QADDISIN GĦAL LULJU

 

3 TA’ LULJU

 

SAN TUMAS

Appostlu: L-Ewwel Seklu

 

San Tumas kien Lhudi, aktarx sajjied mill-Galilija.  Ismu bis-sirjan ifisser Tewmi, u bil-Grieg hu Didmu.  Ġesù sejjaħlu biex ikun wieħed mit-tnax-il appostlu tiegħu.

 

Insibu ismu erba’ darbiet fil-Vanġelu ta’ san Ġwann. 

L-ewwel darba: Ġesù kien sejjer Betanja biex iqajjem lil Lazzru mill-mewt.  Waqt li d-dixxipli l-oħra beżgħu u qalu lil Ġesù biex ma jmurx għax l-għedewwa tiegħu kienu ifittxuh biex joqtluh, San Tumas qabeż u qal: ”Ejjew immorru aħna wkoll biex immutu miegħu” (Ġn. 11:16). 

It-tieni darba: fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù qal: ”Ufejn sejjer jien, intom tafu t-triq”.  Qabeż San Tumas u qallu: ”Mulej, ma nafux fejn sejjer, mela kif nistgħu nafu t-triq?” Ġesù qallu: ”Jiena t-triq u s-sewwa u l-ħajja” (Ġn. 14: 4-6).

It-tielet darba: f’Ħadd il-Għid Ġesù deher lid-dixxipli waqt li kienu fiċ-ċenaklu u Tumas ma kienx magħhom.  Imbagħad b’entużjażmu kbir qalulu li kienu raw lil Ġesù, iżda Tumas qalilhom: ”Jekk ma narax f’idejh sinjal l-imsiemer u ndaħħal sebgħi fil-marki ta’ l-imsiemer u idi f’ġenbu, ma nemminx”.  Minn hawn ġejja l-espressjoni: ”Jien bħal San Tumas, irrid nara b’għajnejja u mmiss b’idejja biex nemmen”.  Meta ġimgħa wara Ġesù raġa dehrilhom u Tumas kien magħhom, Ġesù stieden lil Tumas biex idaħħal sebgħu fil-pjagi ta’ idejh u idu fil-pjaga tal-kustat.  U Tumas b’fidi qawwija qallu:  ”Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġn.20:28)

Ir-raba’ darba: meta Ġesù deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberja, isem Tumas insibuh ma’ dawk li kienu preżenti. (Ġn. 21:2)

 

Tradizzjoni qawwija tgħid li wara l-Inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu, San Tumas mar jippriedka l-Vanġelu lill-Parti, lill-Medi u lill-Persjani u baqa’ sejjer sa daħal fl-Indja, fil-kosta ta’ Malabar fejn illum ħafna min-nies tal-post isejħu lilhom infushom ”L-Insara ta’ San Tumas”.

 

San Tumas miet martri bid-daqqiet ta’ lanza, fl-Indja, u jinsab midfun f’Maljapore fil-knisja kbira, San Thome, xi tlettax-il kilometru ’l bogħod minn Madras.

 

Ħsieb

”Għax rajtni, emmint; imberkin dawk li jemmnu bla ma jaraw”.

(Dan il-kliem Ġesù qalu lil San Tumas wara li stqarr     b’fidi kbira: ”Mulej tiegħi u Alla tiegħi”)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4 TA’ LULJU

 

SANTA ELIŻABETTA TAL-PORTUGALL

Reġina: 1271-1336

 

Santa Eliżabetta twieldet f’Aragona, il-Portugall, f’familja rjali.  Missierha kien ir-Re Pietru III ta’ Aragona.

 

Meta kellha tnax il-sena, iżżewġet lilr-Re Denis tal-Portugall.  Kellhom żewġt itfal.

 

Minkejja l-infedelta’ ta’ żewġha, hija baqgħet devota lejh, li saħansitra kienet tieħu ħsieb it-tfal illeġittimi tiegħu u ma ttraskuratx il-ħajja spiritwali tagħha.

 

Hija tat ruħha għas-servizz tal-fqar, u fetħet sptar f’Coimbra, u orfanatrofju u dar għan-nisa f’Torres Novas.

