QADDISIN GĦAL SETTEMBRU

 

3 TA’ SETTEMBRU

 

SAN GIRGOR IL-KBIR

Papa u Duttur tal-Knisja: 540 - 604

 

 

San Girgor twieled f’Ruma, l-Italja, f’madwar is-sena 540, għand familja sinjura ħafna. 

 

Meta kellu xi 30 sena kien laħaq Prefett ta’ Ruma.  Iżda minkejja li kellu din il-pożizzjoni għolja fis-soċjeta’ u kien wieħed mill-aktar nies sinjuri ta’ Ruma, fis-sena 575 ħalla kollox biex jingħaqad iktar ma’ Alla.

 

Daħal mal-Patrijiet Benedittini, bidel daru f’monasteru taħt il-protezzjoni ta’ San Andrija, u ħadem bla heda biex waqqaf sitt monasteri oħra.  Il-Papa Pelaġju II ordnah saċerdot u ftit wara bagħtu bħala Legat tiegħu f’Konstantinopli.

 

Fis-sena 586 ġie lura u sar l-Abbati tal-monasteru ta’ San Andrija.

 

Meta l-Papa Pelaġju II miet bil-pesta fis-sena 590, Girgor ġie elett Papa, l-ewwel patri li qatt kellu dan l-unur.

 

Fis-sena 596 bagħat lil San Wistin flimkien ma’ xi erbgħin patri ieħor l-Ingilterra biex ixerrdu l-fidi nisranija.

 

Minkejja li kien bniedem marradi u kien jeħtieġlu jqatta’ perjodi twal fis-sodda huwa ħadem bis-sħih matul l-erbatax-il sena tal-pontifikat tiegħu.  Ikkumbatta s-simonija, l-ereżiji u l-inġustizzja, u kabbar l-interess fil-Knisja lejn il-liturġija u l-mużika sagra.  Ma kienx jehda jippriedka u jikteb.  Il-kitba tiegħu turi l-qdusija, l-għerf u ż-żelu li kellu u wasslitu biex ikun iddikjarat Duttur tal-Knisja.  Għalkemm kien isejjaħ lilu nnifsu bħala ” l-qaddej tal-qaddejja ta’ Alla”, ma kien jaqta’ qalbu minn xejn.  Kien ikun dejjem biċ-ċoqqa ta’ patri ħlief f’okkażjonijiet formali.

 

Huwa baqa’ jaħdem sa l-aħħar minkejja li kien sar għadma u ġilda, qisu skeletru u bil-kemm kien jiflaħ jimxi.  Miet f’Ruma fit-12 ta’ Marzu 604.

 

Ħsieb

Mhux kulħadd jista’ jagħmel ħwejjeġ hekk sbieħ, ta’ mużika, kitba, eċċ., li n-nies tibda ssejjaħlu “kbir”.  Imma lkoll kemm aħna għandna affarijiet li jekk nagħrfu nuhom tajjeb insebbħu ħajjitna u ħajjet l-oħrajn.  Dik it-tbissima!  Dik il-kelma! Dik id-daqqa t’id!  Dik iż-żjara!

 

 

 

 

 

 

 

 

8 TA’ SETTEMBRU

 

IT-TWELID TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

 

 

Ma nafux sewwa fejn u meta twieldet il-Madonna.  Skond tradizzjoni antika twieldet f’Nazzaret.

 

Flimkien mat-twelid ta’ Ġesù u mat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista, it-twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, ilu jiġi ċċelebrat fil-Knisja sa mill-ewwel żminijiet tagħha.  Żgur li din il-festa kienet ġa bdiet tiġi ċċelebrata fis-sitt seklu.  Imbagħad, kif nafu fiż-żgur, il-Papa San Serġju I (687-701) kien ordna li jinżammu erba’ festi tal-Madonna:  It-Tħabbira, it-Tlugħ fis-sema, it-Twelid, u l-Purifikazzjoni.

 

Id-data tat-8 ta’ Settembru, intgħażlet għaliex dak in-nhar kienet ġiet iddedikata knisja lill-Verġni Marija f’Ġerusalemm qrib il-menqgħa ta’ Beteżda.

 

F’Malta, fis-sena 1275, ġa kien hemm knisja dedikata lit-Twelid tal-Verġni Marija, iżda kien l-Assedju l-Kbir li għamel il-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija waħda mill-ikbar festi tal-Madonna f’dawn il-Gżejjer, u nistgħu ngħidu li għadha hekk sal-lum.

 

Talba

Verġni Omm Alla, it-Twelid tiegħek ħabbar il-ferħ lid-dinja kollha:  għax minnek tnisslet ix-xemx tal-ġustizzja, Kristu Alla tagħna, li neħha s-saħta minn fuqna u xerred il-barka, qered il-mewt u tana l-ħajja ta’ dejjem.           

(Antifona tal-Kantiku ta’ Zakkarija)

 

 

 

 

 

 

13 TA’ SETTEMBRU

 

SAN ĠWANN KRISOSTMU

Isqof u Duttur tal-Knisja: c349 - 407

 

 

San Ġwann twieled f’Antjokja, Sirja, fis-sena 349.  Meta kien għadu tarbija tilef lill missieru li kien kmandant fl-armata Imperjali.  Ommu ħadet ħsiebu ħafna, tellgħetu fl-għożża u edukatu sewwa.  Tgħammed meta kellu 20 sena kif kien isir f’dak iż-żmien.  Huwa studja r-rettorika taħt Libanju, l-aħjar oratur ta’ żmienu.  Iggradwa fil-Liġi u pprattikaha għal xi żmien.

 

Wara l-mewt ta’ ommu fis-sena 374, mar ingħaqad ma’ grupp ta’ eremiti fuq il-muntanji ħdejn Antjokja, iżda wara sitt snin marad u kellu jirritorna.  L-Isqof Flavju tefa’ għajnejh fuqu u ordnah qassis fis-sena 386.  Ġwanni ntefa’ għall-priedki li bihom kien isaħħar lil kull min kien jisimgħu.

 

Fis-sena 398 inħatar Patrijarka ta’ Konstantinopli, il-belt ewlenija ta’ l-Imperu tal-Lvant f’dak iż-żmien.  Għen ħafna lill-foqra u lill-morda, u kien iħeġġeġ lill-għonja biex jgħinuhom.

