QADDISIN GĦAL OTTUBRU 

1 TA’ OTTUBRU

 

SANTA TEREŻA TAL-BAMBIN ĠESÙ - Verġni: 1873 – 1897

 

Marie-Francoise-Therese Martin twieldet fit-2 ta’ Jannar, 1873, f’Alencon, Franza.  Kienet l-iżgħar fost disa’ aħwa, erbgħa minnhom mietu żgħar, il-ħamsa l-oħra li kienu bniet, waħda wara l-oħra, daħlu sorijiet, tlieta minnhom, fosthom Tereża, mal-Karmelitani.

 

Missierha kellu daqxejn ta’ negozju tal-ġojjelli u ommha kienet taħdem il-bizzilla.

 

Meta kellha erba’ snin u nofs tilfet ’l ommha u t-telfa tagħha ħassitha ħafna u baqgħet tħossha sew għal tmien snin, avolja waħda miz-zijiet tagħha u żewġ ħutha l-kbar kienu jieħdu ħsiebha ħafna.  Wara l-mewt ta’ ommha, missierha ħa l-familja f’Lisieux.

 

Ta’ tlettax-il sena, Tereża bdiet tħoss ħerqa kbira li tmur għall-missjoni.  Hija żiedet fil-ħin tat-talb u bdiet titħajjar tidħol mas-sorijiet Karmelitani f’Lisieux, fejn ħutha l-kbar Marija u Pawlina kienu ġa daħlu.

 

B’permess speċjali, Tereża daħlet mal-Karmelitani fid-9 ta’ April 1888, u pprofessat fit-8 ta’ Settembru 1890, ta’ 17-il sena.

 

Fit-tmien snin li ġew wara, jiġifieri sakemm mietet, hija għexet ħajja ta’ talb, u tagħmel id-doveri tagħha bl-ikbar fedelta’ u mħabba.  Qatt ma gemgmet, qatt ma lmintat, qatt ma kkritikat, qatt ma wżat kliem  iebes.  Kienet taf iżżomm is-skiet, kienet kapaċi ssofri, kienet taf iżżomm kalma, iżda din l-attitudni tagħha kienet tfawwrilha qalbha bil-paċi u bil-ferħ.

 

Hija saret il-Majjistra tan-Novizzi fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha.

 

Mietet fit-30 ta’ Settembru 1897, bil-marda tat-tuberkulosi, meta kellha 24 sena u 9 xhur.

 

L-awtobijografija tagħha, ”l-Istorja ta’ Ruħ” li hi kitbet b’ubbidjenza tal-konfessur, irrevelat lid-dinja s-sbuħija meraviljuża tal-ħajja interjuri li fil-kas tagħha lanqas is-sorijiet sħabha ma kienu ndunaw biha.

 

Kienet ikkanonizzata mill-Papa Piju XI, fis-17 ta’ Mejju 1925.

 

Flimkien ma’ San Franġisk Saverju, hija l-Patruna tal-Missjonijiet.

 

Ħsieb

Santa Tereża hija wieħed mill-eżempji kbar tal-paradoss tal-Vanġelu li aħna nakkwistaw ħajjitna billi nitilfuha, u li ż-żerriegħa li taqa’ fil-ħamrija trid tmut biex tgħix.  L-għaxqa tagħha tinsa lilha nnifisha biex tikkontempla ’l Alla, jew twarrab ħtiġijietha biex taqdi ’l oħrajn.  Nistgħu aħna nissejħu paradossi bħalha, jekk mhux kbar almenu żgħar?

 

 

 

 

2 TA’ OTTUBRU

 

L-ANĠLI KUSTODJI MQADDSA

 

Il-Knisja tgħallimna li l-anġli kienu l-ewwel ħolqien ta’ Alla, kreaturi spiritwali, bi spirtu safi, bla ġisem, u ferm aktar superjuri mill-bnedmin fid-doni naturali.

 

Kemm l-Antik u kemm il-Ġdid Testment jagħtuna ħjiel li lill kull bniedem li jidħol f’din id-dinja, Alla jassenjalu anġlu kostodju biex jieħu ħsiebu.

 

”Hu jibgħatlek l-anġli tiegħu, u jħarsuk fi triqatek kollha” (Salm. 91:11).

 

Ġesù sejjaħ ħdejh tifel ċkejken u wissiena biex ma nagħtux eżempju ħażin liż-żgħar, għax l-anġli tagħhom jitolbu ħaqq minn Alla kontra minn jiskandalizzahom (Mt. 18:10).

 

Imissna kuljum preċett nirringrazzjaw lill-Anġlu Kustodju tagħna, u nitolbuh ikompli jgħinna.  M’għandniex nonqsu li nagħmlu hekk b’mod speċjali llum.

 

Talba

Lill-Anġlu li jħarisna:  Anġlu ta’ Alla, illi fit-tjubija tiegħu Alla tani biex tħarisni, iftaħli moħħi, ħarisni, żommni u mexxini f’dan il-jum.  Amen.

 

 

 

 

 

 

 

4 TA’ OTTUBRU

 

SAN FRAĠISK TA’ ASSISI - Djaknu: 1182 – 1226

 

San Franġisk twieled f’Assisi fl-1182, meta missieru kien barra l-pajjiż.  Ommu semmietu Ġwanni.  Iżda meta missieru li kien kummerċjant għani tad-drappijiet ġie lura, sejjaħlu ”Franġisk” għal Franza li hu tant kien iħobb.

 

Franġisku tela’ jgawdi mis-suċċess ta’ missieru, u għalhekk kellu ikel, ilbies, divertiment u ħajja soċjali mill-aħjar.

 

Il-ġibda għall-avventura qanqlitu biex jieħu sehem fi gwerer li dak iż-żmien kienu jinqalgħu bejn l-ibliet u bejn ir-reġjuni ta’ l-Italja.

 

Darba waħda, fl-1205, kien sejjer biex jieħu sehem f’talja, iżda hekk kif wasal fi Spoleto marad, u ma setax ikompli fi triqtu.  Meta kien marid sama’ xi jgħidlu: ”Aqdi lill-Imgħallem u mhux lill-qaddej”.

 

Meta rritorna f’Assisi għamel bidla kbira fih, hekk li meta ltaqa ma’ lebbruż għannqu miegħu u tah karita’.  Beda jkun iktar miġbur u jitlob, iżur il-morda u jgħin lill-fqar.

 

Ġurnata waħda fl-1206, kien qed  jitlob quddiem kurċifiss fi knisja żgħira abbandunata fil-kampanja, ta’ San Damjan, u sama’ leħen jgħidlu: ”Franġisku, sewwi l-Knisja tiegħi li qed tiġġarraf”.  Ma biegħ dak li kellu, u beda jiġbor biex isewwi l-ħsarat li kien hemm fi tliet knejjes żgħar, ta’ San Damjan, ta’ San Pietru u dik tal-Porzjunkola ddedikata lil Santa Marija ta’ l-Anġli.