 

Barra mill-ħajja ħażina ta’ żewġha, kellha tħabbat wiċċha ma’ ħafna ġlied serju fil-familja, li hi b’ħafna għaqal u paċenzja kienet tagħraf issolvi, u tnissel il-paċi.  Bħal meta darba żewġha ġġieled ma’ ħuh fuq xi propjeta’.  Darb’oħra binha Alfonso qajjem armata biex jeħodha kontra missieru li kien jagħmel preferenzi ma’ l-ulied illeġittimi tiegħu, u hi ta’ 52 sena daħlet bejn l-armati li kienu lesti għall-ġlied u baqgħet sa ma ġabet il-paċi.  Darb’oħra, binha Alfonso ried joqtol lir-raġel ta’ bintu Marija għax kien jaħqarha u Santa Eliżabetta ta’ 65 sena ħalliet il-kunvent biex iġġib il-paċi bejniethom.

 

Wara l-mewt ta’ żewġha, daħlet Terzjarja Franġiskana u marret tgħix f’kunvent tal-Klarissi.

 

Mietet fl-4 ta’ Lulju 1336, wara li rċeviet is-sagramenti waqt li kienet qed titlob mas-sorijiet.

 

Xi mitejn sena wara, meta kien hemm bżonn li jinfetaħ il-qabar fejn kienet midfuna sabu ġisimha talikwali, bla ma tħassar.  Il-Papa Urbanu VIII iddikjaraha Qaddisa fl-1625.

 

Ħsieb

Hawn min jagħmel lilu nnifsu strument li jġib il-paċi u jnissel l-imħabba; hawn min ifittex li jaqla’ l-inkwiet u jiżra’ l-mibgħeda.  Biex tevita l-inkwiet u l-miżerja li l-ġlied iġib miegħu, Santa Eliżabetta ġie li ssugrat saħħitha u saħansitra ħajjitha.  Aħna kemm nixbħuha, fid-dar tagħna, fil-post tax-xogħol, fis-soċjeta’?  Kemm innisslu paċi kull fejn nersqu?

 

 

 

 

 

 

 

 

 

5 TA’ LULJU

 

SAN ANTON MARIJA ZACCARIA

Saċerdot: 1502-1539

 

San Anton twieled fi Cremona, l-Italja, fl-1502.  Kien għadu ta’ ftit xhur u ommu kellha biss tmintax-il sena meta tilef lil missieru.  Iżda ommu, li kienet mara qaddisa, ħadet ħsiebu sew u ma setgħetx ittellgħu aħjar.

 

Studja l-mediċina fl-Universita’ ta’ Padova u fl-1524, meta kellu tnejn u għoxrin sena, laħaq tabib.  Mar jaħdem f’pajjiżu, iżda ma damx ma beda jħoss li għandu jagħmel il-ġid lir-ruħ milli lill-ġisem, għalhekk filwaqt li kompla jipprattika l-professjoni tiegħu beda jistudja biex isir saċerdot, u qaddes fl-1528 meta kellu sitta u għoxrin sena.

 

Wara l-ordinazzjoni tiegħu mar Milan u hemm daħal fil-onfraternita ta’ l-Għerf Divin.

 

Bil-għajnuna tal-Kontessa ta’ Guastella waqqaf Komunita’ ta’ sorijiet bl-isem ta’ ”Anġeliċi ta’ San Pawl”.  Wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha kien li l-membri jieħdu ħsieb it-tfajliet u n-nisa li jkunu qabdu jew ser jaqbdu ħajja ħażina.  Dan kien l-ewwel Ordni ta’ sorijiet li kien mogħti għall-appostolat dirett bla rabta tal-klawsura.

 

Fl-1530 waqqaf l-Ordni tal-”Kjeriċi Regulari ta’ San Pawl” li l-għan prinċipali tiegħu kien it-tiġdid tal-kult Kattoliku u tal-ħajja nisranija bil-priedki u bl-amministrazzjoni tas-Sagramenti.  Billi ċ-ċentru ta’ ta’ l-Ordni kien il-knisja ta’ San Barnaba, il-patrijiet ġew imsejħa Barnabiti.

 

Hu kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jippriedka fil-knejjes u fit-toroq, ġeneralment fuq il-passjoni ta’ Ġesù.  Kienet bil-ħila tiegħu li xterdet id-devozzjoni tal-Kwaranturi, jiġifieri adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija għal erbgħin siegħa konsekuttivi bħala tifkira ta’ kemm Ġesù dam fil-qabar mid-difna sal-qawmien tiegħu.  Kien hu wkoll li daħħal fil-nisja d-drawwa li jindaqqu l-qniepen kull nhar ta’ Gimgħa fit-tlieta ta’ wara nofsinhar.