 

L-elokwenza brillanti tiegħu qalgħetlu l-isem ta’ ”Krisostmu”, li jfisser ”Fomm tad-Deheb”.  Minn fuq il-pulptu kien jitkellem bla biża u jikkundanna l-ħażin, ukoll jekk dan kien ikun ġej mill-mexxejja jew mill-kbarat tal-pajjiż.  B’hekk laqat fil-laħam il-ħaj lil Eudosia, il-mara ta’ l-Imperatur Arkadju, u wkoll lill-Arċisqof ta’ Alexandra, Teofilu, u għalhekk ħabat difrejh magħhom.

 

Fis-sena 403 Teofolu laqqa’ sinodu li għalih attendew Isqfijiet li ma kellhomx grazzja ma’ Ġwanni.  Dan is-sinodu kkundannah u neħħieh mill-kariga.  Imbagħad Arkadju instigat minn martu, eżiljah imma n-nies ipprotestaw, u Ġwanni malajr issejjaħ lura.  Iżda ma damx wisq ma’ l-Imperatur Arkadju eżiljah f’Cucusus, fl-Armenja, fejn Ġwanni dam tliet snin, u minkejja l-eta’ li kellu u l-ambjent xejn sabiħ li kien qed jgħix fih, ħadem kemm felaħ għall-Knisja, u kompla jikteb.

 

Eudosia mietet, u l-poplu saħaq biex l-Isqof jinġieb lura.  Meta l-għedewwa tiegħu raw hekk, iddeċidew li jeħilsu minnu darba għal dejjem, u ordnaw li jittieħed f’Pityus, fuq ix-xtajta tal-Baħar l-Iswed.  Iżda mifni bil-mard, bit-tbatija u bil-għajja miet fit-triq, f’Cumana, fil-Pontu, fl-14 ta’ Settembru 407.  L-aħħar kelmiet tiegħu kienu: ”Ikun imfaħħar Alla f’kollox”.

 

Tletin sena wara, Teodosju II, iben Arkadju u Eudosia, ġab il-fdal ta’ Ġwanni f’Konstantinopli, u għamillu laqgħa kbira.  Bies it-tebut tiegħu u talab maħfra f’isem ommu u missieru li kienu ppersegwitawh bla bżonn.  Illum il-fdal tiegħu jinsab fil-knisja ta’ San Pietru, Ruma.

 

Il-ħafna kotba li kiteb għamluh wieħed mid-Dutturi kbar tal-Knisja.

 

Ħsieb

San Ġwann kellu fomm tad-deheb mhux biss għax kien elokwenti iżda wkoll għax kien spiss ifaħħar u jigglorifika ’l Alla, anke fit-tbatijiet tiegħu, li ma kinux żgħar.  Kemm hu tad-deheb fommna fit-tifħir tagħna lil Alla matul il-jum speċjalment meta niltaqgħu mal-kuntrarju?

 

 

 

 

 

14 TA’ SETTEMBRU

 

L-EŻALTAZZJONI TAS-SALIB IMQADDES

 

 

Wara li l-Ġisem Imqaddes ta’ Ġesù tniżżel minn fuq is-salib u tpoġġa fil-qabar, neħħew is-salib minn postu, tefgħuh ġo ħofra u radmuh.

 

Xi tliet mitt sena wara, għall-ħabta ta’s-sena 327, fi żmien Kostantinu, meta fuq il-Knisja reġgħet feġġet il-paċi, San Makarju, Isqof ta’ Ġerusalemm, imħeġġeġ u megħjun minn Santa Elena waqt li kienet f’pellegrinaġġ fl-Artijiet Imqaddsa (326-327), ta ordni ħalli jinstabu l-imkejjen sagri.  Hekk fost affarijiet oħra nstabu l-qabar ta’ Kristu, il-Kalvarju u s-Salib imqaddes.

 

Kostantinu bena knisja fuq il-post fejn instab is-Salib, li l-konsagrazzjoni tagħha saret fl-14 ta’ Settembru 335.

 

Fis-sena 614, ir-Re Kosroe II tal-Persjani kien għamel ħerba minn Ġerusalemm u mill-Artijiet Imqaddsa, u ġarraf jew ħaraq bosta knejjes u istituti reliġjużi nsara.  Fost kollox kien karkar miegħu biċċa kbira tas-Salib li kienet miżmuma ġo relikwarju bil-ġawhar.

 

L-Imperatur Eraklju ta’ Kostantinopli, wara li ma rnexxilux jasal ftehim mal-Persjani, mexxa l-armati tiegħu kontriehom.  Fis-sena 627, Kosroe II ħarab u ġie maqtul minn ibnu Siroe.

 

Eraklju wasal fi ftehim ma’ Siroe, u fost affarijiet oħra ħa r-relikwa tas-Salib f’Kostantionopli fejn kellh laqgħa trijonfali.

 

Fis-sena 629, Eraklju ħa s-Salib lura Ġerusalemm.  Meta wasal fit-triq li kienet tagħti għall-Kalvarju, neħħa l-ilbies ta’ Imperatur minn fuqu, libes ilbies ordinarju u ħafi, wassal ir-relikwa tas-Salib u taha lill Żakkarija, Patrijarka ta’ Ġerusalemm.  Din hi l-ġrajja li l-Knisja qed tfakkarna fiha llum.

 

Inċidentalment, Rohault de Fleury, għamel tfittix bir-reqqa, u wera (Memoire sue les Instruments de la Passion, Paris, 1870) li jekk tiġbor flimkien ir-relikwi kollha li huma mxerrdin ’l hawn u ’l hemm fid-dinja, ma jlaħħqux iktar mit-tlieta waħda (1/3) ta’ salib normali.

 

Talba

Ġesù twajjeb, aħna dnibna, dorna lura mit-triq tiegħek; o Mulej ħanin, aħfrilna l-għilt u l-ħażen kollu tagħna.  Bis-salib imqaddes tiegħek, is-sinjal għażiż tal-fidwa, kullimkien u dejjem żommna taħt għajnejk, għax aħna wliedek. (Mill-Uffiċċju tal-Qari, Innu matul is-sena, l-I Ġimgħa, il-Ġimgħa)

 

 

 

 

 

 

15 TA’ SETTEMBRU

 

IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAD-DULURI

 

 

Il-Knisja tfakkar id-duluri tal-Madonna darbtejn matul is-sena:  nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa tal-Passjoni (il-Ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira), u llum 15 ta’ Settembru.  L-ewwel waħda inbdiet f’Cologne, il-Ġermanja, fis-seklu ħmistax bħala tpattija ta’ l-ereżija ta’ Ġovanni Hus.  Dik tal-lum bdewha l-Patrijiet Serviti meta fl-1668 qalgħu permess mingħand il-Papa biex jiċċelebraw il-festa tas-Seba’ Duluri fit-tielet Ħadd ta’ settembru.  Meta mbagħad il-Papa Piju VII fl-1814 rritorna mill-eżilju estenda din il-festa għall-Knisja kollha bħala tifkira ra’ kemm il-Knisja (u hu personalment) batiet minn Napuljun.