 

Meta missieru rah jgħix f’dik il-ħajja sejjaħlu quddiem l-Isqof u nsista miegħu biex jibdel ħajtu inkella ma jkollux x’jaqsam iktar miegħu.  San Franġisk neħħa ħwejġu minn fuqu tahom lil missieru u qal: ” Sa issa sejjaħtlek missier; mil-lum ’il quddiem nibda ngħid ’Missierna li inti fis-smewwiet.”

 

Fl-1208, meta kien fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli sama’ l-qari tal-Vanġelu (Mt. 10:7-10) u ħass li dawk il-kelmiet kienu għalih.  Mar libes ċoqqa griża fqira li rabat b’ħabel ma’ qaddu u beda jimxi ħafi.

 

Xi żgħażagħ bdew jingħaqdu miegħu biex jgħixu l-istess ħajja li kien qed jgħix hu, u fl-1209, meta kienu tnax ħadhom Ruma, u l-Papa Innoċenzu III tahom l-approvazzjoni tiegħu.  Hekk beda l-Ordni tiegħu tal-”Fati Minori”.

 

Fl-1212, bil-għajnuna ta’ Santa Klara waqqaf it-tieni Ordni li kien dak tas-sorijiet li ġew imsejjħa Klarissi.

 

Fl-1219, bagħat l-ewwel missjunarji f’Tunes u l-Marokk.  Hu mar fl-Art Imqaddsa u fl-Eġittu fejn ippriedka lis-Sultan ta’ l-Eġittu Malek al-Kamil bla ma rnexxielu jikkonvertih.

 

Fl-1220 raġa’ lura l-Italja, u meta kien Firenze waqqaf it-Tielet Ordni tal-Penitenti, it-Terzjarji Franġiskani.

 

Fl-24 ta’ Diċembru 1223 laqqa’ xi nies u għamel presepju ħaj li għalkemm ma kienx l-ewwel presepju li sar, iżda b’hekk San Franġisk qanqal l-imħabba tan-nies lejn il-presepju.

 

Fil-festa tas-Salib, ta’ Settembru 1224. daħal f’estasi waqt li kien qed jimmedita fuq il-passjoni u t-tbaqtija ta’ Kristu, u rċieva l-pjagi ta’ Ġesù magħrufa bħala l-istigmata.

 

San Franġisk li minħabba l-mard kien kważi tilef id-dawl ta’ għajnejh, miet meta kellu biss qrib il-45 sena, fit-3 ta’ Ottubru 1226, filgħaxija, waqt li kienet qed tinqara l-ġrajja tal-Passjoni ta’ Ġesù mill-Vanġelu ta’ San Ġwann.  San Franġisk imqanqal mill-umilta’ tiegħu qatt ma aċċetta li jsir saċerdot.

 

Il-Papa Benedittu XV ipproklamah: ”L-iktar xbieha perfetta ta’ Ġesù li qatt għexet”.

 

Ħsieb

San Franġisk ma kienx ta’ l-idea li l-Insara jirbħu lil Musulmani bis-suldati, bil-gwerer u bil-ġlied, iżda bil-messaġġiera tal-paċi, bil-missjunarji.  Filfatt hu mhux biss bagħat l-ewwel missjunarji fl-artijiet Musulmani, iżda hu stess mar ukoll.  Fil-konfronti li jkollna ma’ l-oħrajn kif inġibu ruħna?  Bil-ġlied, bil-vjolenza, jew bid-djalogu u l-ftehim?

 

 

 

 

6 TA’ OTTUBRU

 

SAN BRUNO - Saċerdot: 1035? – 1101

 

San Bruno twieled f’Koln, il-Ġermanja, għall-ħabta ta’ l-1035, minn familja nobbli.  Ġie edukat f’waħda mill-aħjar skejjel ta’ dak iż-żmien, fl-iskola tal-katidral ta’ Rheims.

 

Meta rritorna f’Koln fl-1048, beda jistudja t-teoloġija.  Fl-1055 ġie ordnat saċerdot.  Huwa sar Kanonku fil-knisja Kolleġġjata ta’ San Kunibert, u fl-1056 mar lura Rheims biex jgħallem it-teoloġija.  Fl-1074, ġie maħtur Kanċillier mill-Arċisqof Manasses ta’ Rheims, u beda jfittex li jirriforma l-kleru u jwaqqaf l-abbużi.

 

Fl-1082, Bruno iddeċieda li jħalli minn Kanċillier u kollox u jmur jinġabar f’ħajja maqtugħ mid-dinja, u hekk flimkien ma’ żewġt iħbieb telaq minn Rheims.  Hu mar f’Seche-Fontaine fejn għex ħajja ta’ solitudni u talb taħt it-tmexxija ta’ l-Abbati San Robertu.  Fl-1084, mar fi Grenoble flimkien ma sitta minn sħabu.  L-Isqof ta’ Grenoble, San Ugo, tah il-wied ta’ Chartreuse, fejn San Bruno u sħabu bnew oratorju li kellu jkun il-bidu ta’ l-Ordni Kartużjan.

 

Fl-1090, il-Papa Urbanu II, li Bruno kien għallmu bħala student, sejjaħ lill-għalliem tiegħu biex ikun kunsulier tiegħu.  F’Ruma, Bruno ma aċċetta l-ebda unuri ekkleżjastiċi, l-anqas li jkun Isqof ta’ Reggio.  Meta l-Papa kellu jaħrab minn Ruma, hu mar miegħu.  Hu xtaq jgħix ħajja f’għaqda kbira ma’ Alla, u baqa’ sakemm irtira f’Calabria fejn waqqaf żewġ eremitaġġi oħra, ta’ Santa Marija u ta’ San Stiefnu.

 

Miet fi Squillace, Calabria, fis-6 ta’ Ottubru 1101.  Huwa qatt ma ġie kkanonizzat formalment għax il-Kartużjani huma kontra kull pubbliċita’.  Fl-1623, il-Papa Girgor XV estenda l-festa tiegħu fid-dinja kollha.

 

Ħsieb

Il-membri ta’ l-Ordni tal-Kartużjani jiddedikaw ruħhom totalment għall-ħajja ta’ kontemplazzjoni u jqattgħu l-parti l-kbira ta’ ħajjithom billi jagħtu lilhom infushom lil Alla fis-solitudni, fis-silenzju, fit-talb u fil-mortifikazzjoni.  Naħsbu ftit u naraw kemm mill-24 siegħa tal-jum inqattgħu f’għaqda bħal din ma’ Alla!

 

 

 

 

 

 

7 TA’ OTTUBRU

 

IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAR-RUŻARJU

 

Fis-7 ta’ Ottubru 1571, il-flotta navali ta’ l-Insara taħt il-kmand ta’ Don Juan ta’ l-Awstrija għamlet rebħa kbira kontra t-Torok, f’Lepanto.

 

L-Insara, ibda minn Don Juan stess, attribwew din ir-rebħa kbira lill-għajnuna li l-Madonna tathom wara li daru lejha bit-talb tar-rużarju.

