1.

L-Erbgħa 5 ta’ Marzu 2014 • L-Erbgħa tar-Rmied

Iltaqa’ ma’ Ġesù

 

Nistieden lil kull Nisrani, huma liema huma l-post u l-qagħda li fihom jinsab, biex iġedded il-lum stess il-laqgħa personali tiegħu ma’ Ġesù Kristu jew, ta’ l-inqas, biex jieħu deċiżjoni li jħalli lilU jiltaqa’ miegħu, li jfittxu kuljum bla heda.  M’hemmx raġuni waħda għaliex wieħed għandu jaħseb li din l-istedina m’hix għalih, għax “ħadd m’hu eskluż mill-ferħ li jġib il-Mulej”.  Min lest li jirriskja, il-Mulej ma jiddeludihx, u meta xi ħadd jagħmel pass imqar ċkejken lejn Ġesù, hu jiskopri li Hu diġà kien qed jistenna l-wasla tiegħu b’dirgħajh miftuħa. (par. 3)


 

2.

Il-Ħamis 6 ta’ Marzu 2014

Taqtax qalbek mill-ħniena

 

Għal darb’oħra ninsisti: Alla ma jegħja qatt jaħfer; huwa aħna li negħjew nitolbuh iħenn għalina.  Dak li stedinna biex naħfru “sa sebgħa u sebgħin darba” (Mt 18:22), jagħtina hu l-eżempju: Hu jaħfer għal sebgħa u sebgħin darba.  Jerġa’ lura biex jerfagħna fuq spallejh darba wara l-oħra.  Ħadd ma jista’ jneħħilna d-dinjità li tlibbisna din l-imħabba bla tmiem u li ma tiddgħajjifx.  Hu jippermettilna li ngħollu rasna ’l fuq u nibdew mill-ġdid, bi ħlewwa li ma tqarraq qatt bina u li dejjem tista’ tagħtina mill-ġdid il-ferħ.  (par. 3)


 

3.

Il-Ġimgħa 7 ta’ Marzu 2014

Ifraħ, anki meta tinsab fit-tbatija

 

Hemm Insara li donnhom għandhom stil ta’ Randan mingħajr Għid.  Safrattant nifhem li l-ferħ mhux kulħadd jgħixu bl-istess mod fl-istadji u ċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja, kultant iebsin sew.  Jadatta ruħu u jinbidel, u dejjem jibqa’ ta’ l-inqas bħala xaqq ta’ dawl li ġej miċ-ċertezza personali li, lil hemm minn kollox, hu maħbub bi mħabba bla qies.  Nifhimhom dawk il-persuni li iktar ixaqilbu lejn id-dwejjaq minħabba fid-diffikultajiet kbar li jkollhom iġarrbu, imma naqra naqra hemm bżonn inħallu jitqanqal fina l-ferħ tal-fidi, bħal fiduċja moħbija imma sħiħa, anki qalb l-eħrex diqa (aqra Lam 3:17,21-23,26). (par. 6)


 

4.

Is-Sibt 8 ta’ Marzu 2014

Ħalli lil Alla jmexxik

 

Huwa biss grazzi għal din il-laqgħa – jew laqgħa mill-ġdid – ma’ din l-imħabba ta’ Alla, li tinbidel fi ħbiberija hienja, li aħna ninħelsu mill-kuxjenza iżolata tagħna u mill-awtoreferenzjalità.  Naslu biex insiru għal kollox umani meta nkunu iżjed minn umani, meta nħallu lil Alla joħroġna barra minna nfusna biex naslu għall-essri l-iżjed veru tagħna.  Hemm hi l-għajn ta’ l-azzjoni evanġelizzatriċi.  Għax, jekk wieħed laqa’ din l-imħabba li tista’ tagħtih mill-ġdid is-sens ta’ ħajtu, kif jista’ jrażżan fih ix-xewqa li jgħaddiha lill-oħrajn? (par. 8)


 

5.

Il-Ħadd 9 ta’ Marzu 2014 • L-1 Ħadd tar-Randan

Fittex il-ġid ta’ ħuk

 

Min jixtieq jgħix b’dinjità u b’mod sħiħ, m’għandux għażla oħra ħlief li jagħraf lill-persuna l-oħra u jfittex il-ġid tagħha.  Mela m’għandniex għax nistagħġbu b’ebda waħda minn dawn l-espressjonijiet ta’ San Pawl: “L-imħabba ta’ Kristu ssuqna” (2 Kor 5:14); “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9:16). Il-proposta hi li ngħixu fuq livell ogħla, imma mhux b’inqas intensità: Il-ħajja nsaħħuha meta nagħtuha lill-oħrajn u ndgħajfuha meta niżolawha u ngħażżnuha fil-kumdità.  Fil-fatt, dawk li l-iżjed jisfruttaw il-possibbiltajiet li tagħtihom il-ħajja huma dawk li jħallu x-xatt żgur u jingħataw b’ruħhom u ġisimhom għall-missjoni li jwasslu l-ħajja lill-oħrajn. (par. 9-10)

 

 

6.

It-Tnejn 10 ta’ Marzu 2014

Neħħi l-wiċċ ta’ funeral

 

Min jevanġelizza m’għandux ikollu l-ħin kollu wiċċ ta’ funeral.  Ejjew nirkupraw jew nikbru fil-ħeġġa, dak il-hena ħelu, li jagħti l-qawwa ta’ l-evanġelizzatur, anki meta jkollna niżirgħu fid-dmugħ […]  Jalla dan ikun il-ferħ kbir ta’ ħajjitna kkonsagrata.  U jalla d-dinja ta’ żminijietna, li qiegħda tfittex, kultant bi qsim il-qalb, kultant bit-tama, jirnexxielha tirċievi l-Aħbar it-Tajba mhux minn għand evanġelizzaturi bla ħeġġa, qalbhom maqtugħa, bla sabar u anzjużi, iżda minn għand ministri tal-Vanġelu ta’ ħajja mkebbsa bil-ħeġġa, li rċevew il-ferħ ta’ Kristu. (par. 10)


 

7.