 

Imbagħad, il-Papa san Piju X, meta għamel ir-riforma tal-Kalendarju liturġiku, iffissa d-data tal-festa meta għamel fil-15 ta’ Settembru, fl-Ottava tat-Twelid tal-Verġni Marija.

 

Il-Madonna sofriet mhux għax kellha xi dnub.  It-tnissil tagħha kien immakulat.  Il-ħajja tagħha kienet bla l-iċken dnub.

 

 

Is-Seba’ Duluri nistgħu nniżżluhom hekk:

  1. Il-Profezija ta’ Xmun fit-tempju.

  2. Il-ħarba lejn l-Eġittu, triq ta’ 480 kilometri, bit-tarbija Ġesù ta’ inqas minn sena.

  3. It-telfa ta’ Ġesù.

  4. Il-laqgħa tagħha ma’ Ġesù jġorr is-salib fi triqtu lejn il-Kalvarju.

  5. Il-kruċifissjoni.

  6. Ġesù mejjet fi ħdanha.

  7. Id-difna ta’ Ġesù.

                                                           

Ħsieb

Kollox nieħu bis-sabar għal dawk li huma magħżulin biex huma wkoll jiksbu  s-salvazzjoni li hi s-sebħ għal dejjem fi Kristu Ġesù.  Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha:  jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll;  jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu wkoll. (2 Tim. 2:10-12)

 

 

 

 

 

16 TA’ SETTEMBRU

 

SAN KORNELJU

Papa u Martri: ? - 253

 

SAN ĊIPRIJANU

Isqof u Martri: 250? - 258

 

San Kornelju

Minħabba l-persekuzzjoni ħarxa li l-Imperatur Deċju kien qed jagħmel kontra l-Insara, meta l-Papa Fabjanu nqatel f’Jannar tas-sena 250, l-Insara ma setgħux jagħżlu suċċessur tiegħu.  Kien meta Deċju warrab minn Ruma biex jeħodha kontra r-rivali tiegħu, u l-persekuzzjoni ttaffiet, li San Kornelju, qassis tal-kleru ta’ Ruma kien elett Papa, f’Marzu tas-sena 251.

 

Fi żmien il-persekuzzjoni, numru ta’ Nsara kienu ċaħdu l-fidi biex ma jitilfux ħajjithom.  Meta l-persekuzzjoni waqfet, dawn l-Insara apostati, xtaqu jerġgħu jidħlu fil-nisja.  Iżda xi wħud fil-Knisja ta’ ruma mmexxijin minn Novazjanu, qassis li sar antipapa, dehrilhom li ma kellhomx iħalluhom.  Kornelju ma qabilx, sostna li l-ħniena ta’ Alla m’għandhiex limiti, u bil-għajnuna ta’ Ċiprijanu seta’ jsaħħaħ l-awtorita’ tiegħu.

Fis-sena 253, Gallu, li kien sar Imperatur wara Deċju, fetaħ persekuzzjoni oħra kontra l-Insara, u l-Papa kien l-ewwel wieħed arrestat u eżiljat f’Civitavecchia fejn miet f’Ġunju ta’ l-istess sena.  L-Insara ħadu ġismu Ruma u difnuh fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu.

 

 

 

 

San Ċiprijanu twieled f’Kartaġni, fl-Afrika, fis-sena 210, għand familja pagana.  Sar oratur famuż, kien għani, u fuq kollox kellu karattru mżejjen b’ħafna cirtujiet.

 

Fis-sena 246 ħaddan il-Kristjaneżmu.  Sa mill-bidu tal-konverżjoni tiegħu, okkupa fil-Knisja ta’ Kartaġni post prominenti minħabba l-pożizzjoni għolja soċjali li kellu.

 

Sentejn wara l-magħmudija sar qassis, u sena wara (249), inħatar Isqof ta’ beltu.  Mexxa l-Knisja tajjeb ħafna.  Kien bniedem għaqli, għaref u maħbub mill-poplu.

 

Meta Deċju beda l-persekuzzjoni tiegħu kontra l-Insara fil-bidu tas-sena 250, Ċiprijanu mar jgħix fil-moħbi, iżda żamm kuntatt mad-djoċesi tiegħu bl-ittri li kien jibgħat spiss.

 

Wara l-mewt ta’ Deċju, Ċiprijanu reġa’ lura lejn Kartaġni.  Flimkien mal-Papa Kornelju rreżista n-Novazjaniżmu, u kien jilqa’ lura fil-Knisja lil dawk li kienu ċaħduha fil-persekuzzjoni.  

 

Iżda sfortunatament ċaħad il-validita’ tal-magħmudija mogħtija mix-xiżmatiċi.  Sadattant il-Papa miet; is-suċċessur tiegħu San Luċju miet martri f’inqas minn sena; u San Stiefnu I li dam Papa tliet snin kien għoddu wasal biex jiskomunika lil Ċiprijanu li kien baqa’ jsostni l-opinjoni żbaljata tiegħu.  Wara San Stiefnu I laħaq San Sistu II li fetaħ djalogu ma Ċiprijanu, iżda ma tkompliex minħabba l-persekuzzjoni ta’ Valerjanu, għax Ċiprijanu kien eżiljat f’Kurubis fejn is-suldati qatluh billi qatgħulu rasu fl-14 ta’ Settembru 258.

 

Ħsieb

Jista’ xi ħadd jippretendi li qatt mhu ser jiġi kkritikat f’ħajtu?  Biex ma niġux ikkritikati rridu ma nagħmlu qatt xejn.  Imma hekk ukoll insibu min jgħid li ma niswew għal xejn.  Mela l-aħjar hu li jekk xi ħadd jgħid xi ħaġa kontrina ngħixu b’mod li n-nies ma temminx dak l-għidut.

 

 

 

 

 

 

17 TA’ SETTEMBRU

 

SAN ROBERTU BELLARMINO

Isqof u Duttur tal-Knisja: 1542 - 1621

 

San Robertu twieled f’Montepulċiano, it-Toscana, l-Italja, fl-4 ta’ Ottubru 1542, għand familja influwenti.  Ommu kienet tiġi oħt il-Papa Marċell II.