Bħala ringrazzjament lill-Madonna, il-Papa ta’ dak iż-żmien li tant ħadem għal dik ir-rebħa, San Piju V, dak li kien hekk ġeneruż ma’ Malta wara l-Assedju l-Kbir, waqqaf festa annwali bl-isem ta’ ”Il-Madonna tal-Vitorja”.  Sentejn wara, Il-Papa Girgor XIII li laħaq wara Piju V, bidel l-isem tal-festa f’”Madonna tar-Rużarju”, u ffissha għall-ewwel Ħadd ta’ Ottubru.  Il-Papa Klement XII daħħalha fil-Kalendarju tal-Knisja Universali.

 

Il-Papa San Piju X iffissa d-data tal-festa fis-7 ta’ Ottubru. Il-jum li fih seħħet ir-rebħa ta’ Lepanto.

 

Meta saret il-battalja ta’ Lepanto, id-Dumnikani f’Malta ġa kellhom fratellanza tar-Rużarju fil-knisja tagħhom fil-irgu.  Id-Dumnikani ħabirku ħafna għat-tixrid tar-Rużarju f’pajjiżna u waqqfu fratellanzi li minn ta’ l-ewwel daħħlu l-istatwi fil-purċissjonijiet tagħna.

 

Ir-Rużarju hu talba li skond tradizzjoni, il-Madonna rrivelat lil San Duminku, fil-bidu tas-seklu tlettax, u hu waħda mill-isbaħ devozzjonijiet lejn il-Madonna.

 

Ir-reċita tar-Rużarju tgħinna nimmeditaw il-misteri fil-ħajja ta’ Sidna Ġesu Kristu f’għaqda ma’ Marija li kienet hekk qrib tiegħu f’ħajtu, fil-passjoni u fil-qawmien tiegħu mill-imwiet.

 

Il-Papa Ljun XIII żied it-titolu ”Sultana tar-Rużarju Mqaddes” fil-Litanija tal-Madonna.

 

Ħsieb

Min jaf kemm ġid sar permezz tar-Rużarju!  Kemm nies għamlu mewta tajba, kemm nies biddlu ħajjithom, kemm grazzi nqalgħu!  Ngħidu r-Rużarju bil-qalb u kif jixraq, kuljum.

 

 

 

 

 

 

 

9 TA’ OTTUBRU

 

SAN DJONISJU - Isqof u Martri u Sħabu Martri: ? – 258

 

Skond tradizzjoni, San Djonisju, magħruf ukoll bħala San Denis, twieled l-Italja.

 

Għall-ħabta tas-sena 250 mar Franza flimkien ma’ sitta minn sħabu, u sar l-ewwel Isqof ta’ Pariġi, u flimkien ma’ San Rustiku, qassis, u mad-djaknu San Elewterju, ħa l-martirju mhux ’il bogħod minn Pariġi.

 

It-tradizzjoni tgħid li l-ħidma tagħhom biex jikkonvertu lin-nies għall-Kristjaneżmu kienet tant effettiva li l-qassisin pagani instigaw lill-Gvernatur ruman biex jarrestahom.  Wara li żammewhom żmien twil fil-ħabs, qatluhom bil-qtugħ tar-ras, u tefgħu ġisimhom fix-xmara Siene, fis-sena 258.  Katulla, mara nisranija, ħadet l-iġsma tagħhom u difnithom qrib il-post fejn inqatlu.  L-Insara bnew daqxejn ta’ knisja fuq qabarhom, u biż-żmien inbniet l-abbazija famuża ta’ Saint-Denis, fejn huma miżmuma r-relikwi ta’ dawn it-tliet Qaddisin, u fejn ukoll, għal żmien twil kienu jindifnu s-Slaten ta’ Franza.

 

Fl-arti jġibu lil San Djonisju bħala Isqof qed iżomm rasu f’idejh, għax hemm leġġenda li tgħid li hu sofra l-martirju f’Montmartre (Għolja tal-Martri), Pariġi, u minn hemm mexa b’rasu f’idejh lejn il-post fejn illum hemm l-abbazija li ġġib ismu.

 

Ħsieb

”Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu l-leħen ta’ Bin il-Bniedem u joħorġu: dawk li jkunu għamlu t-tajjebiqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu ħażin iqumu għall-kundanna.”  (Ġn. V: 28-29)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

9 TA’ OTTUBRU

 

SAN ĠWANN LEONARDI Saċerdot: 1541 – 1609

 

San Ġwann twieled f’Lucca, l-Italja, fl-1541.

 

Fi tfulitu. Il-Konċilju Vatikan I kien qed jipprepara riformi kbar li kellhom jinfluwenzaw il-futur tal-Knisja Kattolika.

 

Kien żagħżugħ reliġjuż ħafna, u waqt li kien jaħdem ma’ spiżjar kien ukoll jistudja waħdu biex isir saċerdot.

 

Ordna saċerdot fl-1572, u beda jżur il-morda fl-isptarijiet, u l-ħabsin fil-ħabsijiet biex jgħinhom u jfarraġhom bl-aħjar mod li seta’.  Ġabar miegħu bosta żgħażagħ, anki ta’ familji għonja, li bosta minnhom saru saċerdoti.  Waqqaf Komunita’ ta’ saċerdoti bil-għan prinċipali li jgħallmu l-Katekiżmu li jfissruh b’mod sempliċi lill-fidili kollha hekk kif il-Konċilju Vatikan kien irrikmanda li jsir.  Din il-Komunita’ ħadet l-isem ta’ Kjeriċi Regulari ta’ l-Omm t’Alla, u ġiet magħrufa uffiċjalment mill-Knisja permezz tal-Papa Klement VIII fl-1595.

 

Fl-1579, San Ġwann waqqaf il-Konfraternita tad-Duttrina Nisranija, kiteb ktieb fuq id-Duttrina Nisranija, li baqa’ jintuża għal bosta snin wara, u beda jħarreġ il-lajċi biex jgħallmu r-reliġjon.

 

F’Ruma fetaħ seminarju biex iħarreġ qassisin għall-missjoni.  Fl-1609, l-isforzi tiegħu wasslu biex jinfetaħ il-Kulleġġ tal-Propagazzjoni tal-Fidi li ħarrġet eluf ta’ saċerdoti biex imorru jaħdmu fl-artijiet tal-missjoni.

 

San Ġwann miet fid-9 ta’ Ottubru 1609, vittma ta’ l-epidemija tal-pesta, meta kien qed idur b’dawk li kienu jimirdu bil-marda.

 

Il-Papa Piju XI, fl-1938, ikkanonizzah Qaddis.

Ħsieb

”Jiena wieħed waħdi!  Għalfejn għandi nagħmel xi ħaġa?  X’ġid nista’ nagħmel?”  It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet hija din:  Fil-ħajja ta’ kull qaddis ħaġa waħda kienet tispikka bil-qawwi, li wieħed u Alla jagħmlu maġġoranza!  Għalhekk għamlu ħwejjeġ kbar li qatt ma’ ħolmu li kienu kapaċi jagħmlu.  Meta nfittxu ’l Alla, u nħallu ’l Alla jaħdem fina u bina ... u wara nitkellmu!