It-Tlieta 11 ta’ Marzu 2014

Ħalli lil Kristu jġeddek

 

Bin-novità tiegħu, hu [Ġesù] jista’ dejjem iġeddilna ħajjitna u l-komunità tagħna, u anki jekk ikollha taqsam epoki mudlama u dgħufijiet ekkleżjali, il-proposta Nisranija ma tixjieħ qatt.  Ġesù Kristu jista’ anki jfarrak l-iskemi medjokri li fihom nippretendu li għandna nagħlquh u l-ħin kollu jissorprendina bil-kreattività divina tiegħu.  Kull darba li nfittxu li nerġgħu lura għall-għajn biex insibu mill-ġdid il-freskezza oriġinali tal-Vanġelu, jitfaċċaw toroq u metodi kreattivi ġodda […]  Fir-realtà, kull azzjoni awtentika ta’ evanġelizzazzjoni hi dejjem “ġdida”. (par. 11)


 

8.

L-Erbgħa 12 ta’ Marzu 2014

Xandru ma’ kulħadd

 

Nosservaw li l-evanġelizzazzjoni hi essenzjalment marbuta mat-tħabbir tal-Vanġelu lil dawk li ma jafux lil Ġesù Kristu jew li dejjem ċaħduh.  Ħafna minnhom ifittxu lil Alla bil-moħbi, imqanqla min-nostalġija għal wiċċu, anki f’pajjiżi ta’ tradizzjoni Kristjana antika.  Kulħadd għandu d-dritt li jirċievi l-Vanġelu.  L-Insara huma fid-dmir li jħabbruh mingħajr ma jħallu lil ħadd barra, mhux bħal xi ħadd li qed jimponi obbligu ġdid, imma bħal min irid jaqsam ma’ ħaddieħor bil-ferħ, jurih xefaq sabiħ, joffrilu ikla mixtieqa.  Il-Knisja mhux bil-proselitiżmu tikber, imma “bl-attrazzjoni”. (par. 14)


 

9.

Il-Ħamis 13 ta’ Marzu 2014

Oħroġ u wassal l-Evanġelju

 

Fil-Kelma ta’ Alla kontinwament naraw dan id-dinamiżmu ta’ “ħruġ” li Alla jixtieq iqajjem f’min jemmen […] Lil Ġeremija qallu: “Inti tmur kull fejn nibagħtek” (Ġer 1:7).  Il-lum, f’din il-“morru” ta’ Ġesù, nilmħu preżenti x-xenarji u l-isfidi dejjem ġodda tal-missjoni tal-Knisja li tevanġelizza, u lkoll aħna msejħa għal dan il-“ħruġ” missjunarju ġdid.  Kull Nisrani u kull komunità trid tiddixxerni dwar liema hi l-mixja li l-Mulej qed jitlob, imma kollha aħna msejħin biex nilqgħu din is-sejħa: noħorġu mill-kumditajiet tagħna u jkollna l-kuraġġ li nilħqu l-periferiji kollha li għandhom bżonn tad-dawl tal-Vanġelu. (par. 20)


 

10.

Il-Ġimgħa 14 ta’ Marzu 2014

Ħeġġeġ l-għaqda mas-Salib

 

Hu x’inhu, it-tagħlim tal-Knisja qatt m’hu ħa jirnexxielna nġibuh jinftiehem faċilment u apprezzat minn kulħadd bla problema ta’ xejn.  Il-fidi dejjem iġġorr magħha aspett tas-salib, xi dell li ma jneħħi xejn mill-qawwa ta’ l-aċċettazzjoni tagħha.  Hemm ħwejjeġ li nistgħu nifhmuhom u napprezzawhom biss jekk nitilqu minn din l-aċċettazzjoni li hi oħt l-imħabba, lil hemm miċ-ċarezza li biha nistgħu nifhmu r-raġunar u l-argumenti. (par. 42)


 

11.

Is-Sibt 15 ta’ Marzu 2014

Iftaħ beraħ il-bibien

 

Il-Knisja “li toħroġ” hi Knisja bil-bibien tagħha miftuħa.  Li toħroġ lejn l-oħrajn biex tilħaq il-periferiji umani ma jfissirx tiġri lejn id-dinja bla direzzjoni jew bla sens ta’ xejn.  Spiss ikun aħjar jekk timxi iktar bil-mod, twarrab l-ansjetà, biex tista’ tħares f’għajnejn il-bniedem u tisimgħu, jew tħalli warajha dak li jidher urġenti biex tista’ takkumpanja lil min baqa’ fil-ġenb tat-triq.  Spiss hi bħall-missier ta’ l-iben il-ħali, li jżomm il-bibien tiegħu miftuħa biex meta dan jiġi lura, ikun jista’ jidħol bla xkiel ta’ xejn. (par. 46)


 

12.

Il-Ħadd 16 ta’ Marzu 2014 • It-2 Ħadd tar-Randan

Tibżax li tiżbalja, ibża’ li tingħalaq

 

Jekk hemm xi ħaġa li bir-raġun kollu għandha tinkwetana u tħassibna fil-kuxjenza tagħna hi li tant minn ħutna qed jgħixu mingħajr il-qawwa, id-dawl u l-faraġ tal-ħbiberija ma’ Ġesù Kristu, mingħajr komunità ta’ fidi li tilqagħhom għandha, mingħajr ebda xefaq ta’ sens u ta’ ħajja.  Iktar milli l-biża’ li niżbaljaw, nittama li dak li jħarrikna jkun il-biża’ li ningħalqu fl-istrutturi li jagħtuna protezzjoni falza, fin-normi li jibdluna fi mħallfin bla ħniena, fid-drawwiet li fihom inħossuna trankwilli, waqt li hemm barra hemm folla kbira mġewħa u Ġesù li qed itennilna bla heda: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mk 6:37). (par. 49)


 

13.

It-Tnejn 17 ta’ Marzu 2014

Warrab l-għoġol tad-deheb

 

Il-kriżi finanzjarja li għaddejjin minnha qed tnessina li fl-għeruq tagħha hemm kriżi antropoloġika profonda: iċ-ċaħda tal-primat tal-bniedem!  Ħloqna idoli ġodda.  Il-qima ta’ l-għoġol antik tad-deheb (ara Eż 32:1-35) issa sabet verżjoni ġdida u bla ħniena fl-idolatrija tal-flus u fid-dittatura ta’ ekonomija bla wiċċ u bla skop tassew uman.  Il-kriżi dinjija li qed taffettwa l-finanzi u l-ekonomija qed tikxef l-istess nuqqas ta’ bilanċ li hemm fihom u, fuq kollox, in-nuqqas gravi ta’ orjentament antropoloġiku li lill-bniedem jirriduċih għal wieħed biss mill-bżonnijiet li għandu: il-konsum. (par. 55)


 

14.