 

Ta’ 18-il sena, fl-1560, kontra r-rieda tal-ġenituri tiegħu li xtaquh imur jistudja fl-Universita’ ta’ Padova, daħal Ġiżwita f’Ruma, u fl-1570 sar saċerdot.  Wara l-ordinazzjoni hu laħaq l-ewwel Professur Ġiżwita fl-Universita’ ta’ Louvain, Belġju.

 

Fl-1576, meta kellu 34 sena, sejħulu Ruma biex jokkupa l-katedra ġdida u diffiċli tal-Kontroversji fil-Kulleġġ Ruman.  Fl-1588, sar il-Prefett Spiritwali tal-Kulleġġ u kellu x-xorti li jmexxi lil San Alwiġi fl-aħħar snin ta’ ħajtu u li jkun il-promotur tal-beatifikazzjoni tiegħu.  Fl-1592 inħatar Rettur ta’ l-istess Kulleġġ.  Il-ktieb tal-katekiżmu li hu kiteb ġie maqlub f’sittin ilsien, u għadu jiġi wżat sal-lum f’xi pajjiżi.

 

Fl-1591, il-Papa Girgor XIV ħatru membru tal-kummissjoni biex tirrivedi l-edizzjoni Sisto – Clementina tal-Vulgata.

 

Fl-1599, il-Papa Klement VIII ħatru Kardinal, u fl-1602 ikkonsagrah Arċisqof ta’ Capua.

 

Wara l-mewt ta’ Klement VIII fl-1605, (Ljun XI ma damx Papa ħlief 26 jum) il-Papa Pawlu V sejjaħlu miegħu Ruma biex jieħu l-pariri tiegħu.  Hekk ħa sehem sewwa fil-kwistjonijiet li nqalgħu, fosthom il-kontroversji bejn il-Knisja Kattolika u r-Reformisti Protestanti.  Fl-1616 huwa intervena fil-kwistjoni tal-ħabib tiegħu Galileo, u kkonvinċieh jipproponi t-teoriji ta’ Copernicus bħala ipotesi milli bħala fatt ippruvat.

 

Fis-sajf ta’ l-1621, Robertu rtira f’San Andrea, f’Ruma fejn miet fis-17 ta’ Settembru ta’ l-istess sena.  Il-Papa Piju XI iddikjarah Qaddis u Duttur tal-Knisja.  Ġismu jinsab fil-knisja ta’ San Injazju, Ruma, ħdejn il-qabar ta’ San Alwiġi, kif kien xtaq f’ħajtu.

 

Ħsieb

Aħna ma nistgħux naqblu ma’ kull ħaġa li jgħid ħaddieħor.  Jista jkollna raġun, u jista’ ma jkollniex.  Iżda qatt ma għandna niġġieldu.  Nimitaw lil San Bellarmino, nużaw l-għaqal biex niftiehmu bla ma naqblu.  Ħadd ma jieħu gost min jgħidlu: ”Għandek żball”.  Ikun aħjar li tgħid: ”Jien nara l-punt tiegħek, imma ma taħsibx li .. ..”.  ”Bil-kelma t-tajba toħroġ il-ġurdien mit-toqba”, jgħid il-Malti.

 

 

 

 

 

 

19 TA’ SETTEMBRU

 

SAN ĠENNARU

Isqof u Martri:  ? - 305

 

San Ġennaru twieled f’Napli jew f’Benevento, l-Italja, f’madwar is-sena 275.  Ta’ madwar tletin sena sar Isqof ta’ Benevento, u fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu miet martri flimkien ma’ sitta oħra fosthom id-Djaknu u l-Lettur tiegħu, billi wara li kkundannawhom għall-mewt, tefugħom lill-iljuni fl-Anfiteatru ta’ Pozzoli, fis-sena 305, iżda peress li l-iljuni ma missewhomx, qatluhom bil-qtugħ tar-ras.

 

Fil-Katidral ta’ Napli hemm xi relikwi tiegħu fosthom il-magħruf ”Demm ta’ San Ġennaru”.

 

Dan id-demm magħqud li hu miżmum f’kunjett issiġillat, jinħall tliet darbiet fis-sena; fid-19 ta’ Settembru, nhar il-festa tiegħu; fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju, l-anniversarju ta’ meta r-relikwi tal-Qaddis inġiebu f’Napli; u fis-16 ta’ Diċembru b’tifkira ta’ meta bl-interċessjoni tal-Qaddis Napli ġiet meħlusa mill-qerda li nisslu l-erużżjonijiet tal-Vessuvju fis-sena 685.

 

S’issa x-xjenzati għadhom ma sabu l-ebda spjegazzjoni naturali ta’ dan il-fenominu, u kull possibilta’ ta’ tqarriq hi eskluża.

 

Ħsieb

Irid ikollna moħħna tassew ma jwassalx biex ngħidu li mirakli ma jistgħux isiru.  Possibli li aħna li nemmnu f’Alla naħsbu li hu daqshekk xjentifiku li ma jista’ jagħmel l-ebda miraklu!  Tgħid qed nintebħu bil-mirakli tad-dudu jsir farfett, bajda ssir għasfur, daqxejn ta’ żerriegħa ssir siġra m’għola hawn, u tant mirakli li jsiru kuljum madwarna!

 

 

 

 

 

 

 

20 TA’ SETTEMBRU

 

SAN ANDRIJA TAEGON,

SAN PAWL CHANG HASANG, U SĦABHOM

Martri: 1839 - 1867

 

Għal ħamsin sena sħaħ il-fidi nisranija fil-Korea xxandret minn lajċi, u kien biss fis-sena 1836 li daħħlu fil-pajjiż l-ewwel missjunarji, li kienu minn Franza.

 

Fil-Korea il-Knisja kellha persekuzzjonijiet ħorox speċjalment fis-snin 1839, 1846, 1866, u 1867, li ma’ tulhom bosta nsara taw ħajjithom għal Kristu.

 

Ta’ min isemmi b’mod speċjali lil Andrija Kim Taegon, l-ewwel saċerdot Korean li wara li tefgħuh il-ħabs, qatluh bil-qtugħ tar-ras; u Pawlu asang li kien appostlu lajk ta’ qlubija kbira.

