għaliex emmen bis-sħiħ
li Alla hekk kien għażel
għall-ġid tiegħu.
Hemm storja oħra bħal din ta’
Surio, li wieħed agħma reġa’ ġie
jara bl-interċessjoni ta’ S.
Bedasto, isqof. Wara huwa talab
biex jekk li ġie jara ma kienx
ta’ ġid għal ruħu, jerġa’ jagħma
u, wara li talab, sar għama bħal
ma kien qabel. Għalhekk, meta
nkunu morda, l-aħjar hu li ma
noqogħdux infittxu li nkunu
morda jew li nkunu f’saħħitna,
imma li nintelqu fir-rieda ta’
Alla sabiex hu jagħmel minna dak
li jogħġbu. Imma jekk nixtiequ
nkunu f’saħħitna, għallinqas
nitolbu b’rassenjazzjoni u
bil-kondizzjoni li s-saħħa
tal-ġisem ma tagħmilx deni
lis-saħħa tar-ruħ. Inkella
t-talba tagħna tkun difettuża u
tibqa’ ma tinstemax għaliex
il-Mulej ma jismax it-talb ta’
min ma jkunx lest li joqgħod
għar-rieda tiegħu.
Iż-żmien ta’ meta wieħed ikun
marid jiena nsejjaħlu l-prova
spiritwali li tħoll u torbot.
Għaliex fil-mard joħroġ x’virtù
tassew ir-ruħ għandha. Jekk din
ma toqgħodx titħasseb jew
tokrob, ma toqgħodx tfittex imma
tobdi lit-tobba, lis-superjuri,
tibqa’ trankwilla, rassenjata
kollha kemm hi mar-rieda ta’
Alla, dan hu sinjal li hija
għandha fiha l-virtù. Imma xi
ngħidu mbagħad għal wieħed marid
li jilmenta u jgħid li ftit qed
isib għajnuna minn għand
ħaddieħor, li ma jiflaħx
għall-uġigħ li qed iħoss, li ma
jsibx rimedju li jaħjih, li
t-tabib ma jifhimx u inn xi
drabi jeħodha wkoll kontra Alla,
li qed jagħfsu żżejjed?
Jirrakkonta S. Bonaventura,
fil-ħajja ta’ S. Franġisk (kap.
14), li meta l-qaddis kien qed
isofri uġiegħ kbir, wieħed
mir-reliġjużi tiegħu, sempliċi,
qallu “Missier, itlob lil Alla
ħalli ma jgħakksekx daqshekk
għax milli jidher qed jagħfas
idu fuqek ħafna”. Meta sema’ dan
S. Franġisk għajjat għajta u
wieġbu: “Isma’ li kieku jien ma
kontx naf li dak li qed tgħid
qed tgħidu bis-sempliċità,
mingħajr ma taf x’kont qed
tgħid, ma kontx inkun irrid
narak aktar, għax int kont ardit
u qed tiġġudika lil Alla”. U
wara li qal dan, minkejja li
kien magħdur u mifni bl-uġigħ,
qabeż mis-sodda fl-art u hu u
jbus l-art qal: “Mulej, niżżik
ħajr tat-tbatija li qed
tibgħatli. Ibgħatli iżjed jekk
dan hu li trid int. Il-pjaċir
tiegħi hu li int tgħakkisni u li
ma taħfirli xejn, għaliex li
nwettaq ir-rieda tiegħek hija
l-akbar konsolazzjoni li nista’
nirċievi f’din il-ħajja”.
7. Deżolazzjoni Spiritwali.
Huwa fid-dawl tar-rieda ta’ Alla
li għandna nħarsu lejn
it-telfien, li minn xi daqqiet
insofru, ta’ persuni li huma
għalina ta’ ġid temporali kif
ukoll spiritwali. Erwieħ devoti
ta’ sikwit jonqsu bil-kbir dwar
dan għaliex ma jirrassenjawx
ruħhom mar-rieda divina.