 

Meta kien qed jippriedka fil-belt ta’ Guastella ħassu ħażin, ħaduh Cremona fid-dar ta’ ommu li kienet għadha ħajja, fejn miet fl-eta’ ta’ 37 sena, fil-5 ta’ Lulju 1539.

 

Sebgħa u għoxrin sena wara mewtu sabu ’l ġismu għadu sħiħ.  Ġie kkanonizzat fis-27 ta’ Mejju 1897 mill-Papa Ljun XIII.

 

Ħsieb

Jien x’qed nikkontribwixxi ta’ ġid  Probabbilment ma nistax inwaqqaf kongregazzjonijiet bħalma għamel San Anton.  Imma bħalu nista nnissel madwari l-ferħ, l-hena, l-paċi, il-faraġ, bi kliemi, bl-imġiba tiegħi, bl-eżempju tiegħi, bil-mod kif inġib ruħi ma’ ħaddieħor.

 

 

 

 

 

 

6 TA’ LULJU

 

SANTA MARIJA GORETTI

Verġni u Martri: 1890-1902

 

Santa Marija Goretti twieldet f’Corinaldo, l-Italja, fl-1890.  Kienet it-tielet fost sebat itfal ta’ familja fqira.  Hija qatt ma marret skola u għalhekk ma tgħallmitx taqra u tikteb.  Ommha wkoll kienet illitterata.

 

Meta Marija kellha disa’ snin il-familja tagħha marret toqgħod f’Nettuno, qrib Ruma, minħabba x-xogħol.  Sena wara missierha miet.

 

Ta’ ħdax-il sena Marija għamlet l-Ewwel Tqarbina.  Hafna mill-katekiżmu tgħallmitu mingħand ommha li kienet tafu bl-amment.

 

Għal xi żmien il-familja Goretti kienet taqsam id-dar ma familja oħra.  Wieħed mit-tfal tal-familja l-oħra, Alessandro Serenelli, li kellu tmintax-il sena, kien spiss iħajjar lil Marija għad-dnub u hi kienet dejjem tiqaflu.  Kien ukoll iheddidha li jekk tgħid xi ħaġa joqtol lilha u lil ommha.

 

Fil-5 ta’ Lulju 1902, Marija kienet qed traqqa’ qmis meta ġie fuqha Alessandro u ttanta jieħu kunfidenza magħha.  Hi bħas-soltu waqfitlu u bdiet tgħidlu li dak kien dnub u li Alla ma ridx li jagħmlu hekk.  Hu qabadha u daħħalha bil-fors fil-kamra tas-sodda waqt li hi baqgħet tirreżistih u tgħajjat għall-għajnuna.  Tant irrabja li beda jsawwatha u saħansitra qabad sikkina u beda jagħtiha biha bla ħniena.

 

Ħaduha l-isptar fejn it-tobba ħadmu għal sigħat sħaħ biex isalvawlha ħajjitha, iżda wara li ħafret minn qalbha liż-żagħżugħ u rċevit il-vjatku, mietet fil-preżenza ta’ ommha, wara madwar erbgħa u għoxrin siegħa.

 

Alessandro kien ikkundannat tletin sena ħabs.  Sa tmien snin wara kien għadu ma nidimx, sakemm lejl wieħed ħolom jew ra viżjoni ta’ Marija qed taqta’ l-fjuri u toffrihomlu.  Din id-dehra tant laqtitu li biddel ħajtu.  Meta ħareġ mill-ħabs wara sebgħa u għoxrin sena baqa’ sejjer dritt għand omm Marija u talabha taħfirlu.  Wara daħal Fratell mal-Patrijiet Kapuċċini,

 

Id-devozzjoni lejn din il-martri ċkejkna malajr xterdet u bdew isiru l-mirakli għat-talb tagħha, u f’inqas minn ħamsin sena wara, il-Papa Piju XII ikkanonizzaha fil-25 ta’ Lulju 1950.

 

Għall-kanonizzazzjoni tagħha kien hemm folla rekord ta’ 250,000 ruħ u ċ-ċerimonja kellha għall-ewwel darba ssir barra fil-pjazza quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru.  Ommha, li kellha mal-85 sena, u tlieta minn ħutha kienu preżenti.  Hekk ukol Alessandro, li kellu 66 sena, kien fost dik il-folla enormi, għarkubbtejh jibki, b’għajnejh mimlijin dmugħ ta’ ferħ.  Kienet ġrajja unika fl-istorja tal-Knisja.