 

Flimkien ma’ San Andrija u San Pawl ġew ikkanonizzati wkoll Hasang li kien appostlu lajk ta’ qlubija kbira.

 

Flimkien ma’ San Andrija u San Pawl ġew ikkanonizzati 101 martri oħra fosthom kien hemm iż-żagħżugħ Peter Yu ta’ 17 –il sena u Mark Chong ta’ 72 sena.

 

 

Kien hemm ukoll tliet isqfijiet u tmien saċerdoti mis-Soċjeta’ tal-Missjonijiet Esteri ta’ Pariġi, fosthom Monsinjur Imbert li kien l-ewwel Isqof li ppriedka l-kelma ta’ Alla fil-Korea.

 

Barra minn dawn il-Missjunarji Franċiżi, il-bqija kienu kollha Koreani:  irġiel u nisa, miżżewġin u mhumiex, xjuħ, żgħażagħ u tfal, għonja u foqra.

 

Dawn il-103 Martri tal-Korea ġew iddikjarati Qaddisin mill-Papa Ġwanni Pawlu II, waqt quddiesa li ċċelebra fis-6 ta’ Mejju 1984, f’Misraħ Youido, f’Seoul, quddiem folla ta’ iktar minn nofs miljun ruħ, meta kien qed jagħmel il-pellegrinaġġ appostoliku tiegħu fil-Korea.

 

 

 

Ħsieb

”Fil-ġenna ħadd ma jkollu xewqa oħra ħlief dik li jkun irid Alla; u x-xewqa ta’ wieħed tkun ix-xewqa ta’ kulħadd; u x-xewqa ta’ kulħadd u ta’ kull wieħed tkun ukoll ix-xewqa ta’ Alla.”  -  Armonija Perfetta.     (San Anselmu, Opera Omnia, ittra 112)

 

 

 

 

 

 

21 TA’ SETTEMBRU

 

SAN MATTEW

Appostlu u Evaġelista: L-Ewwel Seklu

 

Mattew kien Lhudi. X’aktarx li kien mill-Galilija.  Bla dubju kien raġel għani.  Ismu jfisser ”Rigal ta’ Alla”.  Huwa l-istess persuna li San Mark u San Luqa jsejħulu Levi.

 

Bi professjoni kien Pubblikan, jiġifieri wieħed li jiġbor it-taxxi mingħand il-Lhud u jgħaddihom lill-ħakkiema tagħhom ir-Rumani.  Dan kien fi żmien Erodi Antipa.  Il-Lhud ma kinux jaħmluhom lill-Repubblikani, għax barra milli kienu aġenti tal-Gvern Ruman, kellhom il-fama li kienu rgħiba u qarrieqa.  Għalhekk il-Lhud ma kinux iħalluhom jidħlu fit-tempju u fis-sinagoga.  L-ebda Lhudi ta’ l-affari tiegħu ma kien ikollu kuntatti magħhom.

 

B'danakollu, darba waħda Ġesù rah bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: ”Ejja warajja.”  Dak qam u mar warajh.  (Mt. 9:9)  Hekk kienet is-sejħa ta’ San Mattew biex isir wieħed mit-tnax l-Appostli ta’ Ġesù.

 

Ftit wara, Mattew stieden lil Ġesù għall-ikla fid-dar tiegħu f’Kafarnaum u stieden ukoll ħafna kolletturi ħbieb tiegħu.  X’ħin il-Fariżej raw dan ħaduha kontra Ġesù u qalu: ”Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin?”  Ġesù sempliċiment weġibhom:

 ”It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda”. (Mt. 9-12)

 

Isem San Mattew insibuh fil-lista ta’ l-Appostli.  Flimkien ma’ l-Appostli kien xhud tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù; kien magħhom ukoll meta Ġesù tela’ s-sema; u wara mar magħhom ukoll Ġerusalemm jitlob u jistenna l-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu.

(Atti 1:13)

 

San Mattew kiteb l-ewwel Vanġelu.  Kitbu bl-Aramajk, l-ilsien antik tal-Palestina, u li bih kien jitkellem Ġesù.  Is-simbolu tiegħu hu figura ta’ bniedem għax il-Vanġelu tiegħu jibda bil-ġenealoġija ta’ Ġesù.

 

Tradizzjoni tgħid li San Mattew mar jippriedka lil Ġesù fl-Etjopja (mhux dik ta’ L-Afrika iżda ta’ ħdejn il-baħar Kaspju) fejn miet martri.

 

Ħsieb

”Aħżnu ġid fis-sema, fejn u la susa u la sadid ma jħassar, u fejn il-ħallelin u la jiftħu u la jisirqu.” (Mt. 6:19)  Eżempju l-iktar ċar ta’ min iħaddan dan it-tagħlim ta’ Ġesù hu San Mattew li nfatam mill-ġid kollu li kellu, ħalla kollox, mar ingħaqad ma’ Ġesù, għex il-ħajja sempliċi u fqira tiegħu, baqa’ sakemm ta’ ħajtu għalih, u llum jinsab miegħu fis-sema.

 

 

 

 

 

 

 

 

26 TA’ SETTEMBRU

 

SAN KOSMA U SAN DAMJAN

Martri: ? – 303?

 

M’hemm xejn li nafu b’ċertezza dwar dawn iż-żewġ Qaddisin ħlief li mietu martri fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu.

 

Skond tradizzjoni, San Kosma u San damjan kienu tewmin mill-Għarabija, iżda marru jgħixu f’Egea, Ċiliċja.

 

It-tnejn kienu tobba, u ħadu din il-professjoni tagħhom bħala vokazzjoni u ma kinux jaċċettaw flus għas-servizzi li kienu jagħtu lin-nies.

 

Fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu kontra l-Insara, dawn iż-żewġ tobba kienu minn ta’ l-ewwel arrestati minn Lisjas, Gvernatur ta’ Ċiċilja. Ittorturati u maqtulin bil-qtugħ ta-ras, f’madwar is-sena 303.

 

L-insara ħadu l-iġsma tagħhom u difnuhom f’Ciro, is-Sirja.

 

Isimhom tniżżel fil-Kanone tal-Quddiesa, probabbilment fis-sitt seklu, mill-Papa San Simmaku.