Il-qdusija tagħna ma tiġix
mill-mexxejja spiritwali imma
mingħand Alla. Meta Alla
jibgħatilna direttur spiritwali,
huwa irid li aħna ninqdew bih
biex imexxina, imma meta hu
jeħodhulna, irid li aħna ma
nitilfux is-sabar tagħna u
nkattru l-fidi tagħna
fit-tjubija tiegħu billi
ngħidulu: “Mulej, kont int li
tajtni din l-għajnuna u issa
ħadthieli. Tkun magħmula dejjem
ir-rieda tiegħek, nitolbok issa
għallimni x’għandi nagħmel biex
inservik”.
U hekk għandna nieħdu minn idejn
Alla is-slaleb l-oħra li
jibagħtilna. “Imma”, tgħidu
intom, “dawn is-slaleb huma
kastigi”. Imma jiena nwieġeb,
“jewwilla l-kastigi li Alla
jibgħat f’din il-ħajja mhumiex
grazzji u ta’ ġid?”. Jekk aħna
offendejnieh irridu b’xi mod
inpattu għal għemilna quddiem
il-ġustizzja divina, jew f’din
il-ħajja jew fl-oħra. Għalhekk
irridu ngħidu lkoll flimkien ma’
Santu Wistin: Hic ure, hic
seca, hic non parcas, ut in
æternum parcas (Aqta’ minn
hawn, aħraq hemm u hawnhekk
toqgħodx taħfirli, aħfirli biss
fl-eternità) u ma’ Ġob: Hæc
sit mihi consolation, ut
affligens me dolore non parcas
(Mqar hekk, jibqa’ għalija xi
faraġ, u nifraħ ukoll fl-eqqel
tbatija, Ġob 6,10). Meta aħna
kien jistħoqqilna l-kastig ta’
l-infern għandna nikkonslaw li
Alla jikkastigana f’din
il-ħajja, u għandna nitħeġġu
meta nħarsu lejn dan il-mod kif
jimxi magħna u naraw li Alla
jrid jeħlisna mill-kastig ta’
dejjem. Meta Alla jibgħatilna
l-kastigi għandna ngħidu
bħas-Saċerdot Eli: Dominus
est, quod bonum est in oculis
suis, faciat (Hu l-Mulej, ħa
jagħmel dak li hu tajjeb
f’għajnejh, 2 Slaten, 3,18).
Fuq kollox irridu nkunu
rrassenjati meta nħossu dieqa
kbira (deżolazzjoni) ġewwa fina.
Jiġri li l-Mulej, meta ruħ
tingħata għal ħajja spiritwali,
jagħniha bil-faraġ sabiex
joftomha mill-ġibdiet tad-dinja;
meta mbagħad jara li qed
tissokta fil-ħajja spiritwali,
Hu jerfa’ idu minn fuqha biex
jippruvaha u jara jekk taqdiehx
mingħajr ma tistenna ebda ħlas
ta’ faraġ li jinħass. “F’din
il-ħajja (kienet tgħid Santa
Tereża) aħna m’aħniex hawn biex
ingawdu lil Alla, imma biex
nagħmlu r-rieda tiegħu”. U
tissokta: “L-imħabba ta’ Alla ma
tikkonsistix fi ħlewwa, imma li
taqdi b’fehma qawwija u
bl-umiltà”. U band’oħra: “Alla
jipprova lil dawk li jħobbuh
bin-nixfa u t-tentazzjonijiet”.
Ir-ruħ għandha għaldaqstant
tiżżi ħajr lill-Mulej meta
tħossha immellsa bil-ħlewwa imma
m’għandhiex titlef is-sabar meta
tħoss djieqa ġo fiha. Jeħtieġ li
dan il-punt jiftiehem tajjeb
għaliex xi erwieħ, li jkunu
għadhom fil-bidu tal-ħajja
spiritwali, meta jsibu ruħhom
f’nixfa jaħsbu li Alla
abbandunahom, jew li l-ħajja
spiritwali ma tgħoddx għalihom u
b’hekk jaqtgħu t-talb u jitilfu
dak kollu li jkunu għamlu.