It-Tlieta 18 ta’ Marzu 2014

Iddefendi l-familja

 

Il-familja għaddejja minn kriżi kulturali qawwija, bħall-komunitajiet u r-rabtiet soċjali kollha l-oħra.  Fil-każ tal-familja, id-dgħufija tar-rabtiet issir partikularment gravi għax hawn għandna ċellula fundamentali tas-soċjetà, l-imkien fejn nitgħallmu ngħixu bid-differenzi ta’ bejnietna u nkunu ta’ xulxin u fejn il-ġenituri jgħaddu l-fidi lill-ulied.  It-tendenza saret li nħarsu lejn iż-żwieġ bħala sempliċi forma ta’ gratifikazzjoni affettiva li jista’ jinbena bi kwalunkwe mod u jitbiddel skond kif iħossha dak li jkun.  Imma l-kontribut indispensabbli taż-żwieġ lis-soċjetà hu ’l fuq mil-livell emottiv u mill-ħtiġijiet li jinbidlu tal-koppja.  (par. 66)


 

15.

L-Erbgħa 19 ta’ Marzu 2014 • San Ġużepp, l-Għarus tal-Verġni Marija

Ifraħ bl-eżempju sabiħ ta’ bosta Nsara

 

Inħoss li għandi nuri gratitudni kbira lejn l-impenn ta’ dawk kollha li jaħdmu fi ħdan il-Knisja […] L-uġigħ ta’ qalb u l-mistħija tagħna għad-dnubiet ta’ xi membri tal-Knisja, u għal dnubietna stess, m’għandhomx inessuna kemm Insara jagħtu ħajjithom għall-imħabba […] Irrodd ħajr lil Alla għall-eżempju sabiħ li jagħtuni tant Insara li joffru ħajjithom u ħinhom bil-ferħ.  Din ix-xhieda hi ta’ ġid kbir għalija u tweżinni fix-xewqa personali tiegħi li nirbaħ l-egoiżmu tiegħi biex nista’ ningħata iżjed. (par. 76)


 

16.

Il-Ħamis 20 ta’ Marzu 2014

Egħleb il-mistħija

 

Xi drabi fil-kultura medjatika u f’xi ambjenti intellettwali nilmħu sfiduċja partikulari fil-konfront tal-messaġġ tal-Knisja, u ċerta delużjoni.  Minħabba f’hekk, bosta operaturi pastorali, minkejja t-talb, irawmu fihom ċertu kumpless ta’ inferjorità, li twassalhom biex jirrelativizzaw jew jaħbu l-identità Nisranija u l-konvinzjonijiet tagħhom.  Hekk jinħoloq ċirku vizzjuż, għax imbagħad ma jkunux ferħana b’dak li huma u b’dak li jagħmlu, ma jħossuhomx jistgħu jidentifikaw ruħhom mal-missjoni ta’ l-evanġelizzazzjoni, u dan idgħajjef l-impenn tagħhom.  (par. 79)


 

17.

Il-Ġimgħa 21 ta’ Marzu 2014

Qum u titgħażżinx

 

Meta l-aktar li neħtieġu dinamiżmu missjunarju li jġib melħ u dawl lid-dinja, ħafna lajċi qed jibżgħu li xi ħadd jistedinhom biex iwettqu xi ħidma appostolika, u qed ifittxu li jaħarbu minn kull impenn li jista’ jeħdilhom mill-ħin liberu tagħhom.  Il-lum, ngħidu aħna, sar diffiċli ħafna nsibu katekisti mħejjija tajjeb għall-parroċċi u li jipperseveraw fil-ħidma tagħhom għal għadd ta’ snin.  Imma xi ħaġa tixxiebah qed tiġri fis-saċerdoti, li saru ossessjonati bil-ħin personali tagħhom […] Xi wħud jirreżistu milli jduqu sa l-aħħar il-gost tal-missjoni u jibqgħu mxaħxħa f’għażż li jipparalizzahom. (par. 81)


 

18.

Is-Sibt 22 ta’ Marzu 2014

Tordomx id-don tal-fidi

 

[L-akbar theddida għall-Knisja hi li] tiżviluppa ruħha l-psikoloġija tal-qabar, li bil-mod il-mod tibdel lill-Insara f’mummji ta’ ġo mużew.  Qalbhom maqtugħa mir-realtà ta’ madwarhom, mill-Knisja u minnhom infushom, jgħixu t-tentazzjoni kontinwa li jintrabtu ma’ “niket ħelu”, bla tama, li jirbħilhom qalbhom donnu “l-aktar xarba prezzjuża tax-xitan”.  Dawk li kienu msejħa biex ixerrdu d-dawl u jwasslu l-ħajja, fl-aħħar jispiċċaw jinġibdu lejn ħwejjeġ li jġibu biss dlam u għeja interjuri, u li jdagħjfu d-dinamiżmu appostoliku.  Għalhekk ħalluni ninsisti: ma nħallux lil min jisirqilna l-ferħ ta l-evanġelizzazzjoni! (par. 83)


 

19.

Il-Ħadd 23 ta’ Marzu 2014 • It-3 Ħadd tar-Randan

Kun ottimista

 

Waħda mill-iżjed tentazzjonijiet serji li jifgaw il-ħeġġa u l-kuraġġ huwa meta nħossuna mirbuħin, sens li jibdilna f’persuni pessimisti b’wiċċhom imkemmex li dejjem imdejqin u delużi.  Ħadd ma jista’ jidħol għal battalja jekk sa minn qabel ma jittamax għal kollox fi trijonf.  Min jitlaq mingħajr fiduċja, diġà tilef minn qabel nofs il-battalja u jkun qed jidfen it-talenti tiegħu.  Anki jekk bl-għarfien tad-dgħufijiet tagħna li jnikktuna, jeħtieġ nibqgħu mexjin ’il quddiem mingħajr ma nagħtu ruħna b’mirbuħa, u niftakru dak li qal il-Mulej lil San Pawl: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” (2 Kor 12:9).  (par. 85)


 

20.