 

 

 

 

 

 

 

14 TA’ OTTUBRU

 

SAN KALLISTU I

Papa u Martri: ? – 222

 

Jingħad li San Kallistu kien Nisrani Ruman.  F’żogħżitu kien ilsir ta’ Karpoforu, nisrani impjegat fil-qorti imperjali.

 

Karpoforu ħatar lil Kallistu ”Manager” ta’ bank.  Għal xi raġuni, il-bank falla.  Biex isewwi kif sata’ t-telfa, Kallistu mar jitlob lura minn min kellu jagħtih.  Fosthom kien hemm xi Lhud li xlewh bħala nisrani.  Il-maġistrat bagħtu jaħdem fil-minjieri ta’ Sardinja bħala kastig.

 

Inħeles minn ilsir wara talba għall-ħelsien tiegħu li Marcia għamlet lill-Imperatur Kommodu li kien ħabib tagħha.

 

Għal għaxar snin ma nafux x’sar minn Kallistu ħlief li mar jgħammar f’Anzio.

 

Fis-sena 199, il-Papa San Żeferinu sejjaħlu Ruma, ordnah djaknu, u ħatru amministratur tal-ħwejjeġ temporali tal-knisja.  F’din il-kariga, Kallistu ħa ħsieb iċ-Ċimiterju ta’ l-Insara, li kien jinsab fi Triq Appja, probabbilment l-ewwel biċċa art li l-Knisja kellha tagħha.  Dan iċ-ċimiterju għadu jeżisti sal-lum u hu magħruf bħala ċ-”Ċimiterju ta’ San Kallistu” għalkemm il-Qaddis mhux midfun fih.

 

Kallistu żamm sħiħ mal-Papa San Zeferinu, kontr r-rigoruż Ippolitu li wara ħalla lilu nnifsu jsir l-ewwel antipapa fl-istorja tal-Knisja (ara 13 ta’ Awissu).

 

Wara l-mewt ta’ San Zeferinu, Kallistu nħatar Papa, fis-sena 217.  Matul il-papat tiegħu li dam ħames snin u xahrejn, wera li kien Ragħaj għaqli, kuraġġuż u fl-istess ħin ħanin.  Huwa żamm it-tagħlim Kattoliku fuq it-Trinita’, u kkundanna lil Sabellju li ċaħad it-Tliet Persuni fit-Trinita’ Mqaddsa.  Żamm ukoll li kull dnub, kbir kemm ikun kbir, jista’ jinħafer bl-indiema, u kkundanna t-tagħlim kuntrarju li kienu qed ixerrdu Ippolitu u Tertuljanu.  Żamm ukoll iż-żwieġ ta’ l-ilsiera ma’ dawk li ma kinux ilsiera kienu validu avolja l-liġi Rumana kienet tipprojbih.

 

Miet martri fis-sena 222, fi rvell li qam fi Trastevere u difnuh fiċ-Ċimiterju ta’ Kalepodju, fi Trastevere, fit-Triq Aurelia.

 

Uħud huma ta’ l-opinjoni li wkoll mill-ftit li nafu dwaru, San Kallistu jista’ jitniżżel fost il-papiet il-kbar.

 

Ħsieb

Biex inkunu nsara tajbin jeħtieġ li nimxu fit-triq tan-nofs.  La għandna nkunu rigorużi żżejjed u lanqas laxki żżejjed.  Mhux biss min jillaxka żżejjed jista’ jaqa’ fl-ereżija, iżda wkoll min ikun rigoruż iżżejjed.

 

 

 

 

 

 

 

15 TA’ OTTUBRU

 

SANTA TEREŻA TA’ AVILA

Verġni u Duttur tal-Knisja: 1515 – 1582

 

Santa Teresa twieldet f’Avila, Spanja, fit-28 ta’ Marzu, 1515, għand familja sinjura.  Telgħet ta’ natural ħelu u vivaċi.

 

Meta kellha seba’ snin, hi u ħuha iżgħar minnha, wara li qraw xi ħajjiet ta’ qaddisin martri, ġiethom f’moħħhom li jmorru għall-Missjoni biex imutu martri, iżda ma laħqux tbiegħdu wisq mid-dar meta ltaqgħu ma’ zijuhom u ħadhom lura għand ommhom.

 

Meta kellha 12-il sena, ommha mietet.  Tliet snin wara, oħta l-kbira li kienet tieħu ħsieb id-dar iżżewġet, u l-missier daħħal lil Tereża mas-sorijiet Agostinjani.  Wara sena u nofs, mardet, u kellha tmur lura lejn id-dar.  F’dawn is-snin kienet bierda ħafna fir-reliġjon.  Imbagħad f’daqqa waħda fl-1535 iddeċidiet li tidħol Soru mal-Karmelitani li kienu f’Avila.  Missierha għall-ewwel ma ridhiex, iżda mbagħad ċeda.

 

Sena wara li daħlet Soru, ipprofessat.  Imbagħad ġie fuqha żmien twil ta’ mard, u ta’ nixfa fil-ħajja spiritwali.

 

Meta missierha kien marid, hi marret iddur bih.  Il-mewt tiegħu ġabet bidla ġo fiha għax marret tqerr għand il-konfessur tiegħu u dan ordnalha terġa tibda titlob.  Issa kienet qrib l-erbgħin.

 

Imbagħad beda jkollha esperjenzi spiritwali li nafu bihom għax hi niżżlithom b’mod ċar u b’sena l-iktar kbira f’kotba li llum huma meqjusa bħala klassiċi spiritwali: l-”Awtobiografija”, ”Mixja tal-Perfezzjoni”, u ”Il-Kastell Ġewwieni”.

 

Fl-1560 ġieha l-ħsieb li tirriforma l-Ordni tagħha, u ġġedded l-awsterita’ u d-dixxiplina ta’ qabel, u fl-1562, bil-għajnuna ta’ San Pietru ta’ Alkantara, minkejja bosta taħbit u tfixkil, rat l-ewwel erba’ Sorijiet Karmelitani Skalzi jilbsu l-libsa l-ġdida fil-Monasteru l-ġdid ta’ San Jose’, f’Avila.  Sitt xhur wara, meta ġieha l-permess, marret tgħix magħhom.  Xahar wara, ġiet magħżula biex tkun is-Superjura.

 

Wara xi snin ta’ ħajja kwieta, bdiet tiftaħ kunventi oħra mxerrdin ma’ Spanja.  Fl-1568 bil-għajnuna ta’ San Ġwann tas-Salib waqqfet l-ewwel monasteru tal-Patrijiet.  B’kollox hi fetħet 17-il kunvent tas-Sorijiet u 15 tal-Patrijiet.

 

Fl-aħħar vjaġġ tagħha fl-1582, wara li fetħet monasteru f’Burgos, telqet lejn Alba de Tormes.  Meta waslet fl-20 ta’ Settembru, kienet għajjiena ħafna u marida, inxteħtet fis-sodda, u mietet ftit ġranet wara, fl-4 ta’ Ottubru.