M’hemmx żmien isbaħ biex fih
inwettqu r-rassenjazzjoni tagħna
għar-rieda ta’ Alla daqskemm
meta nħossu nixfa. Jiena m’inix
ngħid li intom m’intomx sa
tħossu djieqa meta taraw li
tinsabu mċaħħdin mill-preżenza
sensibbli ta’ Alla; lanqas
tista’ r-ruħ ma tilmentax meta
l-istess Feddej għajjat fuq
is-salib: Deus meus, ut quid
dereliquisti me? (Alla
tiegħi, għaliex tlaqtni?, Matt
27,46). Fit-tbatijiet tagħha
ir-ruħ għandha dejjem
tirrassenja ruħha għar-rieda ta’
Alla.
Il-qaddisin kollha għaddew minn
din id-desolazzjoni u abbandun
fl-ispirtu. “Kemm qed inħoss
ebusija ta’ qalb (qal S.
Bernard), ma nsib ebda gost
fil-qari, ma togħġobnix
il-meditazzjoni u lanqas
it-talb!”. Fil-parti l-kbira
il-qaddisn għaddew minn nixfa u
mhux minn konsolazzjonijiet
sensibbli. Dawn
(il-konsolazzjonijiet) il-Mulej
ma jagħtihomx, jekk mhux xi
kultant, u dan lil dawk l-erwieħ
li jkunu aktarx iktar debboli
sabiex ma jieqfux mill-mixja
tagħhom spiritwali; dak li
jferraħ u li se jingħata bħala
premju hu mhejji għalina
fis-Sema. Din l-art hija post
ta’ mertu, fejn wieħed jikseb
il-mertu permezz tat-tbatija;
is-sema hija l-post fejn wieħed
isib il-ferħ u jieħu dak li
ħaqqu. Għaldaqstant, f’din
l-art, il-qaddisin ma fittxux u
lanqas xtaqu il-fervur li jiġi
mit-tgawdija, imma l-fervur ta’
l-ispirtu li jiġi mit-tbatija.
Kien jgħid S. Ġwann t’Avila
(Audi fil. C. 26): “Kemm hu
aħjar li tkun fin-nixfa u
t-tentazzjonijiet skond ir-rieda
ta’ Alla milli tilħaq stat ta’
kon-templazzjoni mingħajrha
(r-rieda ta’ Alla)”.
Imma int se tgħid: Kieku kelli
nkun naf li din id-desolazzjoni
ġejja minn Alla kont inkun
kuntent; imma dak li jkiddni u
jinkwetani huwa l-biża’ li dan
ġej ħtija tiegħi, bħala kastig
tal-bruda tiegħi. Tajjeb, neħħi
l-bruda u oqgħod iktar attent.
Imma billi forsi tinsab fid-dlam
għandek għal daqshekk tinkwieta,
tħalli t-talb u b’hekk tkompli
tgħarraq iżjed il-qagħda
spiritwali tiegħek? Ejja ngħidu
li din in-nixfa hija kastig
għall-bruda tiegħek bħalma qed
tgħid. U dan il-kastig mhuwiex
Alla li qed jibagħthulek?
Għalhekk aċċettah bħala kastig
li jistħoqqlok u ntrabat
mar-rieda ta’ Alla. M’intix
tgħid li ħaqqek tmur l-infern?
Allura għaliex issa qed
tilmenta? Forsi hekk ħaqqek.
Forsi jistħoqqlok li Alla
jikkonslak? Ikkuntenta bil-mod
li Alla qed jimxi miegħek, ibqa’
sejjer bit-talb u t-triq li
qbadt u mil-lum ’l quddiem ara
li l-ilmenti tiegħek ma jkunux
ġejjin minn ftit umiltà u inqas
rassenjazzjoni għar-rieda ta’
Alla. Meta ruħ tmur titlob
takkwista l-iżjed profitt meta
tintelaq fir-rieda divina.
