Siltiet Patristiċi għall-Ewwel Ġimgħa tal-Għid

Magħżula u maqluba għall-Malti minn Dun Jonathan Farrugia

 

1.     Girgor ta’ Nissa, Għall-Għid qaddis

Illum Kristu qam mill-mewt, Kristu Alla, Kristu li ma jbatix aktar, Kristu li ma jmut qatt, dak li ma batiex għax hekk kien jixraq, dak li ma kienx imġiegħel jinżel mis-smewwiet, lanqas dak li għadda mill-qawmien bħallikieku kien premju għola milli kien jittama... imma dak li jaf kollox u li minnu kollox sar.  Bl-għajnejn tad-divnità kien ra – sa minn qabel ma niżel mis-sema – il-ġnus iqumu, l-ebusija ta’ ras il-poplu ta’ Iżrael, lil Pilatu bilqiegħeda quddiemu, lil Kajfa jċarrat ħwejġu, lill-folla tgħajjat b’rabja, lil Ġuda jittradih, lil Pietru jissielet għalih u, ftit wara, lilu nnifsu trasfigurat fil-glorja tal-inkorruttibilità permezz tal-qawmien; Hu kellu l-ġejjieni kollu minqux fl-għerf tiegħu, imma ma ttardjax il-ħniena tiegħu mal-bnedmin u lanqas ma bidel il-mod kif din kellha titwettaq. 

Hu, iżda, bħal wieħed li jara raġel dgħajjef qiegħed jinġarr mill-kurrent, waqt li jaf li hu wkoll jista’ jinqabad fit-tajn tax-xmara u jbati d-daqqiet tal-ġebel li qed jinġarru mill-ilma, imma għax iħoss għal dak li qiegħed fil-periklu ma joqgħodx lura milli jaqbeż fl-ilma, daqstant ieħor għamel is-Salavtur ħanin tagħna: laqa’ t-tgħajjir u l-umiljazzjonijiet biex isalva lil min kien qiegħed jintilef għax ġie mqarraq.  Niżel jgħix il-ħajja tal-bnedmin għax kien jaf minn qabel li għad jerġa’ jitla’ għall-ħajja tad-divinità; ħalla l-parti umana tiegħu tmut, għax kien jaf ukoll li għad terġa’ tqum.  Ma ntefax fil-periklu bla ma ħaseb minn qabel – bħalma jagħmel raġel komuni li jittama fil-ġejjien għal riżultat pożittiv – Hu, bħala Alla kien jaf minn qabel dak li se jseħħ u mexa lejn konklużjoni li kien ġa jaf.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej, ejjew nifirħu u nithennew fih (Salm 117, 24), mhux bil-għana u t-tbaħrid, lanqas biż-żfin jew bis-daħk sakran, imma bi ħsibijiet divini.  Illum id-dinja kollha nistgħu narawha bħallikieku nġabret f’dar waħda għall-armonija ta’ għanja waħda, waqt li titwarrab kull qadja ta’ kuljum sabiex kulħadd jingħaqad bil-ħeġġa fit-talb.

 

2.     Girgor ta’ Nissa, Għall-Għid qaddis

Ejjew nieklu u nixorbu, għax għada mmutu (1 Kor 15,32). B’dan il-kliem l-appostlu juri kemm jistmerr il-jum tal-ħajja temporanja ta’ issa u kemm jixxennaq għall-jum tal-ħajja li għad trid tiġi. Hu jqis l-affarjiet li jidhru bħala knis meta jgħid Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin (1 Kor 15,19).  Għaliex grazzi għal dan il-jum tal-lum il-bnedmin saru kollha werrieta ta’ Alla u ko-eredi ma’ Kristu. Għaliex grazzi għal dan il-jum dik il-parti mill-ġisem li t-tjur kielu eluf ta’ snin ilu mhux se tinsab nieqsa, u dak li belgħu l-klieb tal-baħar u tal-art għad iqum mill-ġdid mal-bniedem li jerġa’ jieħu l-ħajja, u dak li n-nar qered u li d-dud kiel fl-oqbra, fi ftit kliem l-iġsma kollha li l-qerda temmet mill-bidu tal-ħolqien, għad jerġgħu jingħataw, mingħajr ebda difett, mill-art; u kif Pawlu jgħallem: f’tebqa’ ta’ għajn il-qawmien mill-imwiet iseħħ. 