It-Tnejn 24 ta’ Marzu 2014

Ersaq lejn ħuk u afdah

 

L-ideal Nisrani dejjem jistedinna nirbħu kull suspett, nuqqas permanenti ta’ fiduċja, il-biża’ li xi ħadd jinvadilna l-privatezza, l-atteġġjamenti difensivi li d-dinja tal-lum timponi fuqna. [] Il-Vanġelu jistedinna dejjem biex nidħlu għar-riskju tal-laqgħa mal-wiċċ ta’ l-ieħor, mal-preżenza fiżika tiegħu li tisfidana, mal-weġgħat tiegħu u mat-karbiet tiegħu, mal-ferħ tiegħu li jittieħed fil-kuntatt fiżiku kostanti ma’ xulxin.  Il-fidi awtentika fl-Iben ta’ Alla magħmul laħam ma nistgħux nifirduha mid-don tagħna nfusna, mill-appartenenza għall-komunità, mis-servizz, mir-rikonċiljazzjoni mal-ġisem ta’ l-oħrajn.  L-Iben ta’ Alla, fl-inkarnazzjoni tiegħu, stedinna għar-rivoluzzjoni tal-ħlewwa. (par. 88)


 

21.

It-Tlieta 25 ta’ Marzu 2014 • It-Tħabbira tal-Mulej

Tgħallem mill-Verġni Marija

 

Il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li twettaq il-Knisja għandha stil Marjan.  Għax kull darba li nħarsu lejn Marija, inkunu qed nemmnu mill-ġdid fil-qawwa rivoluzzjonarja tal-ħlewwa u ta’ l-imħabba.  Fiha naraw kif l-umiltà u l-ħlewwa m’humiex virtujiet ta’ min hu dgħajjef imma ta’ min hu qawwi, li m’għandux bżonn jittratta ħażin lill-oħrajn biex hu jħossu importanti.  […] Nitolbuha biex bit-talb tagħha ta’ omm tgħinna biex il-Knisja ssir dar għal ħafna, omm għall-ġnus kollha, u tagħmel possibbli t-twelid ta’ dinja ġdida. (par. 288)


 

22.

L-Erbgħa 26 ta’ Marzu 2014

Taħrabx u tinħebiex

 

Sfida importanti hi dik li nuru li s-soluzzjoni qatt m’hi qiegħda f’li naħarbu minn relazzjoni personali u impenjattiva ma’ Alla, li fl-istess ħinn timpenjana ma’ l-oħrajn. […] Hemm bżonn ngħinuhom jagħrfu li t-triq waħdanija hi dik li nitgħallmu niltaqgħu ma’ l-oħrajn bl-atteġġjament it-tajjeb, napprezzawhom u nilqgħuhom bħala sħabna fit-triq, bla ma nqiegħdu ebda reżistenza minn ġewwa.  Aktar minn hekk, hi li nitgħallmu niskopru lil Ġesù fil-wiċċ ta l-oħrajn, fil-vuċi tagħhom, fil-karbiet tagħhom.  U nitgħallmu wkoll inbatu f’tgħanniqa ma’ Ġesù mislub meta nġarrbu attakki jew ingratitudni inġusta, bla ma negħjew qatt nagħmlu l-għażla tal-fraternità. (par. 91)


 

23.

Il-Ħamis 27 ta’ Marzu 2014

Għożż il-komunità

 

Hemm qiegħed il-fejqan veru, mill-mument li fih il-mod ta’ kif nirrelataw ma’ xulxin, li tassew iqawwina flok iġagħilna nimirdu, ikun fraternità mistika, kontemplattiva, li taf tħares lejn il-kobor qaddis tal-proxxmu, li taf tiskopri lil Alla f’kull bniedem, li taf tissaporti t-tiġrib tal-ħajja komuni billi tintrabat ma’ l-imħabba ta’ Alla, li taf titftaħ qalbha għall-imħabba divina biex tfittex l-hena ta’ l-oħrajn kif ifittixha l-Missier twajjeb tagħhom.  Propju f’din l-epoka tagħna, u anki hemm fejn tinsab “merħla ċkejkna” (Lq 12:32), id-dixxipli tal-Mulej huma msejħa jgħixu bħala komunità li tkun melħ ta’ l-art u dawl tad-dinja (ara Mt 5:13-16).  Huma msejħa jagħtu xhieda li huma jappartienu għall-evanġelizzazzjoni b’mod dejjem ġdid. Ma nħallux lil min jisirqilna l-komunità! (par. 92)


 

24.

Il-Ġimgħa 28 ta’ Marzu 2014

Kun umli bla ftaħir żejjed

 

Kemm drabi noħolmu bi pjanijiet appostoliċi ta’ espansjoni, metikolużi u mirquma tajjeb, tipiċi ta’ ġenerali mirbuħa!  Hekk inkunu niċħdu l-istorja tagħna ta’ Knisja, li hi glorjuża daqskemm hi storja ta’ sagrifiċċji, ta’ tama, ta’ ġlieda ta’ kuljum, ta’ ħajja kkunsmata fis-servizz, ta’ perseveranza fil-ħidma iebsa, għax kull ħidma hi “għaraq ta’ ġbinna”.  Minflok, kollna vanitużi nintilfu nparlaw fuq “dak li għandu jsir” – id-dnub ta’ “dak li messu jsir” – bħal għalliema spiritwali u esperti tal-pastorali li jagħtu l-istruzzjonijiet imma jibqgħu barra minnha.  Nintilfu f’immaġinazzjoni bla ebda limiti u nitilfu l-kuntatt mar-realtà ta’ tbatija li qed jgħix il-poplu fidil. (par. 96)


 

25.

Is-Sibt 29 ta’ Marzu 2014

Biegħed il-mondanità spiritwali

 

Min waqa’ f’din il-mondanità, iħares mill-għoli u mill-bogħod, jirrifjuta l-profezija ta’ l-aħwa, jieħu biċ-ċajt lil min jistaqsih, jikxef il-ħin kollu l-iżbalji ta’ l-oħrajn u hu ossessjonat b’dak li jidher minn barra.  Dejjaq qalbu għax-xefaq magħluq ta’ l-immanenza u l-interessi tiegħu u, b’konsegwenza ta’ hekk, ma jitgħallimx mid-dnubiet tiegħu stess u lanqas hu awtentikament miftuħ għall-maħfra.  Hi korruzzjoni tremenda li minn barra tidher xi ħaġa tajba.  Din jeħtieġ nevitawha, u nqiegħdu lill-Knisja f’moviment ta’ ħruġ minnha nfisha, ta’ missjoni li l-qalba tagħha hi Ġesù Kristu, ta’ impenn lejn il-foqra.  Alla jeħlisna minn Knisja tad-dinja li tinħeba taħt qoxra spiritwali jew pastorali!  (par. 97)


 

26.

