It-Tlieta 5 ta’ April 2016
L-Insara għandhom jgħixu
bejniethom fl-armonija mhux
“fil-kwiet”
Mhux possibbli nħalltu l-armonija
li ssaltan f’komunità
Nisranija, li hi frott
tal-Ispirtu s-Santu mal-“kwiet”
innegozjat, li spiss jaħbi
fih b’mod ipokritu,
kuntrasti u firdiet, afferma
l-Papa Franġisku waqt l-omelija
fil-kappella tad-Dar Santa
Marta dalgħodu.
Qalb waħda, ruħ waħda, ħadd
fqir, ġid imqassam skont
il-ħtieġa. Hemm kelma waħda
li tiġbor fha s-sentimenti u
l-istil tal-ħajja tal-ewwel
komunità Nisranija skont
ir-ritratt li nsibu fl-Atti
tal-Appostli: armonija.
Kelma li rridu nifhmuha,
afferma Franġisku, għax din
mhix xi konkordat ta’ kafkaf
imma rigal mis-sema lil min,
kif kienu jħossuhom l-Insara
tal-ewwel żminijiet, twieled
mill-ġdid mill-Ispirtu.
Aħna nistgħu nagħmlu ftehim
u niksbu ċerta paċi…. Imma
l-armonija hi grazzja
interjuri li jista’ jtiha
biss l-Ispirtu s-Santu. U
dawn il-komunitajiet kienu
jgħixu f’armonija. Is-sinjali
tal-armonija huma tnejn,
żied jgħid il-Papa: ħadd mhu
fil-bżonn, jiġifieri kollox
kien jinqasam bejn kulħadd.
F’liema sens? Kienu qalb
waħda, ruħ waħda u ħadd ma
kien jidhrilu li l-propjetà
li kellu kienet tiegħu waħdu,
kienu jaqsmu kollox
bejniethom. Fil-fatt ħadd
minnhom ma kien fil-bżonn.
Il-veru “armonija”
tal-Ispirtu s-Santu għandha
relazzjoni qawwija ħafna
mal-flus: il-flus huma l-għadu
tal-armonija, il-flus huma
egoisti. Għalhekk is-sinjal
li nisiltu huwa li kulħadd
kien jagħti dak li hu tiegħu
biex ħadd ma jibqa’
fil-bżonn.
Il-Papa spjega dan l-aspett
bl-eżempju sabiħ ta’ Barnaba
li nsibu fl-Atti
tal-Appostli, meta dan biegħ
l-għalqa u li daħħal minnha
tah lill-Appostli.
Imma, kompla jgħid Franġisku,
il-vrus ta’ wara dan, li
mhumiex parti mill-qari
tal-lum, jitkellmu dwar
episodju li hu l-maqlub ta’
dak tal-ewwel. Hu dak ta’
Ananija U Safria, li jagħmlu
tabirruħhom li jagħtu kull
ma kienu qalgħu mill-bejgħ
tal-għalqa, imma fil-fatt
żammew parti mid-dħul
għalihom, għażla li kellha
tmiem qares ħafna: il-mewt.
Alla u l-flus huma żewġ
sidien li qatt ma nistgħu
naqduhom it-tnejn flimkien,
żied jgħid il-Papa, li
spjega ċar ekwivoku li jista’
jitnissel mill-kunċett
tal-“armonija”. L-armonija
ma nistgħux inħalltuha mal-“kwiet
u l-kalma”.
Komunità tista’ tkun kalma
ħafna… kollox jidher miexi
sew, imma ma tkun tgħix
f’armonija. Darba, qal
Franġisku, smajt isqof jgħid
li fid-djoċesi tiegħu kien
hemm il-kalma, imma kif
tinqala problema magħha
kienet iġġib gwerra. Din
tkun armonija negozjata, din
mhix l-armonija tal-Ispirtu
s-Santu, hija armonija
ipokrita bħal dik ta’
Ananija u Safira.
Franġisku stedinna nerġgħu
naqraw l-Atti tal-Appostli
biex naraw x’kienet l-armonija
fil-ħajja tal-ewwel Insara.
Jagħmlilna tajjeb biex
nifhmu kif għandna nkunu
xhieda ta’ din in-novità fl-ambjenti
kollha li ngħejxu fihom.
L-armonija tal-Ispirtu s-Santu
ttina l-ġenerożità biex xejn
ma jkun tagħna dment li hemm
min hu fil-bżonn. Imma l-armonija
tal-Ispirtu s-Santu tnissel
fina atteġġjament ieħor:
il-kuraġġ.
Meta fil-Knisja,
fil-komunità, ikun hemm l-armonija,
temm l-omelija l-Papa
Franġisku, ikun hemm
il-kuraġġ, il-kuraġġ li
nkunu xhieda ta’ Kristu
Rxoxt.