 

Ħsieb

”Lanqas jekk iqattgħu ġismi biċċiet biċċiet ma noffendi lill-maħbub tiegħi Ġesù bid-dnub.”  (Marija Goretti) Kapaċi ngħidu dan il-kliem, speċjalment jekk jiena tfajla?

 

 

 

 

 

 

11 TA’ LULJU

 

SAN BENEDITTU

Abbati: 480-547

 

San Benedittu twieled f’Norcia, l-Italja, fis-sena 480, minn familja sinjura ħafna, u aktarx li kien tewmi ma’ oħtu, Santa Skolastika.

 

Huwa mar jistudja f’Ruma, iżda meta ra l-ħajja ħażina ma’ dwaru ħalla kollox u mar jgħix waħdu fuq l-għoljiet ta’ Sabina, xi 65 km bogħod minn Ruma.  Hawn iltaqa’ ma’ Romano, patri, li kien jgħix f’għar f’Subiaco, f’ħajja ta’ ġabra u talb.  Biż-żmien xi rġiel u żgħażagħ bdew imorru jingħaqdu miegħu, u n-numru tagħhom baqa’ jikber kontinwament tant li sas-sena 525 kien ġa waqqaf tnax-il monasteru f’dawk l-inħawi.

 

Fis-sena 529 mar fuq Monte Cassino, bejn Napli u Ruma.  Hawhekk ukoll ħafna marru jingħaqdu miegħu.

 

Fis-sena 530 waqqaf il-magħruf monasteru ta’ Monte Cassino.  Ir-regola li kiteb għall-patrijiet tiegħu kienet mibnija fuq talb, studju u xogħol, swiet ta’ ġid enormi mhux biss għall patrijiet iżda għall Ewropa kollha.  Il-monastiċiżmu ta’ San Benedittu ta’ patrijiet li għenu bis-sħiħ biex inbniet Ewropa ċċivilizzata u nisranija, billi bnew uħud mill-isbaħ knejjes fl-Ewropa, fetħu ħafna skejjel, għallmu lill-bdiewa jħaddmu l-art, għallmu s-snajja’, ippreservaw ħafna mill-klassiċi Griegi u Rumani, ġabu progress kbir fix-xjenza, fl-arti u fl-agrikultura.  Fuq kollox l-Ordni tiegħu ta lill-Knisja 24 Papa, 4,600 isqof, u aktar minn 5,000 qaddis.

 

Miet fl-eta’ ta’ 67 sena f’Monte Cassino u difnuh fil-qabar ma’ oħtu Santa Skolastika li kienet mietet xi 40 jum qabel.

 

Ħsieb

”Itlob u aħdem” kien il-motto ta’ san Benedittu.  Aħna għandna xi motto tagħna personali?  Kemm jekk għandna u kemm jekk m’għandniex, naraw li t-talb ikollu postu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, jiġifieri li jkun hemm ħin ma’ tul il-jum li ngħadduh f’għaqda ma’ Alla.

 

 

 

 

 

 

 

13 TA’ LULJU

 

SAN ENRIKU

Imperatur:  973-1024

 

San Enriku twieled fil-Bavarja, fis-sena 973.  Missieru kien id-Duka tal-Bavarja.

 

Enriku rċieva edukazzjoni mill-aħjar taħt it-treġija ta’ san Wolfangu, Isqof ta’ Ratisbon.

 

Huwa żżewweġ lil Kunegunda li hi wkoll Qaddisa.  Ma kellhomx tfal.  Meta missieru miet, laħaq hu floku bħala Duka tal-Bavarja, fis-sena 995.

 

 

Wara l-mewt ta’ l-Imperatur Otto III, Enriku li kien jiġi l-kuġin tiegħu, inħatar Imperatur floku, fl-1002.

 

Fl-1004 huwa keċċa lil Ardwin mill-Italja, u nkuruna lilu nnifsu bħala Re ta’ l-Italja.  Huwa keċċa wkoll lil Boleslaw I tal-Polonj mill-Bohemja.

 

Fil-1014 mar Ruma fejn il-Papa Benedittu VIII inkurunah Imperatur tas-Sagru Imperu Ruman.