 

Fl-1622, il-Papa Girgor XV ikkanonizzaha, u fl-1970, il-Papa Pawlu VI ipproklamaha Duttur tal-Knisja flimkien ma’ S. Katerina ta’ Siena.

 

Ħsieb

”Meta titqarben agħlaq l-għajnejn tal-ġisem tiegħek u iftaħ l-għajnejn ta’ ruħek.  Imbagħad ara u edha b’Ġesù fiċ-ċentru ta’ qalbek.” (Santa Tereża ta’ Avila)

 

 

 

 

 

 

 

 

16 TA’ OTTUBRU

 

SANTA EDWIGE

Reliġjuża: 1174 – 1243

 

Santa Edwige twieldet f’Andechs, il-Bavarja, fl-1174.  Kienet bint il-Konti Bertoldu IV ta’ Andechs.  Meta kellha tnax-il sena żewwġet lil Neriku li fl-1202 sar Duka ta’ Silesia, wara l-mewt ta’ missieru, Boleslaw.  Kellhom sebat itfal.

 

Kienet mara ta’ ħajja qaddisa, imżejjna b’fidi u mħabba mill-ikbar.  Ħsiebha kien li tagħmel il-ġid lill-foqra, lix-xjuħ u l-morda, li għalihom bniet djar u sptarijiet.  Bniet ukoll numru ta’ monasteri, fosthom dak tas-sorijiet taċ-Ċisterċensi fi Trebnitz, Hames kilometri bogħod minn Breslaw, il-belt ewlenija tas-Silesja (1203).

 

Hija ndaħlet biex iġġib il-paċi bejn iż-żewġ uliedha Neriku u Kurradu li kienu qed jiġġieldu fuq il-qsim ta’ art u dwar il-poter li kienu wirtu mingħand missierhom.

 

Fl-1209, Santa Edwige u żewġha għamlu l-vot tal-kastita’ quddiem l-Isqof ta’ Breslaw, u għexu sa mewthom ta’ verġni.

 

Meta żewġha miet fl-1238, hija daħlet mas-sorijiet fil-monasteru ta’ Trebnitz fejn bintha Gertrude kienet daħlet soru u saret is-Superjura.

 

Santa Edwige mietet fi Trebnitz, fil-15 ta’ Ottubru 1243.  Il-Papa Klement IV kkanonizzaha fl-1267.

 

Ħsieb

Il-ġid ta’ l-art huwa evidenza tal-Providenza ta’ Alla.  B’danakollu aħna nistgħu nintilfu daqshekk warajh li nibdew nippreferuh qabel Alla u naslu biex ninsew ’l Alla.  Santa Edwige użat il-ħafna ġid li kellha biex hi u dawk li hi kienet tgħin bih japprezzaw aħjar it-tjubija ta’ Alla.

 

 

 

 

 

 

16 TA’ OTTUBRU

 

SANTA MARGERITA MARIJA ALACOQUE

Verġni: 1647 – 1690

 

Santa Margerita Marija twieldet fid-Djoċesi ta’ Autun, Franza, fl-1647.  Meta kellha tmien snin tilfet lil missierha.

 

Kien għad għandha ħdax-il sena meta bdiet issofri ħafna bir-rewmatiżmu, u meta tnejn minn ħutha bdew jittrattaw ħażin lilha u lil ommha, hi bdiet issib ħafna faraġ f’Ġesù Sagrament.

 

Fl-1671, meta kellha 24 sena, daħlet soru tal-Viżitazzjoni f’Paray-le-Monial, u għamlet avvanzi ta’ l-għaġeb fit-triq tal-perfezzjoni.  Mis-27 ta’ Diċembru, (il-festa ta’ San Ġwann l-appostlu) 1673, ’il quddiem. Beda jkollha rivelazzjoni mistiċi li fihom il-Mulej urieha mħabbtu lejn id-dinja.  Dawn ir-rivelazzjonijiet baqgħu jiġuha għal kważi sentejn.  Tħabtet ħafna wkoll kontra sħabha stess, biex ixxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù.

 

Bil-għajnuna ta’ San Klawdju de la Colombiere S.J. li ddikjara li r-rivelazzjonijiet kienu ġenwini, Santa Margerita Marija bdiet id-devozzjoni ta’ l-ewwel disa’ ġimgħat tax-xahar, tas-siegħa adorazzjoni ta’ kull nhar ta’ Ħamis, u bl-isforzi tagħha ġiet imwaqqfa l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù.

 

Hi stess bdiet ixxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù, u bdieta man-novizzi li tagħhom hija kienet ġiet magħżula biex tkun il-Majjistra.  Privatament magħhom bdiet tagħmel il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù, u mill-kunvent tagħha din il-festa nxterdet f’kunventi oħra.

 

Mietet f’Paray-le-Monial fis-17 ta’ Ottubru 1690, u ġiet ikkanonizzata fl-1920 mill-Papa Benedittu XV.  Ġisimha jinsab taħt l-artal tal-Kappella tal-kunvent ta’ Paray.

 

Ħsieb

It-teoloġi jgħidu li wieħed jista’ jemmen, jew ma jemminx ir-rivelazzjonijiet privati.  Bix-xjenza ma nistgħux nippruvawhom.  Imma nistgħu niddubitaw il-messaġġ ta’ din il-Qaddisa li Alla jħobbna bi mħabba tal-ġenn?  L-imħabba titħallas bl-imħabba.  Hekk qed inħallsuh aħna lil Alla?  Jew bl-ingratitudni li qed jagħmlu ħafna, kif ilmenta Ġesù mal-Qaddisa?

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

17 TA’ OTTUBRU

 

SAN INJAZJU TA’ ANTJOKJA Isqof u Martri: ? – 107

 

San Injazju kien ikkonvertit aktarx mill-appostlu San Ġwann, u sar dixxiplu tiegħu.

 

San Pietru ħatru Isqof suċċessur tiegħu, bħala t-tieni Isqof ta’ Antjokja, f’dik il-belt fejn l-”Insara” ngħatalhom dan l-isem għall-ewwel darba.  Dam Isqof  ta’ dik is-Sede għal madwar 40 sena, sakemm kellu mat-62 sena meta l-Imperatur Trajanu qanqal it-tielet persekuzzjoni u kkundannah għall-mewt.  Ħaduh mgħasses ruma biex jiġi mitfugħ lill-iljuni.

 

Fi triqtu lejn Ruma għadda mill-Asja Minuri (Turkija) u mill-Greċja.  Fi Smirna, fost il-ħafna li marru jilqgħuh kien hemm il-ħabib kbir tiegħu San Polikarpu li wara hu wkoll miet martri.  Minn kull fejn kien jgħaddi, l-Insara kienu jmorru jilqgħuh bi ħġarhom u jitolbuh iberikhom.  Sakemm wasal, laħaq kiteb seba’ ittri lil diversi Knejjes, ittri mimlijin bil-għerf u bit-tagħlim kbir fuq Kristu, fuq it-twaqqif tal-Knisja u fuq il-ħajja nisranija.