Għalhekk irrassenja ruħek u
għid; “Mulej, jiena naċċetta dan
il-kastig minn idejk u naċċettah
sakemm idum jogħġob lilek; jekk
hija r-rieda tiegħek li jien
inkun mikdud b’dan il-mod
għall-eternità jiena kuntent”. U
talba bħal din, għalkemm iebsa,
lilek se tfarrġek iktar minn
konsolazzjoni kollha ħlewwa.
Tajjeb li wieħed jiftakar, iżda,
li n-nixfa m’hijiex dejjem
tbeżbiża, imma xi drabi hija
skond ir-rieda tal-provvidenza
divina għall-ġid spiritwali
tagħna u biex iżżommna umli.
Biex San Pawl ma jiftaħarx
bid-doni li rċieva il-Mulej
ippermetta li jkun ittormentat
b’tentazzjonijiet impuri. Ne
magnitudo revelationum extollat
me, datus est mihi stimulus
carnis meæ, Angelus Sathanæ, qui
me colaphizet (U li ma mmurx
nintefaħ bija nnifsi minħabba
fil-kobor tar-rivelazzjonijiet,
tqegħditli xewka f’ġismi,
messaġġiera tax-Xitan, biex
toqgħod tniggiżni ħalli ma
nintefaħx, 2 Kor 12, 7). Li
titlob bil-ħlewwa mhijiex xi
ħaġa kbira. Est amicus socius
mensae, et non permanebit in die
necessitatis (Hemm il-ħabib
li joqgħod miegħek mal-mejda,
imma ma jiqafx miegħek dakinhar
ta’ l-għawġ, Sir 6, 10). Int ma
tqisx bħala veru ħabib dak li
joqgħod biss miegħek mal-mejda,
imma li dak li jgħinek fil-għawġ
u ma jfittex xejn għalih. Meta
Alla jibgħat dalma spiritwali u
desolazzjoni hemmhekk hu ikun
qed jipprova l-veri ħbieb
tiegħu.
Palladius (li kiteb “Il-Ħajja
tal-Patrijiet tad-Deżert) sofra
ħafna dwejjaq fit-talb u mar
ifttex lil San Makarju u dan
qallu: “Meta l-ħsieb jgħidlek
biex titlaq it-talb wieġbu:
Jiena għall-imħabba ta’ Ġesù
Kristu kuntent li noqgħod hawn
ngħasses il-ħitan ta’ din
iċ-ċella”. Din hija għalhekk
it-tweġiba meta inti tħossok
ittentat li titlaq it-talb
għaliex tħossok li tkun qed
taħli l-ħin. Għid: “Jien se
noqgħod hawn biex nogħġob lil
Alla”. San Franġisk de Sales
kien jgħid li jekk waqt it-talb
ma nagħmlu xejn ħlief li nkeċċu
d-distrazzjonijiet u
t-tentazzjonijiet allura t-talb
ikun sar tajjeb. Anzi Tauler
jgħid li lil min jippersevera
fit-talb waqt nixfa Alla jagħtih
grazzja ikbar milli kieku talab
b’ħafna devozzjoni sensibbli.
Jirrakkonta P. Rodriguez dwar
wieħed li kien jgħid li matul
erbgħin sena talb qatt ma ħass
ebda konsolazzjoni imma meta
kien jitlob kien iħossu qawwi
fil-virtù; meta mbagħad kien
iħalli l-meditazzjoni dakinhar
tant kien iħossu dgħajjef li ma
kien ikun jista’ jagħmel xejn
tajjeb. San Bonaventura u
Gersone jgħidu li dawk li ma
jħossuhomx miġburin kif xtaqu,
waqt il-meditazzjoni, iservu lil
Alla iktar milli kieku kienu
miġbura, għax hekk huma kienu
jgħixu iktar diliġenti u umli;
għall-kuntrarju, kienu forsi
jimtlew bil-vanaglorja u kienu
jkunu iktar berdin għax jaħsbu
li jkunu ġà sabu dak li kienu
qegħdin ifittxu.