Il-Ħadd 30 ta’ Marzu 2014 • Ir-4 Ħadd tar-Randan

Ħobb dejjem

 

Lill-Insara tal-komunitajiet kollha tad-dinja nixtieq nitlobhom b’mod speċjali xhieda ta’ komunjoni fraterna li ssir dawl li jiġbed lejh.  Hekk kulħadd ikun jista’ jammira l-mod kif tieħdu ħsieb ta’ xulxin, kif tqawwu qalb xulxin u kif issieħbu lil xulxin: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35).  Dan hu li talab bil-ħrara Ġesù lill-Missier: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda… fina… biex hekk id-dinja temmen” (Ġw 17:21).  Noqogħdu attenti mit-tentazzjoni ta’ l-għira!  Qegħdin kollha fuq l-istess dgħajsa u sejrin lejn l-istess port!  Nitolbu l-grazzja li nifirħu bil-frott ta’ xulxin, li hu l-frott ta’ kulħadd. (par. 99)


 

27.

It-Tnejn 31 ta’ Marzu 2014

Kun Nisrani bil-fatti

 

Għal dawk li jħossuhom miġruħa minn firdiet antiki jidher diffiċli jaċċettaw li aħna qed nitolbuhom ifittxu l-maħfra u r-rikonċiljazzjoni, għax jaħsbu li qed ninjoraw l-uġigħ tagħhom jew nippretendu li nnessuhom il-memorja jew l-ideali tagħhom.  Imma jekk huma jħarsu lejn ix-xhieda ta’ komunitajiet awtentikament fraterni u rikonċiljati, din dejjem hi dawl li jiġbed lejh.  Għalhekk inweġġa’ ħafna meta nara kif f’xi komunitajiet Insara, u saħanistra bejn persuni kkonsagrati, jitħalla wisa’ għal bosta xejriet ta’ mibegħda, firda, kalunja, malafama, vendetta, għira, xewqa li nimponu l-idea tagħna, hu x’inhu l-prezz, u sa persekuzzjonijiet li qishom ġuri bla ħniena.  Lil min irridu nevanġelizzaw b’din l-imġiba? (par. 100)


 

28.

It-Tlieta 1 ta’ April 2014

Tgħallem il-liġi ta’ l-imħabba

 

Nitolbu lill-Mulej ifehimna l-liġi ta’ l-imħabba.  Kemm hi ħaġa tajba jkollna din il-liġi!  Kemm hu ta’ ġid għalina li nħobbu lil xulxin, minkejja kollox!  Iva, minkejja kollox!  It-twissija ta’ Pawlu tgħodd għal kull wieħed u waħda minna: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21).  U mill-ġdid: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid” (Gal 6:9).  Kollha għandna s-simpatiji u l-antipatiji tagħna, u forsi propju bħalissa aħna rrabbjati ma’ xi ħadd.  Ta l-inqas ngħidu lill-Mulej: “Mulej, jien irrabbjat għal dan, għal din.  Nitolbok għalih u għaliha”.  Li nitolbu għall-persuna li magħha kellna xi ngħidu hu pass sabiħ lejn l-imħabba, u hu att ta’ evanġelizzazzjoni.  Nagħmluh il-lum!  Ma nħallux lil min jisirqilna l-idea ta l-imħabba fraterna!  (par. 101)


 

29.

L-Erbgħa 2 ta’ April 2014

Aħdem għall-vokazzjonijiet

 

F’bosta postijiet huma skarsi l-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja kkonsagrata.  Spiss dan nafuh lil nuqqas ta’ żelu appostoliku fil-komunitajiet li mbagħad jittieħed, fejn għalhekk ma jinħolqux la entużjażmu u anqas attrazzjoni.  Fejn hemm il-ħajja, il-ħeġġa, ir-rieda li Kristu jasal għand l-oħrajn, jitqanqlu vokazzjonijiet ġenwini.  Sa anki f’dawk il-parroċċi fejn is-saċerdoti ma tantx huma impenjati u ferħana, hi l-ħajja fraterna u kollha ħeġġa tal-komunità li tqanqal ix-xewqa għall-konsagrazzjoni sħiħa lil Alla u għall-evanġelizzazzjoni, fuq kollox jekk komunità ħajja bħal din titlob b’intensità għall-vokazzjonijiet u jkollha l-kuraġġ li tipproponi liż-żgħażagħ tagħha mixja ta’ konsagrazzjoni speċjali.  (par. 107)


 

30.

Il-Ħamis 3 ta’ April 2014

Kun parti mill-Knisja li tħenn

 

Li nkunu Knisja jfisser inkunu Poplu ta’ Alla, fid-dawl tal-pjan kbir ta’ mħabba li għandu l-Missier.  Dan jimplika li nkunu l-ħmira ta’ Alla qalb il-bnedmin.  Ifisser inħabbru u nwasslu s-salvazzjoni ta’ Alla f’din id-dinja tagħna, li spiss hi mitlufa, li għandha bżonn tweġibiet li jagħmlulha l-qalb, li jimlewha bit-tama, li jagħtuha ħeġġa ġdida fil-mixja tagħha.  Il-Knisja trid tkun il-post tal-ħniena li tingħata b’xejn, fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skond il-ħajja tajba tal-Vanġelu. (par. 114)


 

31.

Il-Ġimgħa 4 ta’ April 2014

Wieġeb għas-sejħa

 

Kull Nisrani hu missjunarju skond kemm kienet kbira l-laqgħa tiegħu ma’ l-imħabba ta’ Alla fi Kristu Ġesù; ma ngħidux iżjed li aħna “dixxipli” u “missjunarji”, imma li aħna dejjem “dixxipli-missjunarji”.  Jekk m’aħniex konvinti, inħarsu lejn l-ewwel dixxipli, li dritt wara li għarfu l-ħarsa ta’ Ġesù, marru jxandruh kollhom ferħ: “Sibna l-Messija” (Ġw 1:41).  Il-mara Samaritana bilkemm kienet għadha temmet id-djalogu tagħna ma’ Ġesù, li ma saritx missjunarja, u bosta Samaritani emmnu f’Ġesù “fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara” (Ġw 4:39).  Anki San Pawl, wara l-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù Kristu, “malajr beda jxandar lil Ġesù u jgħid li dan hu l-Iben ta’ Alla” (Atti 9:20).  U aħna x’qed nistennew?  (par. 120)


 

32.