 

Hu mar b’kuraġġ kbir jiltaqa’ mal-martirju li kien hemm lest għalih.  Fl-ittra li kiteb lir-Rumani qalilhom: ”Jiena l-qamħ ta’ Alla u ser niġi misħuq minn snien l-annimali selvaġġi biex niġi magħġun f’ħobż safi”.  Dan il-kliem, il-Knisja tużah fit-”Talba fuq l-offerti” tal-quddiesa tiegħu.

 

Miet f’Ruma fl-20 ta’ Diċembru 107, meta tqatta’ bċejjeċ u ttiekel minn żewġ iljuni, fl-anfiteatru.

 

Ħsieb

”Kunu qaddisin, biex tkunu tempju ta’ Alla, u hekk Alla jgħammar fikom.  Ħobbu l-għaqda u evitaw il-firda.  Imitaw lil Kristu”.  (San Injazju ta’ Antjokja)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

18 TA’ OTTUBRU

 

SAN LUQA Evanġelista: L-ewwel Seklu

 

San Luqa kien minn Antjokja, belt ewlenija tas-Sirja.  Hu kien ta’ razza u kultura Griega.  Fejn, kif u meta kkonverta ma nafux.  X’aktarx li kkonvertieh San Pawl f’Antjokja, iżda żgur li kkonverta qabel sewwa s-sena 50 w.K.

 

San Luqa kien tabib, infatti San Pawl sejjaħlu ”Luqa, l-għażiż tabib” (Kol: 4:14).  Aktarx li kien ukoll jiddeletta jpitter, għax hemm xi pitturi li huma attribwiti lilu.  F’Malta wkoll hemm tradizzjoni li tgħid li l-pittura tal-Madonna meqjuma fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa hi xogħol idejh, iżda xejn b’ċertezza.

 

San Pawl ħadu miegħu fit-tieni u fit-tielet vjaġġi tiegħu.  San Luqa qatt ma ħallieh lil San Pawl jekk mhux għal xi waqtiet ta’ qadjiet għall-knejjes stess.  Kien miegħu fl-aħħar priġunerija tiegħu fil-ħabs, f’Ruma.

 

Meta San Pawl telaq minn Ċesarija għal Ruma, Luqa kien miegħu, u miegħu kien fin-nawfraġju tiegħu f’Malta, u miegħu kien meta wara t-tliet xhur tax-xitwa telaq minn Malta, 61 – 63 w.K.

 

San Luqa kiteb it-tielet Vanġelu, u wara, il-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli.  L-istudjużi moderni jgħidu li kitibhom lejn is-sena 70 – 80 w. K.  Ma nafux fejn kitibhom.

 

Tradizzjoni tgħid li San Luqa miet martri, msallab ma’ siġra, f’Boeotia, il-Greċja, fil-għomor ta’ 84 sena.

 

Fl-arti jġibuh b’gendus.  Dan għaliex jibda l-Vanġelu tiegħu bir-rakkont tal-qassis Żakkarija qed joffri sagrifiċċju fit-tempju.

 

Ħsieb

”Min hu fidil f’ħaġa żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna;  min hu diżonest f’ħaġa żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna”.  (Dan il-kliem qalu Ġesù, Lq. 16:10)

 

 

 

 

 

 

 

 

19 TA’ OTTUBRU

 

SAN ĠWANN BREBEUF, SAN IŻAKK JOGUES U SĦABHOM

Martri: 1642 – 1649

 

Tmien membri tas-Soċjeta’ ta’ Ġesù, sitt patrijiet u żewġ fratelli, inqatlu fl-Amerika ta’ Fuq (il-Kanada), mit-tribujiet Indjani tal-Huroni u ta’ l-Iroquois, bejn is-snin 1642 u 1649.

 

Rene’ Goupil, tabib Franċiż li kien mal-Ġiżwiti fi stazzjon tal-missjoni qrib Quebec, inqabad mill-Iroquois u nqatel wara torturi l-iktar ħorox fid-29 ta’ Settembru 1642.  Flimkien ma’ Goupil, il-Patri Iżakk Jogues kien ukoll maqbud u ttorturat billi mmankawlu idu u qatgħulu bosta mis-swaba ta’ idejh, iżda rnexxielu jaħrab lejn New York, u rritorna lejn Franza.  Il-Papa Urbanu VIII tah permess biex ikun jista’ jqaddes kif jista’ b’idejh b’subgħajh maqtugħin.  ”Ma jistax ikun li martri ta’ Ġesù ma jixrobx id-demm ta’ Ġesù.”

 

Meta Iżakk reġa lura l-Kanada fl-1644, waqt li kien fuq xogħol missjunarju, inqabad mill-Mohawki u nqatel bid-daqqiet tal-mannara fit-18 ta’ Ottubru 1647.  Sieħbu Jean de Lalande nqatel l-għada.

 

Il-Patri Ġiżwita Anton Daniel, qatluh wara li kien għadu kif qaddes fl-istazzjon tal-missjoni tiegħu qrib Quebec.  Grupp ta’ Iroquois attakkaw l-istazzjon tiegħu u waqt li hu kien qed idewwi l-feruti, sparawlu u qatluh fil-post, fl-4 ta’ Lulju 1648.  Ġismu tefgħuh fil-kappella u tawha n-nar.

Il-Patrijiet Jean de Brebeuf u Gabriel Lalement inqabdu mill-Iroquois ħdejn il-belt ta’ St. Ignace fil-Kanada fis-16 ta’ Marzu 1649, rabtuhom ma’ arbli u wara ttorturawhom bi ħruxija tal-biża’, mietu wara tliet sigħat.

 

Il-Patrijiet Charles Garnier u Noel Chabanel ukoll sofrew il-martirju billi nqatlu mill-Indjani fil-Kanada.

 

Dawn it-tmien missjunarji qalbiena Ġiżwiti, kienu li taw bidu għall-Fidi biex tinżera’ fil-Kanada.  Kienu lesti li jsofru kull ħruxija ta’ martirju biex iwasslu l-Vanġelu ta’ Ġesù f’dak il-kontinent il-ġdid.  Il-Papa Piju XI ikkanonizzahom fl-1930.

 

Talba:

O Mulej, li kienet il-Fidi tagħna fik, daqshekk soda li naslu li naghtu ħajjitna għalik, bħalma għamlu dawn il-Martri ctal-Kanada!  Mhux li kienet daqshekk qawwijaq!  Għinna, Mulej, fin-nuqqas ta’ fidi tagħna.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

19 TA’ OTTUBRU

 

SAN PAWL TAS-SALIB Saċerdot: 1694 – 1775

 

Pawlu Franġisku Daneo twieled f’Ovada, qrib Ġenova, l-Italja, fit-3 ta’ Jannar, 1694. Kien l-ewwel fost sitt itfal li baqgħu ħajjin minn tlettax.  F’żgħożitu għen lil missieru li kien negozjant.

 

Fl-1713, priedka li sama’ mingħand il-Kappillan kebbsitlu qalbu b’imħabba ikbar lejn Alla, għalkemm baqa’ ma ddeċidiex x’vokazzjoni jħaddan.