Jekk taħseb ftit fuqha bil-moħħ ta’ bniedem, minjaf kemm taħseb li din se tieħu fit-tul: biex l-ewwel l-għadam imgerrem u mfarrak u mxerred jerġa’ jissaħħaħ, jieħu forma u jingħaqad flimkien biex terġa’ tinħoloq xbiha perfetta skont l-ordni tan-natura; imbagħad timmaġina l-laħam jerġa’ jifforma madwarhom, u jiġġebbdu l-muskoli u jikbru l-kanali ċkejknin tal-vini u l-arterji li jinsabu taħt il-ġilda, waqt li ġemgħa bla għadd ta’ erwieħ jitħarrku mill-post sigriet fejn jinsabu, u kull waħda tagħraf il-ġisem tagħha bla ebda żball u terġa’ tidħol fih biex ittih il-ħajja.  Aħseb ftit fl-erwieħ kollha li għexu minn Adam s’issa u l-iġsma kollha li ġew minnu u qabbluhom ma’ numru ta’ djar imġarrfa li sidienhom jiġu lura wara żmien ta’ eżilju, u kollox malajr jerġa’ jieħu postu.  Id-dar tinbena mill-ġdid minnufih, u sidha ma joqgħodx idur jipprova jagħraf liema hija d-dar tiegħu, imma jsibha mill-ewwel għalkemm ikun hemm ħafna li jixbħuha, l-istess kif ħamiema ssib il-bejta tagħha.  Kif iseħħ dan li l-memorja terġa’ tiġi f’persuna li nqerdet tant sekli ilu?  Bħal meta persuna li tqum minn raqda twila għall-ewwel ma tiftakarx min hi u fejn tinsab, iżda mbagħad il-qawmien iħassar in-ngħas u jsaħħaħ il-memorja, hekk jiġri meta persuna tqum lura mill-imwiet.

 

3.     Girgor ta’ Nissa, Dwar it-tlett ijiem li Kristu dam fil-qabar

Jekk hemm xi barka tal-patrijarki li għandha bħala garazija l-Ispirtu qaddis, jekk hemm xi ġid li jista’ joħroġ mil-liġi spiritwali għal dawk li jobduha, jekk nemmnu li hemm xi xbiha minn qabel tal-verità fir-rakkonti tal-istorja mqaddsa, jekk hemm xi leħen profetiku li jħabbar affarijiet ‘il fuq min-natura, din il-grazzja li qed ngħixu llum hija dawn kollha. U hekk kif quddiem għajnejna f’dan il-lejl qaddis id-dawl qiegħed jgħammixna, għalkemm huwa magħmul mill-fjammi ta’ ħafna xemgħat, l-istess il-barka sħiħa ta’ Kristu, li tiddi bħal torċa, tipproduċi għalina dan id-dawl kbir magħmul minn numru bla għadd ta’ raġġi ħerġin mill-iskrittura.  Għaliex minn kull eżempju divin li nsibu fiha nistgħu noħorġu tagħlima għal dan iż-żmien qaddis li ninsbu fih.

Tixtieq il-barka ta’ Abraham? Tista’ tirċievi dak li qed tfittex jekk tħares lejn dak li hawn madwarek.  Qed tarhom il-kwiekeb tas-sema? – Qed nirreferi għal dawn il-kwiekeb li għadhom kemm telgħu fuqna permezz tal-Ispirtu (l-imgħammdin il-ġodda) u bidlu l-knisja f’ġenna; il-ġmiel jgħammex ta’ rwieħhom huwa mfisser bir-raġġi tat-torċi.  Jekk xi ħadd jistqarr li dawn huma verament ulied Abraham li twieldulu skont il-wegħeda, liema wlied huma mqabbla mal-kwiekeb tas-sema, kliemu ma jkunx imbiegħed wisq mill-verità.