Is-Sibt 5 ta’ April 2014

Iġġibx skużi

 

Hu x’inhu, kollha kemm aħna msejħin biex noffru lill-oħrajn xhieda ċara ta’ l-imħabba feddejja tal-Mulej, li ’l hemm min-nuqqas ta’ perfezzjoni tagħna, toffrilna li hu jkun qrib tagħna, il-Kelma tiegħu, il-qawwa tiegħu, u tagħti sens lil ħajjitna.  F’qalbek taf li l-ħajja m’hix l-istess mingħajrU, u għalhekk dak li skoprejt, dak li jgħinek tgħix u li jagħtik tama, dak hu li jeħtieġ tgħaddi lill-oħrajn.  Il-fatt li m’aħniex perfetti m’għandux ikun skuża; għall-kuntrarju, il-missjoni hi stimolu kostanti biex ma nintelqux fil-medjokrità u biex inkomplu nikbru. (par. 121)


 

33.

Il-Ħadd 6 ta’ April 2014 • Il-5 Ħadd tar-Randan

Kun xhud kullimkien

 

Issa li l-Knisja tixtieq tgħix tiġdid missjunarju qawwi, hemm għamla ta’ predikazzjoni li tgħodd għalina lkoll bħala impenn ta’ kuljum.  Din hi li nwasslu l-Vanġelu lill-persuni li magħhom ikollna x’naqsmu, kemm dawk l-iżjed qrib tagħna u kemm dawk li ma nafuhomx.  Hi dik il-predikazzjoni informali li tista’ ssir waqt konverżazzjoni u hi anki dik li jwettaq missjunarju meta jżur familja.  Li nkunu dixxipli jfisser li jkollna dispożizzjoni permanenti biex inwasslu l-imħabba ta’ Ġesù lill-oħrajn, u dan iseħħ b’mod spontanju kullimkien, fit-triq, fil-pjazza, fuq ix-xogħol, tul vjaġġ. (par. 127)


 

34.

It-Tnejn 7 ta’ April 2014

Iġbed ħabel wieħed ma’ l-oħrajn

 

Id-differenzi bejn il-persuni u l-komunitajiet xi kultant idejquna, imma l-Ispirtu s-Santu, li jqajjem din id-diversità, minn kollox jaf jiġbed xi ħaġa tajba u jibdilha f’dinamiżmu ta’ evanġelizzazzjoni li jaħdem biex jiġbed […]  Min-naħa l-oħra, meta nkunu aħna li nfittxu d-diversità u ningħalqu fil-karatteristiċi partikulari tagħna, fl-esklussiviżmu tagħna, noħolqu l-firda u, min-naħa l-oħra, meta nkunu aħna li nippruvaw nibnu l-għaqda bil-kalkoli umani tagħna, nispiċċaw biex nimponu l-uniformità monolitika.  Dan ma jgħin xejn lill-missjoni tal-Knisja. (par. 131)


 

35.

It-Tlieta 8 ta’ April 2014

Ħares bl-għajnejn ta’ Kristu

 

F’ċivilità miġruħa fil-qiegħ nett ta’ qalbha mill-anonimat u, fl-istess ħin, ossessjonata bid-dettalji tal-ħajja ta’ l-oħrajn, sfortunatament marida b’kurżità ossessiva, il-Knisja għandha bżonn ta’ ħarsa mill-qrib biex tikkontempla, titqanqal u tieqaf quddiem l-ieħor kull darba li jkun hemm bżonn.  […]  Il-Knisja jeħtieġ tlaqqa’ lill-membri tagħha – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – ma’ din l-“arti ta’ l-akkumpanjament”, biex ilkoll jitgħallmu dejjem jinżgħu l-qorq quddiem l-art imqaddsa tal-persuna l-oħra (ara Eż 3:5).  Jeħtieġ li l-mixja tagħna nagħtuha r-ritmu b’saħħtu li jqegħdiha qrib ta’ l-oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl-istess ħin ikollha l-ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il-maturità fil-ħajja Nisranija. (par. 169)


 

36.

L-Erbgħa 9 ta’ April 2014

Tħeġġeġ bil-Kelma ta’ Alla

 

Il-Knisja ma tistax tevanġelizza jekk ma tiġix kontinwament evanġelizzata.  Hu indispensabbli li l-Kelma ta’ Alla ssir dejjem iżjed il-qalba ta’ kull attività tal-Knisja. Il-Kelma ta’ Alla mismugħa u ċċelebrata, fuq kollox fl-Ewkaristija, titma’ u tqawwi minn ġewwa lill-Insara u tagmilhom kapaċi jagħtu xhieda awtentika tal-Vanġelu fil-ħajja ta’ kuljum.  Sal-lum issuperjnieh għal kollox dak il-kuntrast qadim bejn Kelma u Sagrament.  Il-Kelma mħabbra, ħajja u effikaċi, tħejjina biex nirċievu s-Sagrament, u fis-Sagrament din il-Kelma tilħaq l-ogħla effikaċja tagħha. (par. 174)


 

37.

Il-Ħamis 10 ta’ April 2014

Tgħallem int biex tgħallem lill-oħrajn

 

L-istudju ta’ l-Iskrittura Mqaddsa għandu jkun bieb miftuħ għal kull min jemmen. Hu fundamentali li mill-Kelma rivelata jistagħnew il-katekeżi u l-isforzi kollha għat-trasmissjoni tal-fidi. L-evanġelizzazzjoni titlob il-familjarità mal-Kelma ta’ Alla u dan ifisser li d-djoċesijiet, il-parroċċi u l-għaqdiet Kattoliċi kollha jipproponu studju serju u fit-tul tal-Bibbja, waqt li jippromovu wkoll il-qari personali u komunitarju tagħha f’ambjent ta’ talb […] Nilqgħuh dan it-teżor hekk għoli tal-Kelma rivelata. (par. 175)


 

38.