 

 

Ħsieb

Ma tafux li ġisimkom hu tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu li jinsab fikom, li għandkom mingħand Alla?  Ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom?  Intom kontu mixtrijin bil-għoli.  Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom.                (1 Kor. 6:19)

 

 

 

 

 

 

 

27 TA’ SETTEMBRU

 

SAN VINĊENS DE PAUL

Saċerdot: 1581 – 1660

 

San Vinċens twieled f’Pouy, qrib il-muntanji Pirinej, Franza, fl-24 ta’ April 1581.  Il-ġenituri tiegħu kellhom daqxejn ta’ razzett żgħir li minnu kienu jaqigħlu l-għajxien tagħhom.  Meta l-missier ra li ibnu Vinċens kien inklinat ħafna lejn l-istudju, iddeċieda li jedukah, u bagħtu jistudja f’kulleġġ immexxi mill-Franġiskani.

 

Meta Vinċens kien qed jistudja, laqa’ talba ta’ wieħed sinjur mid-distrett biex ikun l-għalliem privat ta’ wliedu.  Hekk ma baqax iktar ta’ piż finanzjarju fuq missieru.

 

Fl-1596 daħal l-Universita’ ta’ Toulouse biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija.  Fl-1600 sar saċerdot u baqa’ jistudja sal-1605, meta telaq lejn Marsilja biex jiġbor somma ġmielha ta’ flus li kienet imħollija lilu.  Hu u ġej lura bil-baħar, il-pirati qabżu fuq il-ġifen tiegħu, u lilu ħaduh Tunes.  Hemm dam madwar sentejn u qeda tliet sidien bħala lsir, l-aħħar wieħed kien apostata, minn Nisrani sar Mawmettan.  Bl-eżempju tal-ħajja tajba tiegħu Vinċens ħajru jerġa jsir Nisrani, u flimkien miegħu ħarab minn Tunes.  Wara mawra qasira f’Ruma rritorna Franza fl-1607.

 

Mar Pariġi u hemm iltaqa’ ma’ Monsinjur de Berulle li wara nħatar Kardinal, u fuq il-parir tiegħu sar Kapillan ta’ Clinchy, raħal żgħir qrib il-belt, fl-1611.  Fl-istess waqt kien ukoll kappillan tar-Reġina Margerita ta’ Valois, u għalliem privat ta’ wlied il-Konti de Gondi li kien Ġeneral tax-xwieni kollha ta’ Franza.

 

Fl-1617 beda jippriedka l-missjonijiet.  Darba meta kien f’raħal, sama’ l-aħħar qrara ta’ wieħed fqir qabel miet, u ntebaħ kemm il-fqar ta’ Franza kellhom bżonn min jieħu ħsiebhom.  Minn dak in-nhar intefa’ b’ruħu u b’ġismu jaħdem għall-fqar, fil-ħabsijiet, fl-isptarijiet u fost l-ilsiera tax-xwieni.  Fl-1619 inħatar uffiċjalment bħala Kappillan ta’ l-ilsiera tax-xwieni.

 

Fl-1625 waqqaf il-”Kongregazzjoni tal-Missjoni” li l-membri tagħha saru magħrufa bħala ”Lazzaristi” minħabba li l-kunvent li kien qed iservi saru bħala d-Dar Ċentrali kien iġib l-isem ta’ San Lazzru ”Saint Lazare”, f’Pariġi.

 

Bil-għajnuna ta’ Santa Louise de Marillac waqqaf il-”Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karita’” li l-”Kappella tagħhom kienet il-knisja parrokkjali u l-kunvent tagħhom kien fil-”wards” tal-morda fl-isptarijiet u fit-toroq mal-fqar”.

 

Bil-għajnuna tal-membri ta’ dawn il-kongregazzjonijiet huwa waqqaf orfanatrofji għas-subien u għall-bniet, sptarijiet, djar għall-kura tal-mard tal-moħħ, u rnexxielu jifdi iktar minn 1,200 ilsir fTunes u fl-Alġier.

 

Kien bniedem li jġib il-ferħ kull fejn jersaq.  Kien sensittiv ħafna għall-bżonnijiet ta’ l-oħrajn.  Is-sabiħa hi li ma kienx hekk minn dejjem anzi kif jgħid hu stess kellu jissielet bis-sħiħ biex jirbaħ it-temperament supperv, żorr u aħrax li kellu.

 

San Vinċens miet fis-27 ta’ Settembru 1660.  Il-Papa Klement XII niżżel ismu fil-lista tal-Qaddisin.  Il-Papa Ljun XIII ħatru Patrun ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Karita’ tal-Knisja.

 

Ħsieb

Stinka biex tkun kuntent ukoll meta ssib ruħek imdawwar b’ħafna affarijiet li jikkaġunaw l-iskuntentizza.  Oqgħod attent li ma taħkmekx l-għira għax din teqred l-imħabba fraterna.                                         (Minn ittra ta’ San Vinċens de Paul)

 

 

 

 

 

 

 

28 TA’ SETTEMBRU

 

SAN VINĊENSLAW

Martri: 907 – 929

 

San Vinċens twieled ħdejn Praga, Ċekoslavakja, fis-sena 907.  Missieru Ratislav, Duka ta’ Bohemja, kien nisrani, waqt li ommu Drahomira, għalkemm kienet ikkonvertiet mill-paganiżmu baqgħet pagana f’qalbha.

Fortunatament, Vinċeslaw trabba man-nanna tiegħu, Santa Ludmilla li edukatu u tellgħetu bħala nisrani.

 

Meta kien għadu żagħżugħ ta’ madwar 13-il sena, missieru miet jitqabad kontra l-Maġjari (Ungeriżi), u ommu saret Reġġenti, u bdiet persekuzzjoni kontra l-Insara.  Fost affarijiet oħra, keċċiet lill-qassisin u lis-sorijiet li ma kinux mill-pajjiż, ipprojbiet it-tagħlim tar-Reliġjon nisranija barra minn ġol-knejjes, u nsistiet li binha Vinċeslaw ma jibqax nisrani, għalkemm hu ssaħħaħ iktar fil-fidi.

 

Meta Santa Ludmilla bdiet tħeġġeġ lil Vinċeslaw biex jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh malli jkollu l-eta’, għax hu ma kienx inklinat li jagħmel hekk, ġiet assasinata fis-sena 921.

 

Fis-sena 925, Vinċeslaw għalaq it-tmintax-il sena, u ħa l-gvern f’idejh.  Malajr beda jaħdem b’ħiltu kollha biex jgħaqqad il-poplu tiegħu kollu fir-Reliġjon Nisranija, u waqqaf relazzjoni tajba ma’ l-Imperatur Enriku I tal-Ġermanja.