Dak li għedt dwar in-nixfa
jgħodd ukoll
għat-tentazzjonijiet. Irridu
ngħassu kontra t-tentazzjonijiet
imma jekk din hija r-rieda ta’
Alla, jew jippermetti li aħna
nkunu ttentati kontra l-fidi,
kontra s-safa, m’għandniex
għalfejn ingorru imma noqogħdu
għar-rieda ta’ Alla. Lil San
Pawl, li talab biex ikun meħlus
mit-tentazzjoni kontra s-safa,
il-Mulej wieġeb: sufficit
tibi gratia mea (Għalik hi
biżżejjed il-grazzja tiegħi).
Hekk għandna nimxu meta naraw li
Alla ma jeħlisniex minn xi
tentazzjoni li trid twaqqagħna.
Ngħidu: “Mulej, ikun li trid
int, u ppermetti dak li jogħġob
lilek, għalija biżżejjed
il-grazzja tiegħek. Għinni biex
ma nitlifha qatt”. Mhux
it-tentazzjoni, imma li tgħid
iva għat-tentazzjoni, ttellifna
l-grazzja divina.
It-tentazzjonijiet, meta
niqfulhom, iżommuna iżjed umli,
bihom nakkwistaw iżjed merti,
iġegħluna nirrikorru iżjed spiss
lejn Alla u hekk ibegħduna milli
noffenduh u jgħaqqduna iżjed ma’
l-imħabba qaddisa tiegħu.
Fl-aħħarnett, irridu nintrabtu
mar-rieda ta’ Alla dwar meta u
kif għandna mmutu. Santa
Ġeltrude (1. 1. Vita c. 11) jum
wieħed telgħet fuq għolja,
żelqet u ġiet ġo wied. Sħabha
mbagħad staqsewha jekk hija
beżgħetx li setgħet tmut
mingħajr sagramenti. U l-qaddisa
wieġbet: “Jiena nixtieq ħafna li
mmut bis-sagramenti, imma nagħti
iktar kont tar-rieda ta’ Alla
għaliex inħoss li l-aħjar
disposizzjoni li jista’ jkolli
biex nagħmel mewta tajba hija li
noqgħod għal dak li Alla jrid
minni, għaliex jiena nixtieq li
jkolli mewt liema tkun basta din
tkun togħġob lill-Mulej”.
San Girgor jirrakkonta
fid-‘Dialoghi’ tiegħu (1. 3.
c.37) li l-Vandali meta
kkundannaw għall-mewt ċertu
saċerdot jismu Santolo tawh
jagħżel kif kellu jmut.
Il-qaddis ma riedx jagħżel iżda
qal: “Jiena f’idejn Alla u nieħu
l-mewt li hu jippermetti li
nsofri minn idejkom, jien dik
irrid. Dan l-att tant għoġob
lill-Mulej li, meta l-barbari
kienu lesti biex jaqtgħulu rasu,
żamm id il-bojja u meta raw dan
il-miraklu iddeċidew li jħalluh
ħaj. Għalhekk dwar kif se mmutu
għandna nqisu li l-aħjar mewt hi
dik li l-Mulej ħejja għalina.
“Salvana, Mulej, (ngħidu dejjem
meta naħsbu fil-mewt tagħna) u
mbagħad agħmel li mmutu kif
jogħġob lilek”.
Hekk ukoll irridu nkunu ħaġa
waħda mar-rieda ta’ Alla f’dak
li huwa l-mument tal-mewt
tagħna. X’inhi did-dinja jekk
mhux ħlief ħabs fejn aħna nbatu
u qegħdin l-ħin kollu
fil-periklu li nitilfu lil Alla?