 

Huwa ggverna b’mod l-iktar effiċjenti u kien iżomm dejjem quddiem għajnejh il-liġi ta’ Alla u li jkun ta’ għajnuna għall-Knisja.  Kien popolari u maħbub ħafna mill-poplu.

 

Waqqaf is-sedi ta’ Bamberg, u bena l-Katidral li l-Papa Benedittu VIII mar jikkonsgra fl-1020.  Fl-istess żmien bena wkoll il-monasteru ta’ Bamberg.  Għamel lil Bamberg ċentru ta’ kultura nisranija.

 

Fl-1021 reġa niżel bl-armata tiegħu fl-Italja biex jiddefendi lill-Papa u lill-Insara mis-Seraċini u l-alleati tagħhom, il-Griegi.

 

San Enriku II miet fl-14 ta’ Lulju 1024 fil-Ġermanja, u difnuh fil-Katidral ta’ Bamberg.  Il-Papa Ewġenju III iddikjarah Qaddis fl-1146.

 

Talba

Mhux li kien, Mulej, Sid ta’ kollox, li l-Mexxejja tal-pajjiżi kollha tad-dinja jżommu quddiem għajnejhom il-ħarsien tal-Liġi tiegħek biex jiggvernaw b’mod li jkun jogħġob lilek!

 

 

 

 

 

 

 

14 TA’ LULJU

 

SAN KAMILLU DE LELLIS

Saċerdot: 1550-1614

 

San Kamillu twieled f’Bocchianco, l-Italja, fl-1550.  Tilef ’l ommu meta kellu tlettax il-sena.  Kiber bi spirtu avventuruż u ta’ sbatax-il sena ħalla d-dar u daħal suldat biex jiġġieled mal-Venezjani kontra t-Torok, iżda minħabba ferita li kellu f’siequ ħalla l-armata u daħal l-isptar ta’ San Ġakbu, f’Ruma.  Meta ħareġ mill-isptar raġa’ daħal suldat fl-armata ta’ Venezja u mar jiġġieled kontra t-Torok.  Meta ġie lura mill-ġlied, ħalla l-armata u tilef  kull ma kellu fil-logħob.  Biex ma jaqax jittallab daħal jaħdem mal-Kapuċċini ta’ Manfredonja fl-1574.

 

Wara xi ftit xhur ġie mpressjonat minn parir li tah il-Gwardjan tal-patrijiet, u beda biex jibdel ħajtu.

 

Fl-1575 huwa talab u ġie aċċettat bħala ajk, u hekk ħa l-libsa ta’ Kapuċċin.  Iżda billi l-ferita f’riġlu baqgħet tinkwetah, iddeċieda li jerġa’ jmur l-isptar ta’ San Ġakbu.  Hawn sab il-vokazzjoni tiegħu li jdur bil-morda.  Bid-dedikazzjoni u blabbilta’ tiegħu fix-xogħol rebaħ l-ammirazzjoni ta’ kulħadd, u wasal biex ġie maħtur Direttur ta’ l-isptar.

 

Bil-ħsieb li jipprovdi nies li jkunu kkwalifikati biex iduru bil-morda huwa ġabar nies miegħu li kienu lesti li jiddedikaw ruħhom għal dan ix-xogħol.  Sadanittant bil-għajnuna tal-konfessur tiegħu San Filippu Neri huwa sar saċerdot, fl-1584, meta kellu 34 sena.

 

Fl-istess sena waqqaf is-Soċjeta’ tal-Qaddejja tal-Morda.  Dawn il-patrijiet kienu mhux biss iduru bil-morda fl-isptarijiet, imma wkoll fil-ħabsijiet, fid-djar u fit-toroq speċjalment meta kienu jinqalgħu xi epidemji bħal ma hija l-pesta u kienu jmorru fuq il-fruntieri tal-battalji jduru bis-suldati feruti.  Kienu jġiebu salib aħmar meħjut mal-libsa fuq sidirhom.  Nistgħu ngħidu li kien San Kamillu li beda dak li llum insejħu s-Soċjeta’ tar-Red Cross u wkoll l-Ambulanza.

 

Fl-1607 huwa rriżenja minn Superjur ta’ l-Ordni minħabba saħħtu.  Miet f’Ruma fl-14 ta’ Lulju 1614 fil-għomor ta’ 64 sena.  Sa l-aħħar baqa’ jdur bil-morda minkejja l-ferita li kellu.