 

Fl-1715, mar biex jinkiteb bħala suldat fl-armata li l-Papa Klement XI kien qed iwaqqaf biex jirreżisti lit-Torok.  Kien ittama li b’hekk kien ser jagħti ħajtu għall-Fidi tiegħu.  Iżda fi triqtu biex jingaġġa fil-Kruċjata, għadda fi knisja biex jinvista lil Ġesù Sagramentat.  Kif kien miġbur fil-kwiet qed jitlob, ra ċar li ma kienx imsejjaħ biex ikun suldat.

 

Fl-1719, fl-eta’ ta’ 25 sena rċieva l-Griżma ta’ l-Isqof.  Beda jħoss iktar minn qatt qabel ix-xewqa li jwaqqaf kongregazzjoni li żżomm ħajja u ssaħħaħ il-memorja tal-Passjoni ta’ Ġesù.

 

Hu għadda minn saċerdot għall-ieħor ifittex li jieħu parir u direzzjoni.  Fl-aħħar iltaqa’ ma’ l-Isqof Gattinara ta’ Alessandria li nkurraġġieh u ħeġġu biex iwettaq dak li kellu f’moħħu.  Fit-22 ta’ Novembru fl-1720, l-Isqof libsu l-libsa sewda li l-Passjonisti għadhom jilbsu sal-lum.  Wara, taħt id-direzzjoni ta’ l-Isqof għamel irtir ta’ erbgħin jum.

 

Mar Ruma u hemm beda jistudja biex isir saċerdot.  Fl-istess waqt kien idur bil-morda fl-isptar ta’ San Gallicano f’Ruma.

 

Fis-7 ta’ Ġunju 1727, il-Papa Benedittu XIII ordnah saċerdot.  Fis-sena ta’ wara, flimkien ma’ sitt kumpanni oħra mar jgħix f’Monte Argentario fejn waqqaf dak li kellu jkun l-ewwel ”Irtir” (hekk kien isejjaħ id-djar tiegħu) tal-Konfgregazzjoni tal-Passjonisti.  Hu kien maħtur l-ewwel Superjur Ġenerali ta’ l-Ordni sa mewtu.

 

Għad li kien imħabbat bil-ħsieb tat-tmexxija ta’ l-Ordni u tat-twaqqif ta’ Irtiri ġodda, qatt ma ħalla l-predikazzjoni tal-kelma ta’ Alla.  Kien jitkellem b’ħeġġa kbira fuq il-Passjoni ta’ Ġesù.  Kellu ħabta jisraq qlub il-midinbin u jikkonvertihom.  L-hena tiegħu kienet li jressaq in-nies lejn Alla, u hekk inissel il-paċi f’qalbhom u jagħmilhom ferħanin u kuntenti.  L-għadd kbir ta’ konverżjonijiet ma naqas qatt.

 

L-aħħar snin ta’ ħajtu għaddiehom Ruma fejn miet fit-18 ta’ Ottubru 1775, fl-eta’ ta’ 28 sena.  Il-Papa Piju IX ikkanonizzah fl-1867.

 

Ħsieb

San Pawl tas-Salib kien jirsisti ħafna biex inissel paċi, ferħ u hena  f’ħaddieħor.  Inħallu ftit minn dan l-Ispirtu ta’ dan il-Qaddis jaħdem fina, u nibdew infittxu li aħna wkoll inkunu ta’ għajnuna biex ħaddieħor iħossu ferħan u kuntent.  Inkunu strumenti tal-paċi.  Pero’ niftakru li ħadd ma jagħti minn dak li ma għandux!

 

 

 

 

 

 

 

 

23 TA’ OTTUBRU

 

SAN ĠWANN TA’ CAPESTRANO Saċerdot: 1386 – 1456

 

San Ġwann twieled f’familja prominenti, f’Capestrano, l-Italja, fl-1386. Meta kien għadu tifel żgħir tilef lil missieru, u rabbietu ommu waħidha.

 

Studja l-Liġi, laħaq avukat, u beda l-karriera tiegħu mal-Gvern.

 

Fl-1412, meta kellu 26 sena, inħatar Gvernatur ta’ Perugia.  Kien amministratur kapaċi u fl-istess ħin onest.

 

Fl-1416 qamet gwerra bejn Perugia u Malatesta.  San Ġwann mar biex jagħmilha ta’ ambaxxatur tal-paċi, iżda tal-Malatesta xeħtuh il-ħabs.

 

Meta kien priġunier għaraf kemm ma kienu jiswew xejn quddiem Alla, is-setgħa, l-unuri u l-ġid tad-dinja.

 

Hekk kif inħeles, fl-istess sena li fiha kien waqa’ priġunier, daħal mal-Patrijiet Franġiskani.  Fl-1425 ordna saċerdot.

 

Fl-Ordni ltaqa’ ma’ San Bernardinu ta’ Siena, sar ħabib tiegħu ħafna, bħalu sar predikatur kbir u xerred id-devozzjoni lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù.  Ġera bla serħan ma’ l-Ewropa kollha biex isaħħah lill-popli fil-ħajja nisranija u jeħodha ma’ l-eretiċi.

Fl-1439, san Ġwann mar Milan biex jaħdem kontra x-xiżma li nħolqot mill-antipapa Feliċ V.

 

Mis-sena 1439 ’il quddiem, erba’ Papiet wara xulxin bagħtuh bħala Legat tagħhom fil-Palestina, fil-Polonja, fi Franza (fejn iltaqa’ ma’ Santa Collette u ħeġġiġha biex tkompli tifforma lis-Sorijiet Klarissi), fl-Awstrija u fil-Bohemia (fejn irnexxielu jġib ħafna eretiċi lura fil-Fidi).

 

Biċċa xogħol kbira li għamel f’ħajtu, kienet li wara l-waqgħa ta’ Kostantinopli f’idejn il-Musulmani fl-1453, imħeġġeġ mill-Papa Kallistu III, orgtanizza Kruċjata biex iwaqqaf l-avvanz ta’ l-armata Musulmana taħt Mohammed II.  Hu stess ħa sehem fiha, għamel standard kbir bl-Isem ta’ Ġesù miktub fuqu, u kien ta’ kuraġġ kbir u għen ħafna biex l-Insara jirbħu l-battalja ta’ Belgrad, fl-1456.

 

Tliet xhur wara, San Ġwann miet f’Villach, Awstrija, fit-23 ta’ Ottubru 1456, fl-eta’ ta’ 70 sena, u kien ikkanonizzat fl-1724.

 

Hu awtur ta’ bosta opri kontra l-ereżiji ta’ żmienu.

 

Ħsieb

Jalla aħna wkoll, meta niltaqgħu ma’ l-hemm u l-għawġ tal-ħajja, ikollna dak l-ottimiżmu nisrani qawwi b’fiduċja sħiħa li titnissel minn fidi soda f’Ġesù Kristu Sidna, bħalma kellu San Ġwann ta’ Capestrano.