Għalhekk David mar jgħajjat:
Educ de custodia animam meam
(Mill-ħabs oħroġni, Salm 142,
8). Dan il-biża’ lil Santa
Tereża kien inissel fiha xenqa
għall-mewt u meta kienet tisma’
l-arloġġ idoqq kienet tikkonsla
bil-ħsieb li għaddiet siegħa
oħra li fiha kienet fil-periklu
li titlef lil Alla.
S. Ġwann ta’ Avila kien jgħid li
kull min kien iħossu
b’disposizzjoni medjokri għandu
jixtieq il-mewt minħabba li jkun
qed jgħix fil-periklu li jitlef
il-grazzja divina. X’hemm iktar
għażiż, u iktar mixtieq, milli
b’mewta tajba nkunu sguri li
issa m’aħniex se nitilfu
l-grazzja ta’ Alla tagħna? Imma
inti tghid, jiena għadni
m’għamilt xejn, għadni ma
akkwistajt xejn għal ruħi. Imma
jekk Alla jrid li inti ttemm
ħajtek issa, x’ser tagħmel issa
jekk tkun qed tgħix kontra
r-rieda ta’ Alla? U min jaf,
jekk inti ġġarrab dik il-mewt,
li inti issa tista’ tittama li
għad tagħmel? Min jaf, jekk
tibdel il-volontà, int tista’
taqa’ fi dnubiet oħra u titlef
ruħek? U wkoll jekk ma jiġrix
hekk, jekk tgħix ma tistax tgħix
mingħajr dnubiet, għallinqas
mhumiex mejta. Cur (kien
jgħid San Bernard) cur vitam
desideramus, in qua quanto
amplius vivimus, tanto
plus peccamus? (Għaliex
nixtiequ li nibqgħu hawn meta,
iktar ma ngħixu, iktar nidinbu,
Med. c. 8). Hi ħaġa ċerta li
dnub wieħed venjali ma jogħġobx
lil Alla, iktar mill-opri tajba
li nistgħu nagħmlu.
Nissokta ngħid, min ma tantx
jixxennaq għas-sema juri li ftit
għandu mħabba lejn Alla. Min
iħobb jixtieq li jkun
mal-maħbub/a tiegħu; imma aħna
ma nistgħux naraw lil Alla, jekk
ma nħallux din l-art; u
għaldaqstant il-qaddisin kollha
kienu jixtiequ l-mewt, biex
imorru jaraw il-Mulej maħbub
tagħhom. Hekk kien jitniehed S.
Wistin: Eja, moriar, ut te
videam (Li kont immut u nara
’l wiċċek). Ukoll S. Pawl:
Desiderium habens dissolvi, et
esse cum Cristo (Nixtieq
nintemm u nkun ma’ Kristu, Fil
1, 23). Hekk ukoll David:
Quando veniam et apparebo ante
faciem Dei? (Meta niġi u
nara wiċċ Alla? Salm 42, 3). U
hekk ukoll l-erwieħ kollha
mimlija mħabba għal Alla.
Wieħed awtur jirrakkonta (Flores
Enrel. Graul. 4. c. 68) li meta
jum wieħed Kavalier mar
għall-kaċċa fil-bosk sema’ raġel
ikanta bil-ħlewwa. Mexa lejh u
sab wieħed imġiddem, kollu
msejken u sfigurat u staqsih
jekk kienx hu dak li kien qed
ikanta. U dan wieġbu: Iva,
sinjur, jien kont qed inkanta.
“U kif tista’ tkanta u tkun
kuntent b’dawn il-gwajiet kollha
li qegħdin jherrulek ħajtek?”. U
l-imġiddem wieġbu: Bejni u bejn
Alla m’hemm xejn x’jifridna
ħlief dan il-ħajt kollu tajn, li
hu ġismi; meta dan jitneħħa
min-nofs jien sejjer immur
ingawdi ’l Alla tiegħi. U meta
nara li, kull jum li jgħaddi
jien iżjed nitmermer, inħossni
ferħan u nkanta.