Tiskanta lejn il-qaddis Mosè, li bil-qawwa tal-għerf fehem il-ħolqien kollu ta’ Alla?  Ara, quddiemek qed tara s-Sibt tal-ewwel bidu tad-dinja qiegħed jitbierek; tgħallem minn dak l-ewwel Sibt li dan is-Sibt tal-lum huwa l-jum tal-mistriħ li Alla bierek aktar mill-ġranet l-oħra kollha.  Għaliex illum dak Alla li waħdu kien imnissel verament straħ mill-ħidma tiegħu, billi żamm is-Sibt fil-ġisem permezz tal-mistrieħ tal-mewt, u billi reġa’ sar dak li tassew kien permezz tal-qawmien, u miegħu qajjem mill-ġdid dak kollu li kien mixħut fl-art, sar il-ħajja u l-qawmien u t-tbexbix u s-sebħ u l-jum għal dawk kollha li kienu fid-dlam u d-dell tal-mewt.

 

4.     Girgor ta’ Nissa, Dwar it-tlett ijiem li Kristu dam fil-qabar

Min jista’ jfisser bil-kliem it-tagħlim miġbur fis-salib, li bih titwettaq il-passjoni?  Ma kienx hemm, bla dubju, eluf ta’ modi li jwasslu għall-mewt, li permezz tagħhom kien ikun possibbli biex jitwettaq il-pjan divin tas-salvazzjoni tagħna permezz tal-mewt?  Madanakollu, minn dawn kollha, dan kien il-mezz magħżul minn Dak li kellu l-awtorità jġib il-passjoni fuqu nnifsu.  Għax Bin il-bniedem jgħid jeħtieġ (Lq 9,22); ma jgħidx Bin il-bniedem għad ibati dan u dan, kif wieħed jgħid li kieku qiegħed iħabbar il-ġejjieni; imma dak li hu jistqarr bi kliemu jista’ jitqies bħala dak li kellu bilfors iseħħ permezz ta’ xi prinċipju li aħna ma nistgħux nifhmu.  Kliemu hu: Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum (Lq 9,22). Innutaw, nitlobkom, it-tifsira tal-kelma jeħtieġ, għaliex din turi li l-passjoni ma setgħetx issir mod ieħor jekk mhux permezz tas-salib.  Xi jfisser dan?  Huwa dmir il-kbir Pawlu li jispjegalna l-misteru ta’ dal-kliem minn dak li sema meta kien qiegħed jiġi muri s-sigrieti tal-ġenna; hu jersaq lejn dan il-misteru fi kliemu lill-Efesin meta qal: B'hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, xinhu l-wisa' u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta' Kristu; tagħrfu kemm din l-imħabba ta' Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta' Alla (Efes 3, 18-19). 

Ma kienx għalxejn li bil-għajnejn spiritwali tiegħu l-appostlu ra l-forma tas-salib, u kliemu jurina li minn għajnejh hu kien warrab kull forma ta’ injuranza, u ħares lejn il-verità ta’ kollox.  Hu ra li din il-forma, jekk tinqasam f’erba’ biċċiet mill-parti ċentrali, tfisser il-qawwa u l-providenza li tiksi kollox ta’ dak li kien imdendel magħha.  Għalhekk huwa jsejjaħ lil kull biċċa b’isem speċifiku: il-fond min-nofs ‘l isfel, il-għoli l-biċċa ta’ fuq, il-wisa’ min-nofs lejn naħa u t-tul min-nofs għan-naħa l-oħra.  Jidhirli li b’dan qiegħed juri b’mod ċar li ma jeżisti xejn li mhux immexxi għal kollox mid-Divin, dak kollu li hu ‘il fuq mis-smewwiet, li hu taħt l-art, kif ukoll dak kollu li jiġġebbed sat-turf tal-eżistenza f’kull direzzjoni. Hija l-qawwa li tmexxi l-univers li żżomm marbuta flimkien dawn kollha.