Il-Ġimgħa 11 ta’ April 2014 • Festa Devozzjonali tad-Duluri

Ħu għandek lil Marija, ommok

 

F’dak il-waqt kruċjali [fuq is-Salib], qabel stqarr b’mitmuma l-ħidma li l-Missier kien fdalu f’idejh, Ġesù qal lil Marija: “Mara, hawn hu ibnek”.  Imbagħad qal lid-dixxiplu l-maħbub: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:26-27).  Dawn il-kelmiet ta’ Ġesù fuq l-għatba tal-mewt l-ewwel nett ma jesprimux xi tħassib mimli ħniena għal ommu, imma pjuttost huma formula ta’ rivelazzjoni li tixkef il-misteru ta’ missjoni speċjali ta’ fidwa.  Ġesù ħallielna lil ommu biex tkun omm tagħna.  Kien biss wara li għamel dan li Ġesù seta’ jħoss li “kollox hu mitmum” (Ġw 19:30).  F’riġlejn is-salib, fis-siegħa l-kbira tal-ħolqien ġdid, Kristu jibgħatna għand Marija.  Jibgħatna għandHa għax ma jridx li nimxu mingħajr omm, u l-poplu f’dik ix-xbieha ta’ omm jaqra l-misteri kollha tal-Vanġelu.  (par. 285)


 

39.

Is-Sibt 12 ta’ April 2014

Fittex is-Saltna ta’ Alla fuq l-art

 

Il-proposta [tal-Vanġelu] hi s-Saltna ta’ Alla (Lq 4:43); hawn qed nitkellem dwar l-imħabba lejn Alla li jsaltan fid-dinja.  Skond kemm Hu jsaltan fostna, il-ħajja soċjali ssir spazju ta’ fraternità, ta’ ġustizzja, ta’ paċi, ta’ dinjità għal kulħadd.  Għalhekk, sew it-tħabbira u sew l-esperjenza Nisranija għandhom l-għan li jqanqlu konsegwenzi soċjali.  Infittxu s-Saltna tiegħu: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll” (Mt 6:33).  Il-pjan ta’ Ġesù hu li jwaqqaf is-Saltna ta’ Missieru; Hu jitlob hekk mid-dixxipli tiegħu: “Xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet” (Mt 10:7). (par. 180)


 

40.

Il-Ħadd 13 ta’ April 2014 • Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej

Ibni dinja aħjar

 

Fidi awtentika – li qatt ma tfittex il-kumdità jew hi individwalista – timplika dejjem xewqa profonda li nibdlu d-dinja, li nittrasmettu l-valuri, li nħallu xi ħaġa aħjar warajna fid-dinja.  Inħobbu din il-pjaneta mill-isbaħ li fuqha qegħidna Alla, u nħobbu l-umanità li tgħammar fiha, bit-traġedji u l-qtigħ il-qalb tagħha, bix-xewqat u t-tamiet tagħha, bil-valuri u d-dgħufijiet tagħha.  Id-dinja hi d-dar komuni tagħna u fiha lkoll aħna aħwa. [] L-Insara kollha, anki r-Rgħajja, huma msejħa jieħdu ħsieb jibnu dinja aħjar. (par. 183)


 

41.

It-Tnejn 14 ta’ April 2014

Isma’ l-karba tal-fqir

 

Kull Nisrani u kull komunità huma msejħa jkunu għodda f’idejn Alla għall-ħelsien u l-promozzjoni tal-foqra, biex hekk dawn jistgħu jintegraw ruħhom għal kollox fis-soċjetà; dan jitlob li nkunu doċli u attenti biex nistgħu nisimgħu l-karba tal-fqir u nħaffu ngħinuh.  Biżżejjed inqallbu l-Iskrittura biex niskopru kif il-Missier twajjeb jixtieq jisma’ l-karba tal-foqra [] Jekk nagħlqu widnejna għal dik il-karba, meta aħna l-għodda ta’ Alla biex jisma’ lill-foqra, nibqgħu barra mir-rieda ta’ Alla u mill-pjan tiegħu, għax dak il-fqir “jgħajjat lill-Mulej kontra tiegħek u int ikollok ħtija” (Dewt 15:9). (par. 187)


 

42.

It-Tlieta 15 ta’ April 2014

Ilqa’ lill-barrani

 

Ġesù, l-evanġelizzatur per eċċellenza u l-istess Vanġelu, jidentifika ruħu b’mod speċjali mal-foqra (ara Mt 25:40).  Dan ifakkarna li aħna lkoll bħala Nsara aħna msejħa nieħdu ħsieb ta’ dawk l-iżjed dgħajfa fid-dinja.  Imma fil-mudell attwali “ta’ suċċess” u “ta’ ħajja privata”, donnu ma jagħmilx sens li wieħed jinvesti biex dawk li baqgħu lura, id-dgħajfa u dawk li m’humiex imżejnin b’tant talenti, jimxu ’l quddiem fil-ħajja. (par. 209)


 

43.

L-Erbgħa 16 ta’ April 2014

Ħares lid-dgħajjef

 

Fost dawn id-dgħajfin, li l-Knisja b’għożża kbira tixtieq tieħu ħsieb tagħhom, hemm anki t-trabi li għadhom fil-ġuf, li huma l-aktar innoċenti u ma jistgħux jiddefendu ruħhom, li l-lum il-ġurnata hemm min jixtieq iċaħħadhom mid-dinjità umana biex jista’ jagħmel bihom dak li jogħġbu, jisirqilhom ħajjithom u jħabrek għal liġijiet biex ħadd ma jista’ jwaqqfu. […] Ir-raġuni waħidha hi biżżejjed biex tgħinna nagħrfu l-valur invjolabbli ta’ kull ħajja umana, imma jekk inħarsu lejha mill-ottika tal-fidi, “kull tkasbir tad-dinjità tal-persuna tal-bniedem jitlob vendetta quddiem Alla, u għandu jitqies bħala offiża magħmula lil Alla li ħalaq il-bniedem”. (par. 213)


 

44.

Il-Ħamis 17 ta’ April 2014 • Ħamis ix-Xirka

Kun strument ta’ paċi

 

Kristu ġabar kollox fiH innifsu: sema u art, Alla u bniedem, żmien u eternità, ġisem u ruħ, persuna u soċjetà.  Is-sinjal li minnu nagħrfu din l-għaqda u rikonċiljazzjoni ta’ kollox fiH hu l-paċi.  Kristu “hu s-sliem tagħna” (Efes 2:14).  It-tħabbira tal-Vanġelu tiftaħ dejjem bit-tislima tal-paċi, u l-paċi tinkuruna u tissiġilla f’kull ħin ir-relazzjonijiet bejn id-dixxipli.  Il-paċi tista’ sseħħ għax il-Mulej rebaħ id-dinja u l-kunflitti dejjiema ta’ ġo fiha billi “bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem” (Kol 1:20).  Imma jekk ninżlu fil-fond ta’ dawn it-testi Bibliċi, niskopru li l-ewwel post li fih aħna msejħin naslu għal din il-paċi minkejja d-differenzi hu l-ġewwieni tagħna nfusna, il-ħajja tagħna, dejjem mhedda mit-tifrik u l-qsim. Bi qlubna maqsuma f’elf biċċa jkun diffiċli nibnu paċi soċjali li tkun awtentika. (par. 229)


 

45.