Fl-aħħarnett,
ukoll fil-gradi tal-grazzja u
tal-glorja jeħtieġ li aħna nkunu
ħaġa waħda mar-rieda ta’ Alla:
għandu jkollna tassew stima lejn
dawk il-ħwejjeġ li jagħtu glorja
lil Alla, imma l-iżjed ir-rieda
tiegħu. Irridu nixtiequ li nkunu
nħobbuh iżjed mis-Serafini, imma
m’għandniex nixtiequ grad ieħor
ta’ mħabba jekk mhux dak li
l-Mulej għażel li jagħtina. S.
Ġwan ta’ Avila jgħid (Audi filia
c.12): Jiena ma nemminx li kien
hemm xi Qaddis li ma xtaqx ikun
aħjar milli kien; imma dan ma
neħħilhomx il-paċi tagħhom, għax
dan ma xtaquhx minħabba r-regħba
tagħhom, imma għal Alla, u kienu
kuntenti b’dak li tahom, avolja
kien tahom inqas: kienu jqisu li
l-vera mħabba kienet li
jikkuntentaw b’dak li Alla
tahom, u mhux li jixtiequ li
jagħtihom ħafna.
Dan ifisser, bħalma jispjega P.
Rodriguez (trat. 8. c. 30) li
aħna għandna nagħmlu ħilitna
kollha biex niksbu
l-perfezzjoni, u mhijiex skuża
li nkunu bierda u nitgħażżnu
bħalma jagħmlu xi wħud meta
jgħidu: Alla għandu jgħinni,
jien ma niflaħx nagħmel iżjed.
B’danakollu meta aħna nonqsu,
aħna m’għandniex nitilfu l-paċi
u li nkunu ħaġa waħda mar-rieda
ta’ Alla, li ppermetta n-nuqqas
tagħna, u l-anqas ma għandna
naqtgħu qalbna. Ejjew inqumu
minn dik il-waqgħa, numiljaw
ruħna bl-indiema u fil-waqt li
nitolbu l-għajnuna ta’ Alla,
nibqgħu mexjin fi triqitna. Hekk
ukoll, jekk aħna nkunu nixtiequ
li naslu fis-sema flimkien
mas-Serafini u nagħtu iżjed
glorja lil Alla u nħobbuh iżjed,
aħna għandna però nintrabtu
mar-rieda qaddisa tiegħu, u
nkunu kuntenti b’dak il-grad
ta’glorja li fil-ħniena tiegħu
hu lest li jagħtina.
Ikun difett seju li wieħed
jixtieq li jkolli doni ta’ talb
sopranaturali, u biex inklunu
preċiżi, estasi, viżjonijiet u
rivelazzjonijiet; anzi,
il-maestri spiritwali jgħidulna
li dawk l-erwieħ li Alla
jiffavorihom bi grazzji bħal
dawn, għandhom jitolbuh biex
jeħodhomlhom sabiex huma jkunu
jistgħu iħobbuh b’fidi safja, li
hija l-iktar triq sgura. Ħafna
huma dawk li waslu
għall-perfezzjoni mingħajr dawn
il-grazzji sopranaturali,
l-uniċi virtujiet huma dawk li
jgħollu l-qalb lejn il-qdusija u
l-iktar li jkunu ħaġa waħda
mar-rieda ta’ Alla. U jekk Alla
ma jridx jgħollina għall-grad
sublimi tal-perfezzjoni, u ta’
glorja, għandna noqogħdu
għalkollox mar-rieda qaddisa
tiegħu, fil-waqt li nitolbuh li
għallinqas isalvana bil-ħniena
tiegħu. U fil-waqt li nagħmlu
hekk, il-premju, li l-Mulej
twajjeb fit-tjieba tiegħu lest
li jagħtina, ma jkunx żgħir,
għaliex hu iħobb fuq kollox
l-erwieħ rrassenjati.