 

Ġie kkanonizzat fl-1746; il-Papa Ljun XIII ħatru flimkien ma’ San Ġwann ta’ Alla, Patrun ta’ l-infermieri.

 

Talba

Jalla Mulej, fuq il-kliem tiegħek stess, ”Kont marid u żortuni” (MT. 25:36), nagħrfu naraw lilek fil-morda, f’dawk loi jkunu qed isofru, u f’min ikollu b’żonn l-għajnuna tagħna.

 

 

 

 

 

 

15 TA’ LULJU

 

SAN BONAVENTURA

Isqof u Duttur tal-Knisja:  1218-1274

 

San Bonaventura twieled bl-isem ta’ Ġwanni, f’Bagnoregio ħdejn Viterbo, l-Italja, fl-1218.

 

Meta kellu madwar għoxrin sena mar jistudja fl-Universita’ ta’ Pariġi minn fejn kiseb il-lawrja fil-Letteratura.  Dak iż-żmien kien hemm il-famuż patri Franġiskan Ingliż, Alessandru ta’ Hales.

 

Fl-1243 daħal fl-Ordni tal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Bonaventura.  Huwa studja l-filosofija u t-teoloġija.  Barra mill-moħħ intelliġenti li kellu, kien imżejjen ukoll bi mħabba kbira lejn Alla.  Kien bniedem ġentili, ferħan u dejjem lest li jgħin lill-oħrajn.

 

Ta’ 27 sena, inħatar professur tat-teoloġija u ta’ l-Iskrittura fl-Universita’ ta’ Pariġi (1248-1257).

 

Fl-1257, flimkien mal-ħabib kbir tiegħu San Tumas ta’ Aquino kiseb id-dottorat fit-teoloġija mill-Universita’ ta’ Pariġi.

 

Ftit qabel fl-istess sena, intgħażel biex ikun is-Superjur Ġenerali tal-Franġiskani, meta kien qrib l-40 sena.  Mexxa l-Ordni għal 17-il sena.  F’dan iż-żmien, fl-Ordni kien hemm kwistjoni serja bejn dawk li riedu jinterpretaw ir-regola ta’ San Franġisk litteralment speċjalment dwar il-poverta’, u dawk li riedu jimmodifikaw ir-regola; hu għaraf iżomm pożizzjoni medja.

 

Fl-1263, San Bonaventura ordna li fi nżul ix-xemx tindaqq il-qanpiena f’kull monasteru, u tingħad it-talba tas-Sliema għall-unur tal-Madonna.  Hu kien jaħseb li kien f’dak il-ħin li l-anġlu ħabbar lill-Madonna li kellha ssir Omm Alla;  minn hawn daħlet l-użanza li jindaqq l-Angelus.

 

Fl-1265 il-Papa Klement IV ried jagħmlu Arċisqof ta’ York fl-Ingilterra, iżda hu ma aċċettax.

 

Fl-1273 il-Papa Girgor X ħatru Kardinal-Isqof ta’ Albano.  Jingħad li l-messaġġiera tal-Papa li wasslulu l-aħbar, sabuh fil-kċina jaħsel il-platti.

 

Miet fil-15 ta’ Lulju1274, ta’ madwar 56 sena, waqt li kien qed jieħu sehem l-iktar attiv fl-erbatax-il kKonċilju Ekumeniku li kien it-tieni wieħed ta’ Lyons.

 

San Bonaventura ħalla ħafna kotba ta’ għerf kbir.

 

Il-Papa Sistu IV iddikjarah Qaddis fl-1482, u l-Papa Sistu V fl-1588 ikkonfermah Duttur tal-Knisja u sejjaħlu Duttur Serafiku.

 

 

Ħsieb

Il-bniedem li hu dejjem ferħan, għandu sinjal qawwi li fih hemm il-grazzja ta’ Alla.

                                                                                                            (San Bonaventura)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

16 TA’ LULJU

 

IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAL-KARMELU

 

Il-Profeta Elija tela’ fuq l-għolja armelu, il-Palestina, biex jitlob għax-xita għax l-art kienet niexfa qoxqox.  F’daqqa waħda ra sħaba żgħira tielgħa mill-baħar.  Wara, is-sema nkesa bis-sħab, u niżlet xita qawwija. (1 Slat. 18)

 

Fit-tnax-il seklu, Eremiti nsara marru jgħixu ħajja ta’ talb u ġabra fuq din l-għolja.