 

5.     Girgor ta’ Nissa, Għall-Għid qaddis u li jsalva

Il-mistrieħ veru tas-Sibt, dak li rċieva l-barka ta’ Alla, dak is-Sibt li fih Alla straħ minn xogħolu billi żamm is-Sibt għas-salvazzjoni tad-dinja fl-inattività tal-mewt, issa laħaq il-milja tiegħu, u wera l-grazzja tiegħu lill-għajnejn u l-widnejn tal-qalb, grazzi għal dawk l-aspetti kollha tal-festa li ċċelebrajna flimkien, u bihom rajna, bihom smajna, u bihom ilqajna l-veru ferħ tal-qalb.  Id-dawl li għajnejna raw inxtegħel għalina tul il-lejl permezz tas-sħaba tan-nar mix-xemgħat tagħna.  Il-kliem li tawwal tul il-lejl kollu f’widnejna permezz tas-salmi u l-innijiet spiritwali, bħal għarar ta’ ferħ li xxerred f’ruħna minn widnejna, imliena b’tamiet tajbin.  Il-qalb ta’ kull wieħed, waqt li twasslet lejn dak li ma jidhirx permezz ta’ ħwejjeġ li jidhru, iddiet aktar bil-qawwi meta rat il-barka li ma titfissirx ta’ kullma rajna u smajna; u hekk il-benefiċċji ta’ din il-ġurnata ta’ mistrieħ, li nistgħu nserrħu fuqhom għax jimlewna bil-ħeġġa għal dak li hemm lest għalina, isiru xbihat ta’ dawk il-benefiċċji l-oħra li għajn qatt ma rat, widna qatt ma semgħet jew li qatt tnisslu f’qalb il-bniedem.

Ladarba dan il-lejl imdawwal, meta għaqqad ir-raġġi ħerġin mix-xemgħat mal-ewwel ħjiel ta’ dawl tax-xemx tiegħla ħoloq ġurnata twila li ma nqasmitx mid-dlam tal-lejl, ejjew naħsbu ftit flimkien, ħuti, fuq il-profezija li tgħid: Dan huwa l-jum li għamel il-Mulej (Salm 117,24). Fih m’hemmx xogħol iebes jew għejja, imma ferħ u hena u sliem, kif il-Kelma tgħid: ejjew nifirħu u nithennew fih (Salm 117,24).  Xi ġmiel ta’ ordnijiet! X’liġi ħelwa! Min se jiskarta milli jobdi ordnijiet bħal dawn? Min mhux kapaċi jagħraf li hawn hija telfa d-diżubbidjenza? Il-ferħ huwa x-xogħol u l-hena hija l-istruzzjoni, u permezz ta’ dawn il-kundanna għad-dnub titneħħa u n-niket jinbidel f’ferħ.  Dan ifisser kliem il-għerf: Fi żmien il-ġid jintesa l-għawġ (Sir 11,25). Dan il-jum ġab miegħu it-tnessija tas-sentenza li kien hemm kontrina, jew aħjar, ġab it-tħassir tagħha; dan il-jum ħassar kull ħjiel tal-kundanna tagħna.

X’jonoqsna nagħmlu ħlief li nixbħu lill-għoljiet u lill-muntanji li jsemmi l-profeta u bħalhom naqbżu bil-ferħ? Ejjew, għalhekk, nifirħu fil-Mulej li qered il-qawwa ta’ dak li hu kontrina u għolla għalina t-trofew tas-salib fuq il-katavru tal-għadu.

 