8. Konklużjoni
Fl-aħħarnett aħna għandna nħarsu
lejn il-ħwejjeġ kollha li
jgħaddu minn għalina u li għad
ngħaddu minnhom bħala ġejjin
mill-id ta’ Alla. U kull ma
nagħmlu għandna nagħmluh b’dan
il-għan ewlieni, li nagħmlu
r-rieda ta’ Alla, u li nagħmluha
bissa għax Alla jridha. U biex
nimxu iktar fis-sgur għandna
noqogħdu kif imexxuna
s-superjuri tagħna f’dawk li
huma affarijiet esterni, u
tad-diretturi tagħna f’dawk li
huma interni, biex nifhmu minn
għandhom x’inhu dak li Alla
jistenna minna u jkollna fiduċja
kbira fil-kliem ta’ Ġesù Kristu,
li qalilna, Qui vos audit, me
audit (Min jisma’ lilkom,
ikun jisma’ lili, Lq. 10. 16).
U fuq kollox nistennew li naqdu
lil Alla f’dik it-triq li fiha
Alla jrid li naqduh. Ngħid dan
sabiex ma nitqarrqux bħal dak li
joqgħod jaħli l-ħin jgħid: Jekk
immur ngħix fid-deżert, jekk
nidħol f’monasteru, jekk immur
xi mkien barra minn din id-dar,
mbiegħed minn qrabati u sħabi,
jien insir qaddis, nagħmel dawk
il-penitenzi, nitlob ħafna.
Jgħid: nagħmel hekk, nagħmel
hekk, iżda fil-waqt isofri
kontra qalbu s-salib li Alla
jibgħatlu, ma jsirx qaddis, anzi
jmur mill-ħażin għall-agħar.
Dawn ix-xewqat bosta drabi jkunu
tentazjonijiet tax-xitan,
għaliex ma jkunux skond ir-rieda
ta’ Alla u għalhekk għandhom
jitkeċċew u mħeġġu ruħna biex
naqdu lill-Mulej fit-triq li hu
għażel għalina. Meta aħna
nagħmlu r-rieda tiegħu aħna
ċertament nsiru qaddisin f’kull
stat fejn Alla jqegħedna.
Għalhekk għandna nixtiequ dejjem
dak biss li Alla jrid, u meta
nagħmlu hekk, hu jħaddanna ma’
qalbu u għal dan il-għan tajjeb
li nkunu familjari ma’ xi
siltiet mill-Iskrittura li
jistednuna biex ningħaqdu dejjem
iżjed mar-rieda ta’ Alla.
Domine, quid me vis
facere? Alla tiegħi, għidli,
xi trid minni, ħalli jiena
nixtieq inwettqu? Tuus sum
ego, salvum me fac
(Tiegħek jien, salvani int!,
Salm 119, 94). Jiena m’inix
iżjed tiegħi innifsi; jiena
tiegħek, Mulej tiegħi, agħmel
minni dak li trid.
Meta tgħaddi minn għalina xi
ġrajja li ttaqqalna, bħalma hi
l-mewt ta’ xi ħadd jiġi minna,
nitilfu ġidna, u ġrajjiet bħal
dawn: Ita Pater (ngħidu
dejjem), ita Pater,
quoniam sic fuit placitum ante
te (Iva, Missier, għax lilek
hekk għoġbok, Mt 11, 26). Fuq
kollox għandha tkun għażiża
għalina t-talba li għallimna
Ġesù Kristu: Fiat voluntas
tua, sicut in caelo, et in terra.
Il-Mulej kien qal lil S.
Caterina da Genova biex, kull
meta kienet tgħid il Pater
Noster, tieqaf fuq dawn
il-kelmiet u titolbu li r-rieda
tiegħu titwettaq fiha bl-istess
perfezzjoni li jwettquha
l-qaddisin fis-sema. Ħalli
nagħmlu hekk aħna wkoll u sgur
insiru qaddisin.
Tkun dejjem maħbuba u mfaħħra
r-rieda divina u l-Beata Verġni
Marija Immakolata!
Miġjub għall-Malti minn Louis
Spiteri.
|