 

Huma xebbħu dik is-sħaba żgħira li kien ra elija mal-Madonna, Omm Alla, li ġabet il-ħajja vera fid-dinja li kienet mejta.  Bdew jonoraw lill-Madonna b’titlu ġdid, il-Madonna tal-għolja tal-Karmelu, u waqqfu Ordni ddedikat prinċipalment għal ħajja kontemplattiva taħt il-patroċinju tal-Madonna.  Illum insibuh bl-isem ta’ l-Ordni tal-Karmelitani.

 

F’dan l-istess jum niċċelebraw il-festa tal-Labtu tal-Madonna tal-Karmelu.  Hemm tradizzjoni li tgħid li fis-16 ta’ Lulju 1251, il-Madonna dehret lil San Xmun Stock li kien is-sitt superjur Ġenerali tal-Karmelitani, f’Cambridge, l-Ingilterra, u wrietu l-labtu, u wegħdet grazzi speċjali għal kull minn jilbsu.

 

Il-Papa Benedittu XIII fis-sena 1726, estenda l-festa tal-Madonna tal-Karmelu fis-16 ta’ Lulju, mal-Knisja kollha.

 

Talba

O Marija, jien mhux biss fil-perikoli, fid-dubji, fid-diffikultajiet, naħseb fik u nsejjaħlek.  Insejjaħlek issa u dejjem.  Nagħmel hekk għax inħobbok.  Int tinsab f’qalbi, u ismek spiss fuq xofftejja.  Minn qiegħ qalbi nsellimlek, infaħħrek u ntennilek:  Is-sliem għalik Marija, mimlija bil-grazzja.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

21 TA’ LULJU

 

SAN LAWRENZ TA’ BRINDISI

Saċerdot u Duttur tal-Knisja:  1559-1619

 

Ċesare de Rosse twieled fil-belt ta’ Brindisi, l-Italja.  Fi ċkunitu ġie edukat mill-patrijiet Franġiskani Konventwali fi Brindisi.  Ta’ tnax-il sena tilef lil missieru, u zijuh ħa ħsieb jibgħatu jistudja fil-kulleġġ ta’ San Mark, f’Venezja.

 

Fl-1575, meta kellu 16-il sena daħal mal-Kapuċċini ta’ Verona. Hawnhekk ħa l-isem ta’ Lawrenz.  Studja l-filosofija u t-teoloġija fl-Universita’ ta’ Padova.  Kien jaf tajjeb ħafna lingwi.  Barra t-Taljan, kien fluwenti fil-Latin, Grieg, Ebrajk, Ġermaniż, Franċiż, Spanjol u Bhoemi.  Kien student brillanti u sar espert fil-Bibbja.  Ħa l-quddiesa, fl-1582, ta’ 23 sena.

 

Fl-1596 sar id-Definitur Ġenerali tal-Kapuċċini f’Ruma.  Il-Papa Klement VIII talbu jippriedka l-Vanġelu lil-Lhud tal-Belt.

 

Fl-1598 ġie mibgħut il-Ġermanja biex jaħdem fost il-Luterani.  Meta kien il-Ġermanja huwa kien strument biex jinfetħu kunventi fi Praga, Vjenna u Gorizea.

 

Fuq talba ta’ l-Imperatur Rudolfu II, huwa organizza armata biex iwaqqaf l-avvanz tat-Torok li kienu waslu biex jinvadu l-Ungerija.  Hu stess personalment kien iħeġġeġ lis-suldati.  Fil-battalja ta’ Stuhlweissenburg, fl-1601, l-Insara rebħu minkejja li t-Torok kienu erba’ darbiet iktar minnhom fin-numru, u hekk l-Ewropa kollha salvat.

 

Fl-1602, il-Kapuċċini għażluh biex ikun il-Ministru Ġenerali ta’ l-Ordni tagħhom.

 

Fl-1605, il-Papa bagħtu l-Ġermanja.  Huwa ddefenda bil-qawwa tiegħu kollha l-Kattoliċiżmu fil-Ġermanja u fl-Awstrija bil-kitba u bil-priedki.  Minkejja l-attivita’ kbira tiegħu kien bniedem ta’ talb.

 

Fl-1610 mar Spanja biex jipperswadi lir-Re Filippu III, biex jidħol fil-Lega Kattolika.  Meta kien Spanja hu fetaħ dar tal-Kapuċċini f’Madrid.