 

Din il-politika tiegħu favur ir-reliġjon nisranija, u ta’ ħbiberija mal-Ġermanja, qajmet partit kontrieh.  Fl-istess waqt, meta ħuh Boleslaw, ra li kien tilef iċ-ċans li jieħu t-tmexxija tal-pajjiż kollu f’idejh, ftiehem mal-partit kuntrarju, u beda jikkonfoffa biex joqtol lil Vinċeslaw .  Boleslaw trabba ma’ ommu li tant kienet influwenzatu u bħalha tela’ b’mibegħda kontra l-Insara.

 

Boleslaw stieden lil San Vinċeslaw biex imorru f’Boleslava ħalli jiċċelebraw il-festa tal-Qaddisin protetturi, San Kosma u San Damjan.  Vinċeslaw laqa’ l-istedina u mar.  Meta filgħodu Vinċeslaw kien fi triqtu lejn il-knisja biex jisma’ quddiesa, Boleslaw, bi grupp ta’ nies miegħu, qabeż fuqu u qatlu, fl-20 ta’ Settembru 929.

 

San Vinċeslaw miet fil-bieb tal-knisja bil-kelmiet fuq fommu: ”Ħi, il-Mulej jaħfirlek”.  Kellu 22 sena.

 

Tliet snin wara, Boleslaw nidem, u difen bl-unuri kollha l-ġisem ta’ ħuh Vinċeslaw fil-knisja ta’ San Vitu, fi Praga, waħda mill-knejjes li l-Qaddis stess kien bena.

 

San Vinċeslaw huwa l-Patrun taċ-Ċekoslovakkja.

 

 

 

 

Ħsieb

Kull min għandu d-dritt li jagħżel lil min imexxi l-pajjiż, għandu d-dmir li jagħżel l-aħjar nies li mhux biss individwalment, iżda wkoll l-organizzazzjoni li huma jkunu mseħbin fiha, ikollhom prinċipji jaqblu mal-Vanġelu.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

28 TA’ SETTEMBRU

 

SAN LAWRENZ RUIZ U SĦABU

Martri: 1633 – 1637

 

San Lawrenz Ruiz u ħmistax oħra xerrdu demmhom għal Kristu f’Nagasaki, il-Ġappun, bejn l-1633 u l-1637.  Ġew ibbeatifikati flimkien mill-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-1981, f’Manila, il-Filippini.  Iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni tagħhom kienet l-ewwel waħda fl-istorja li qatt saret barra minn Ruma.  Ħames snin wara ġew ikkanonizzati.

 

Lawrenz twieled f’Binondo, illum parti minn Manila, minn missier Ċiniż u omm Filippina.  Sa minn tfulitu tela’ mal-patrijiet Dumnikani.  Meta kiber sar kaligrafista.  Iżżewweġ u kellu żewġ subien u tifla.  Kien raġel twajjeb, membru tal-konfraternita Dumnikana tar-Rużarju Mqaddes.  Fl-1636 wara li kien involut f’dak li deher bħala każ kriminali, iddeċieda li jaħrab mill-pajjiż.  Fuq il-bastiment iltaqa’ ma’ xi missjunarji li kienu sejrin il-Ġappun bil-moħbi, u ngħaqad magħhom.  Ftit xhur wara, flimkien ma’ l-istess missjunarji, ġie arrestat, mitfugħ il-ħabs, ittorturat u maqtul.  Meta l-aħbar tal-mewt tiegħu waslet Manila, in-nies daqqew il-qniepen tal-knejjes u kantaw it-Te Deum.

 

Domingo Ibanez de Erquicia kien Patri Dumnikan Spanjol ta’ 44 sena meta sofra l-martirju fil-Ġappun fl-1633 b’torturi ħorox.

 

Franġisku Shoyemon kien reliġjuż Dumnikan Ġappuniż jgħin lill-patri Domingo u sofra l-martirju flimkien miegħu.

 

Ġakbu Kyushu kien patri Dumnika Spanjol ta’ 51 sena meta miet martri, fl-1633.

 

Mikiel Kurobioye kien katekista Ġappuniż jgħin lill-patri Ġakbu.  Kien hu li tradixxa lill-patri Ġakbu, iżda wara nidem u miet martri miegħu.

 

Luqa ta’ l-Ispirtu s-Santu kien patri Dumnikan Spanjol ta’ 39 sena meta miet martri b’torturi ħorox, fl-1633.

 

Mattew Kohibye kien reliġjuż Dumnikan Ġappuniż ta’ 18-il sena meta miet martri ma’ patri Luqa.

 

Maddalena ta’ Nagasaki kienet soru Ġappuniża ta’ 24 sena meta mietet martri mdendla ma’ salib, fl-1634.

 

Giordano Arsaloma kien patri Dumnikan Taljan ta’ 36 sena meta miet martri mdendel ma’ salib, fl-1634.

 

Tumas Hibji kien patri Dumnikan Ġappuniż ta’ 44 sena meta miet martri wara li dam sebat ijiem imdendel ma’ salib, fl-1634.

 

Marina ta’ Omura kienet soru Ġappuniża li mietet martri mdendla ma’ salib, fl-1634.

 

Anton Gonzalez kien Patri Dumnikan Spanjol ta’ 44 sena meta miet martri bis-swat fl-1637.

 

Guillaume Courtet kien Patri Dumnikan Franċiż ta’ 47 sena meta miet martri wara li dam tlett ijiem imdendel ma’ salib.

 

Miguel de Aozoraza kien Patri Dumnikan Spanjol ta’ 38 sena meta miet martri bil-qtugħ tar-ras wara li kien ilu tlett ijiem imdendel ma’ salib.

 

Vinċenz Shiwozuka kien patri Dumnikan Ġappuniż li għall-ewwel ċaħad il-Fidi iżda mbagħad raġa’ ħaddanha u miet bil-qtugħ tar-ras wara li kien ilu tlett ijiem imdendel ma’ salib.

 

Lawrenz ta’ Kyoto kien lajk Ġappuniż li għall-ewwel ċaħad il-Fidi, iżda ma damx ma raġa’ ħaddanha u miet imdendel ma’ salib.

 

Ħsieb

”Jien nisrani u miniex ser niċħad il-fidi nisranija biex insalva ħajti.  Bi ħsiebni mmut għal Alla, u għal Alla lest li nagħti mhux biss din il-ħajja li għandi iżda bosta eluf ta’ ħajjiet li kieku seta’ jkolli”.           