 

 

 

 

 

 

 

 

24 TA’ OTTUBRU

 

SAN ANTON MARIJA CLARET

Isqof: 1807 – 1870

 

San Anton twieled f’Sallent, Spanja, fl-1807. Kien il-ħames wieħed minn ħdax-il wild.  Missieru kellu fabbrika ta’ l-insiġ, u Anton intefa’ jaħdem miegħu.  Iżda beda jħoss li din ma kinetx il-vokazzjoni tiegħu.  Xtaq isir saċerdot.

 

Fl-1835 ġie ordnat qassis meta kellu 28 sena.  Sentejn wara nħatar Kappillan ta’ Sallent, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu għall-priedki, u xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u lejn il-Madonna.  Jgħidu li kien iżomm il-kuruna tar-rużarju dejjem f’idejh.

 

Ftit snin wara ġietu l-ħajra jsir missjunarju, u mar Ruma biex jingħaqad mal-kongregazzjoni tat-Tixrid tal-Fidi.  Hemm għamel irtir għand il-Ġiżwiti u billi ħaseb li jekk ikun Ġiżwita jkun iktar faċli għalih li jmur il-missjoni, daħal magħhom.  Iżda sentejn wara kellu jħalli minħabba saħħtu, u mar lura lejn Spanja.

 

Meta kellu 42 sena, fl-1849, flimkien ma’ ħames saċerdoti oħra ta’ bidu għal Kongregazzjoni ġdida.  Ħadu l-isem ta’ ”Ulied Missjunarji tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija”, iżda n-nies bdiet issibhom bħala l-laretjani.

 

San Anton sar l-ewwel Superjur ta’ l-Ordni, iżda xahrejn biss wara ġie maħtur Arċisqof ta’ Santiago, f’Kuba.

 

F’Kuba ħadem bis-sħiħ biex itejjeb il-ħajja tan-nies tal-post speċjalment ta’ l-ilsiera u biex jeqred il-konkubinaġġ.  Dan qajjem l-għedewwa kontrieh u bdew isiru attentati fuq ħajtu.  Darba minnhom, ħelisha b’farrett kbir fuq wiċċu li baqa’ jidher ħajtu kollha.  Ir-raġel li ried joqtlu inqabad, u ħeles mis-sentenza tal-mewt meta l-Aqrċisqof stess indaħal għalih.

 

Fl-1858, San Anton ġie msejjaħ biex jaħdem fi Spanja, u biex fl-istess waqt ikun il-Kappillan tar-Reġina Iżabella II.

 

Biċċa xogħol kbira li għamel kienet li waqqaf stamperija b’librerija Kattolika li bdiet tforni eluf ta’ kotba bi prezzijiet l-iktar baxxi biex isaħħaħ il-fidi tal-poplu Spanjol.

 

Fir-rivoluzzjoni Spanjola ta’ l-1868, ir-Reġina Iżabella kellha taħrab lejn Pariġi.  Il-Qaddis kellu jmur magħha.

 

Fl-1869 mar Ruma biex jgħin fit-tħejjija tal-Konċilju Vatikan I, u jieħu sehem fis-sezzjonijiet tiegħu.

 

Fil-Konċilju huwa kien difensur qawwi ta’ l-Infallibilta’ tal-Papa.  F’waħda mis-sezzjonijiet ħassu ħażin, u minn dakinhar saħħtu baqgħet sejra lura.

 

Fl-1870 hu rritorna fi Frranza fejn miet f’monasteru taċ-Ċisterċensi, qrib Norbonne, fl-24 ta’ Ottubru 1870, fl-eta’ ta’ 63 sena.  Il-Papa Piju XII ikkanonizzah fis-7 ta’ Mejju tas-Sena Mqaddsa ta’ l-1950.

 

Ħsieb

San Anton kien missjunarju, fundatur ta’ Ordni reliġjuż, Arċisqof, Kappillan tar-Reġina, kittieb stampatur, rifuġjat, u fuq kollox kien mehdi f’Alla.  Aħna wkoll, nagħmlu x’nagħmlu, aħna x’aħna, għandna nsibu ħin biex nedhew f’Alla.  Ħaġa li nistgħu nagħmluha, u aħna fid-dmir li nagħmluha.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

28 TA’ OTTUBRU

 

SAN XMUN U SAN ĠUDA Appostli: L-Ewwel Seklu

 

San Xmun hu msejjaħ ”il-Kananew” u ”iż-Żelota”, bl-Aramajk u bil-Grieg, li t-tnejn ifissru l-istess ħaġa: ”l-Imħeġġeġ”.

 

Fil-Vanġelu huwa msemmi l-ħdax-il wieħed fil-lista ta’ l-Appostli, u flimkien magħhom irċieva l-Ispirtu s-Santu.  Barra minn hekk ma nafu xejn iżjed fiż-żgur dwaru.

X’aktarx li wara li mar jippriedka fl-Eġittu ssieħed ma’ San Ġuda li kien fil-Mesopotamja, marru flimkien il-Persja, u mietu martri fil-Belt ta’ Swanir.

 

San Ġuda msejjaħ Taddew, kien ħu San Ġakbu ż-Żgħir kif jgħid hu stess fil-bidu ta’ l-ittra tiegħu.  Kienu wlied Alfew u Marija l-kuġina tal-Verġni Marija.  Għalhekk kien jiġi fil-qrib minn Ġesù.  Meta n-nies stagħġbu b’Ġesù u bdew jgħidu: ”Dan mhux bin il-mastrudaxxa?  Ommu ma jisimhiex Marija, u ħutu Ġakbu, u Ġużeppi u Xmun u Ġuda?” (Mt. 13:55)

 

Ma nafux meta jew kif sar Appostlu.  Iżda ismu nsibuh fil-listi kollha ta’ l-Appostli (Mt. 10:2-3; Mk. 3:16-19; Lq. 6:14-16).  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li wara l-aħħar Ċena, meta Ġesù wiegħed lill-Appostli li kien ser jerġa jidhrilhom, San Ġuda staqsieh għala kien ser jidher lid-dixxipli tiegħu biss u mhux lid-dinja, u Ġesu wieġbu li kien ser iżur lil dawk kollha li jħobbuh. (Ġw. 14:22)

 

Hu l-awtur ta’ waħda mill-ittri ta’ l-Appostli.

 

Wara t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema, San Ġuda mar jippriedka l-Vanġelu f’bosta artijiet.  Skond tradizzjoni sofra l-martirju flimkien ma’ San Xmun fil-Persja.

 

Fl-Armenja hemm devozzjoni kbira lejn dan il-Qaddis għax hu miżmum li flimkien ma’ San Bartilmew kien mar hemm u żera’ l-ewwel żerriegħa tal-Fidi.

 

Ħsieb

Għeżież, ibnu lilkom infuskom fuq il-fidi l-aktar qaddisa tagħkom; itolbu fl-Ispirtu s-Santu; żommu rwieħkom fl-imħabba ta’ Alla, waqt li tistennew il-ħniena ta’ Sidna Ġesù Kristu għall-ħajja ta’ dejjem.   (Mill-ittra ta’ San Ġuda 1:20,21)