Il-Ġimgħa 18 ta’ April 2014 • Il-Ġimgħa l-Kbira

Intasab quddiem l-Imsallab

 

Għandna bżonn li nittallbu ta’ kuljum, li nitolbuh il-grazzja tiegħu biex tiftaħ il-qalb kiesħa tagħna u tqanqal il-ħajja bierda u superfiċjali tagħna.  Mitfugħin quddiemU b’qalbna miftuħa, ejjew inħalluH iħares lejna, nagħrfu din il-ħarsa ta’ mħabba li lemħet lil Natanjel dak in-nhar li Ġesù resaq lejh u qallu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin” (Ġw 1:48).  Kemm hi ħaġa sabiħa li nieqfu quddiem Kurċifiss, jew għarkubbtejna quddiem Ġesù Sagramentat, u sempliċiment noqogħdu taħt għajnejh!  Kemm ikun ta’ ġid għalina jekk inħalluH jerġa’ jiġi u jmissilna ħajjitna u jibgħatna biex inxerrdu l-ħajja ġdida li hu jagħti!  (par. 264)


 

46.

Is-Sibt 19 ta’ April 2014 • Sibt il-Għid

Miss il-pjagi ta’ Kristu

 

Xi kultant inħossu t-tentazzjoni li nkunu Nsara li nżommu distanza prudenti mill-ġrieħi tal-Mulej.  Imma Ġesù jrid li mmissu l-miżerja umana, li mmissu l-ġisem sofferenti ta’ l-oħrajn.  Hu jistenna minna li ma noqogħdux infittxu dawk l-imkejjen ta’ kenn personali jew komunitarju li jżommuna mbegħdin minn fejn tħabbat il-qalb tat-tbatija umana, biex nistgħu naċċettaw tabilħaqq li nidħlu f’kuntatt ma’ l-eżistenza konkreta ta’ l-oħrajn u nagħrfu kemm hi kbira l-qawwa tal-ħlewwa u t-tjieba.  Meta nagħmlu dan, il-ħajja dejjem tikkumplika ruħha b’mod sabiħ u nkunu ngħixu l-esperjenza qawwija ta’ poplu, l-esperjenza li aħna nagħmlu parti minn poplu. (par. 270)


 

47.

Il-Ħadd 20 ta’ April 2014 • L-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej

Emmen li Kristu qam tassew!

 

Il-fidi tfisser ukoll nemmnu fiH, nemmnu li tassew iħobbna, li hu ħaj, li għandu l-ħila jidħol b’mod misterjuż fil-ħajja tagħna, li ma jitlaqniex waħidna, li bil-qawwa tiegħu u bil-kreattività bla tarf tiegħu mill-ħażin jaf joħroġ it-tajjeb. […] Nemmnu fil-Vanġelu li jgħid li s-Saltna ta’ Alla diġà tinsab fid-dinja, u qed tikber ’l hemm u ’l hawn, b’għadd ta’ modi […] u dejjem għandha l-ħila tissorprendina b’mod sabiħ.  Hi preżenti, tiġi mill-ġdid, tħabrek biex twarrad mill-ġdid.  Il-qawmien ta’ Kristu jqabbad ma’ kullimkien l-għeruq ta’ din id-dinja ġdida; u anki jekk jinqatgħu, jerġgħu jixirfu, għax il-qawmien tal-Mulej diġà daħal fin-nisġa moħbija ta’ din l-istorja, għax Ġesù ma qamx għalxejn mill-imwiet.  Ejjew ma nibqgħux mal-ġenb ta’ din il-mixja tat-tama ħajja!  (par. 278)


 

48.

Talba lill-Verġni Imbierka Marija.

 

Verġni u Omm tagħna Marija, int li, imqanqla mill-Ispirtu, ilqajt il-Verb tal-ħajja fil-profondità tal-fidi umli tiegħek, mogħtija kollha kemm hi lill-Etern, għinna llissnu l-“iva” tagħna fl-urġenza, tagħfas fuqna iktar minn qatt qabel, li nsemmgħu mill-ġdid il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù.

 

Mimlija bil-preżenza ta’ Kristu, int ġibt il-ferħ lil Ġwanni l-Battista, hekk li qabeż fil-ġuf ta’ ommu.  Taqbeż bil-hena, int għannejt l-għeġubijiet sbieħ tal-Mulej.  Int, li bqajt wieqfa quddiem is-Salib b’fidi li ma tiġġarrafx, u lqajt il-faraġ hieni tal-Qawmien, ġmajt id-dixxipli fl-istennija ta’ l-Ispirtu biex hekk twieldet il-Knisja evanġelizzatriċi.

 

Iksbilna issa l-ħeġġa ġdida li jnissel il-Qawmien, biex nistgħu nwasslu lil kulħadd il-Vanġelu tal-ħajja li jegħleb il-mewt.  Agħtina l-kuraġġ qaddis li nfittxu toroq ġodda biex jasal għand kulħadd id-don tal-ġmiel li ma jintefiex.

 

Int, Verġni tas-smigħ u tal-kontemplazzjoni, omm ta’ l-imħabba, għarusa tat-tieġ etern, aqbeż għall-Knisja, li tagħha int ix-xbieha l-iżjed safja, biex qatt ma tingħalaq fiha nfisha u qatt ma tehda fil-passjoni tagħha biex twaqqaf mill-ġdid is-Saltna.

 

Kewkba ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida, għinna nkunu dawl fix-xhieda tagħna tal-komunjoni,

tas-servizz, tal-fidi mħeġġa u ġeneruża, tal-ġustizzja u ta’ l-imħabba lejn il-foqra, biex il-ferħ tal-Vanġelu jasal sa truf l-art u l-ebda periferija ma tisfa mċaħħda mid-dawl tiegħu.

 

Omm il-Vanġelu ħaj, għajn ta’ ferħ għaċ-ċkejknin, itlob għalina.

 

Ammen.  Hallelujah.

 

(par. 288)