(Dan il-kliem qalu San Lawrenz lil min kien qed jikkundannah għall-mewt)

 

 

 

 

 

 

 

29 TA’ SETTEMBRU

 

L-ARKANĠLI MQADDSA, MIKIEL, GABRIJEL U RAFEL

 

l-Iskrittura titkellem mill-anġli bħala l-ministri ta’ Alla li wasslu l-messaġġi tiegħu lill-bnedmin.

 

L-Arkanġli huma t-tieni mill-aħħar fost id-disa’ kori ta’ l-anġli – Serafini, Kerubini, Troni, Dominazzjoni, Virtujiet, Qawwiet, Prinċipati, Arkanġli u Anġli.

 

Fl-Iskrittura nsibu lil San Mikiel miżmum bħala l-Anġlu kustodju ta’ Israel (Dan. 12:1).  L-isem Mikiel ifisser: ”Min hu bħal Alla”.  Sa minn żmien l-appostli, san Mikiel inħatar bħala l-Patrun u l-Protettur tal-Knisja (Apok. 12:7).  Is-Santi Padri Griegi poġġewh bħala l-rinċep tas-Serafini.

 

 

Gabrijel ifisser ”Alla wera lilu nnifsu l-Qawwi”.  Fl-Iskrittura nsibu ismu fil-ktieb ta’ Danjel (Dan. 9:21-27), meta għarraf lil Danjel il-profezija tas-seba’ ġimgħat; fil-Vanġelu, meta ħabbar lil Żakkarija t-twelid ta’ san Ġwann il-Battista (Lq. 1:11); u meta ħabbar lil Marija li kienet ser tnissel Iben bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu (Lq. 1:26).

 

 

Rafel ifiseer ”Alla fejjaq”.  Insibu ismu fil-ktieb ta’ Tobit fejn narawh jiggwida lil Tobija fil-vjaġġ tiegħu, u fejjaq lil misssier Tobit li kien agħma.  Hu stess stqarr: ”Jien Rafel, wieħed mis-seba’ anġli li qegħdin quddiem il-maesta’ tal-Mulej” (Tob. 12:15).

 

 

Ħsieb

O Alla, int ordnajt lill-anġli tiegħek biex iħarsuna fi triqatna kollha:  mexxina llum fil-mogħdijiet tiegħek.  U intom anġli kollha, bierku l-Mulej.   

(Mill-Preċi ta’ Sbiħ il-Jum)

 

 

 

 

 

 

30 TA’ SETTEMBRU

 

SAN ĠILORMU

Saċerdot u Duttur tal-Knisja: 340-345 - 420

 

San Ġilormu twieled bejn is-snin 340-345, minn ġenituri għonja nsara, fi Stridonju, qrib Akwileja, mhux ’il bogħod minn Trieste, mal-fruntiera tad-Dalmazja (Jugoslavja).

 

Il-ġenituri tiegħu bagħtuh Ruma biex jistudja taħt il-famuż għalliem Donatu.  Tħarreġ sew fil-Grieg u fil-Latin.

 

F’madwar is-sena 360 tgħammed minn idejn il-Papa San Liberju.  Billi kien tal-fehma li biex wieħed jikber fil-għerf ried bilfors jivvjaġġja, ħalla Ruma u mar idur ma’ l-Imperu Ruman, fejn iltaqa’ ma’ ħafna persuni prominenti, sakemm waqaf f’Akwileja għall-ħabta tas-sena 370.

 

Fis-sena 374 telaq lejn l-Orjent fejn wara ħafna ġiri wasal Antjokja.  Wara ftit mar f’deżert fil-qrib, Kalċide, jgħix ħajja ta’ eremita.  Fl-istess waqt beda jistudja l-Ebrajk mingħand għalliem Lhudi.

 

Wara xi sentejn raġa’ lura lejn Antjokja, fejn l-Isqof An Pawlinu ordnah saċerdot, għad li hu xtaq li jibqa’ kif kien (x’aktarx li qatt ma qaddes).

 

Minn Antjokja mar Kostantinopli fejn beda jistudja l-Iskrittura Mqaddsa mingħand San Girgor Nazjanzenu, u fis-sena 382, telaq lejn Ruma.

 

F’Ruma il-Papa San Damasu I ħatru segretarju tiegħu.  F’din il-kariga beda dak li fuq medda ta’ tletin sena kellu jsir ix-xogħol monumentali tiegħu, il-Vulgata.  Kien ukoll il-mexxej spiritwali ta’ bosta nisa twajbin rumani, fosthom Santa Pawla.

 

Ftit wara l-mewt tal-Papa Damasu (Diċembru 384), Ġilormu erħielha lejn l-Art Mqaddsa fejn wasal fis-sena 386.  Hawn bena monasteru għall-irġiel, ieħor għan-nisa, u ieħor biex jilqa’ l-pellegrini fih halli jekk Marija u Ġużeppi jerġgħu jiġu jżuru Betlem, isibu post ta’ kenn.  Hu mar jgħix f’għar fil-qrib imħejji apposta għalih.

 

Meta Alariku għamel ħerba minn Ruma, ħafna mill-Insara ħarbu u marru Betlem.  Ġilormu ħadem bla serħan biex jgħinhom.

 

Kiteb opri ta’ għerf kbir fuq il-Bibbja, it-traduzzjoni tat-Testment il-Qadim mill-Ebrajk għal-Latin, u tat-Testment il-Ġdid mill-Grieg, kummentarji fuq il-biċċa l-kbira taż-żewġ Testmenti.  Barra minn hekk, ma kienx hemm ereżija fi żmienu li hu ma kkumbattihiex bl-aħrax, fost l-oħrajn, id-difiża tax-xbubija perpetwa ta’ Marija. L-qima tar-relikwi tal-martri, iċ-ċelebat tal-kleru.

 

San Ġilormu miet f’Betlem fit-30 ta’ Settembru 420.  wara marda twila.  Difnuh fil-monasteru tiegħu, f’Betlem.  Wara xi żmien, il-fdal ta’ ġismu ttieħed Ruma fejn illum jinsab midfun fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore.

 

Ħsieb

”Ix-xemx maż-żernieq ta’ filgħodu għandha ssibek bil-ktieb ta’ l-Iskrittura Mqaddsa f’ħoġrok, u filghaxija n-ngħas jieħdok waqt li inti żżomm miftuħ quddiemek dan il-ktieb għażiż, u l-paġna qaddisa tilqagħlek wiċċek waqt li tongħos bin-ngħas fuqha” (San Ġilormu)