6.     Bażilju ta’ Selewċja, Diskors għall-Għid

L-imħabba ta’ Kristu għalina l-bnedmin ma tistax titfisser! Kemm għana l-Knisja tiegħu b’tant doni!  Dak li huwa kbir f’għerfu u qawwi f’għemilu ħelisna mis-saħta tal-liġi, ħeles in-natura tagħna minn dak id-dejn antik li kellha.  Fuq is-salib hu ħareġ rebbieħ fuq dak li kien qarraq b’Adam permezz tas-siġra.  Ħassar in-niggieża tal-mewt li kulħadd jibża’ minnha.  Dawk kollha li xjaħu permezz tad-dnub ġew imġedda permezz tal-ilma flok permezz tan-nar.  Hu bidel il-qabar li laqgħu għal tlett ijiem f’bieb li jagħti l-qawmien mill-mewt.  Dawk kollha li kienu barranin għall-poplu ta’ Iżrael għamilhom konċittadini tal-qaddisin u qraba ta’ Alla.   Lil dawk li kienu barranin għall-patt tal-wegħda tahom id-doni mis-sema.  Lil dawk li ma kellhomx tama tahom bħala don l-Ispirtu bħala garanzija ta’ salvazzjoni. Dawk kollha li kienu mingħajr Alla f’din id-dinja għamilhom tempji tat-Trinità. Dawk kollha li kienu mbegħda – mhux ħabba d-distanza daqs kemm ħabba l-istil ta’ ħajja, mhux f’sens ta’ spazju daqs kemm fil-ħsieb, mhux ħabba r-reġjun daqs kemm ħabba r-reliġjon – ġabhom fil-qrib grazzi għas-salib li jsalva, u għannaq lil dawk kollha li kienu jirreżistuh.  Kif jgħid il-profeta: Min qatt sema ħwejjeġ bħal dawn, u min ra xi ħaġa tixbaħhom? (Iż 66,8).  L-anġli kollha jiskantaw quddiem dan il-misteru.  Il-qawwiet kollha tas-sema jirtogħdu quddiem din il-meravilja.  It-tron ma baqax vojt, u d-dinja kisbet is-salvazzjoni.  Ma tbiegħedx mis-smewwiet imma ta l-ħelsien lid-dinja.  Ma ħalliex imneżża’ ħdan il-Missier imma neżża’ l-art tal-imwiet. Baqa’ ma jinbidilx, waqt li libes lil dawk kollha li minnu ġew imdawwla.

 

7.     Bażilju ta’ Selewċja, Diskors għall-Għid

Ara għalhekk, int li għadek kemm ġejt imdawwal, ta’ liema misteri sirt werriet.  Mill-esperjenza issa tgħallimt xi jfissru.  Ġejt mifdi; tħallix li terġa’ ssir ħabsi.  Għamilt iċ-ċaħdiet tiegħek; terġax iddur lejn Satana li jqarraq u jħajjar.  Issa għamilt patt, mela ara li taqla’ sewwa l-interessi tiegħu. Ingħatalek talent; qis li ġġagħlu jħalli l-qligħ.  Issa doqt il-ġmiel taż-żwieġ ma’ Kristu; issirx adulteru permezz tad-dagħa.  Ingħatalek il-ħelsien; tonqosx mir-rispett lill-Ħellies billi tqisu bħala lsir.  Ilbist il-libsa bajda li tiddi; iddi fil-kuxjenza tiegħek.  Warrabt il-modi tan-natura; issa tnikkitx l-Ispirtu.  Fil-fatt, waqt li ħabbar il-misteru tal-magħmudija u l-grazzja bla qjies tal-Imsallab, il-profeta ilu żmien jgħajjat: Hu ħniena jrid (Mik 7,18).  Min, o profeta?  Kristu, li għall-ħniena sar bniedem.  Hu, li twieled mingħajr ma fetaħ il-bibien verġinali, għad idur lejna u jkollu ħniena minna.  Billi dar lejk Hu warrbek mill-qerq.  Kellu ħniena minnek, għaliex fuq is-salib ħareġ rebbieħ fuq id-dnub ta’ kulħadd, għarraq in-nuqqasijiet tagħna, għaliex l-ilmijiet mistiċi tal-magħmudija iħassru dnubietna fil-profondità tal-baħar.  Aħseb fil-fonti tal-magħmudija u ħabbar il-grazzja: il-magħmudija hija fil-fatt il-għadd sħiħ ta’ kullma hu tajjeb: purifiikazzoni tad-dinja, tiġdid tan-natura, fidwa li tinkiseb f’qasir żmien, mediċina li tista’ tinbela’ bla diffikultà, xi ħaġa umda li taħraq id-dnubiet, sponża li tnaddaf il-kuxjenza, libsa li ma teqdiemx biż-żmien, ġuf li jagħti l-ħajja mingħajr ġibda, qabar li jagħti l-ħajja lil min jindifen fih, abbiss li jifga d-dnubiet, element li huwa l-qabar tax-xitan, siġill li huwa tarka għal min jirċevih, avukat qawwi quddiem l-imħallef, għajn li titfi l-ġeħenna, grazzja li tagħti aċċess għall-ikla tal-Mulej, misteru antik u ġdid li ġa kien imħabbar minn Mosè taħt id-dell tal-misteru.  Lilu, Kristu Alla tagħna, glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.