 

Fl-1618 irtira fil-monasteru ta’ Caserta.  Iżda biex jaqbeż għan-nies ta’ Napli mar ikellem lir-Re Filippu III.  Wara li ltaqa mar Re miet f’Lisbona, fit-22 ta’ Lulju li ħabat eżatt is-60 sena mit-twelid tiegħu.  Il-papa Ljun XIII ikkanonizzah fl-1881.

 

Ħsieb

San Lawrenz tgħallem jitkellem b’ħafna lingwi differenti.  Dan għenu qatigħ biex ikun jista’ jkellem lin-nies ta’ pajjiżi differenti, fuq Alla.  Aħna biex nitkellmu ma’ Alla mhemmx għalfejn inkunu nafu b’ħafna ilsna differenti.  Ilsien wieħed hu biżżejjed.  Alla jifhem bl-ilsna u bid-djaletti tad-dinja kollha.  Jalla lsienna nużawh spiss biex nitkellmu bil-qalb ma’ Alla.

 

 

 

 

 

 

22 TA’ LULJU

 

SANTA MARIJA MADDALENA

L-Ewwel Seklu

 

 

L-Evanġelisti jsibu ’l Santa Maddalena bħala ”Marija ta’ Magdala”., jiġifieri kienet tgħammar fir-raħal ta’ Magdala, bil-Lhudi Migdal, fil-Galilija.

 

Kull ma nafu dwarha nafuh mill-Vanġelu li jpinġilna l-karattru tagħha b’mod li jolqotna ħafna – mara li tant ħabbet lil Ġesù.

 

San Mark (16:9) u San Luqa (8:2) jgħidulna li Ġesù keċċa seba’ xjaten minnha.  Il-kotra ta’ l-istudjużi jżommu li mhix l-istess mara li kienet midinba fil-belt u nxteħtet f’riġlejn Ġesù biex tidlikhomlu bil-balzmu u tixxuttahomlu b’xagħarha; u lanqas ma kienet dik Marija oħt Lazzru. 

 

Meta Ġesù kien qed imut fuq is-salib, fil-Ġimgħa l-Kbira, hi kienet hemm taħt is-salib, flimkien mal-Madonna u ma’ xi dixxipli, u għenet fid-difna tal-ġisem mejjet ta’ Ġesù.

 

F’Ħadd il-Għid filgħodu kmieni reġgħet marret ħdejn il-qabar u nħasdet bil-kbir meta sabitu miftuħ u ma ratx il-ġisem ta’ Ġesù ġo fih.  Hi bdiet tibki.  X’ħin ħarset fil-qabar, rat żewġ anġli libsin l-abjad bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kien imqiegħed il-ġisem ta’ Ġesù.  Qalulha:”Mara, x’int tibki?”  Qaltilhom:”Għax ħadu lil Sidi, u ma nafx fejn qegħduh”.  Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda m’għarfitux.  Ġesù qalilha:”Mara, għaliex qeda tibki? Lil min qiegħed tfittex?”  Hi ħasbitu l-ġardinar u qaltlu:”Ja Sidi, Jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, biex nieħdu”.  Ġesù sejħilha:”Marjam!”  Hekk kif Ġesù lissen isimha, għarfitu mill-ewwel, daret u qaltlu bil-Lhudi b’ħafna mħabba:”Rabbuni!” jiġifieri ’Mgħallem’.  Ġesù qalilha:”La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier, imma mur għid lil ħuti li jien sa nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.” (ara Ġw. 20:11-18) B’dan il-kliem Ġesù ried bħal speċi jgħidilha: ”Minn issa’l quddiem mintix ser tarani bl-għajnejn tal-ġisem, mintix ser tmissni bl-idejn tal-ġisem, u lanqas minti ser tismagħni bil-widnejn tal-ġisem, imma ser tarani, ser tmissni u ser tismagħni bil-Fidi.  Ma ser inkun qatt ’il bogħod minnek.  Ser inkun kontinwament u għal dejjem f’qalbek”.

 

Il-Qaddisa marret tiġri tgħid lid-dixxipli u lil kulħadd: ”Rajt il-Mulej”.

 

Probabilment mietet f’Efesu.

 

Ħsie

Jingħalaq bieb u jinfetaħ ieħor, iżda aħna tant indumu nħarsu bi swied il-qalb lejn il-bieb magħluq, li ma nintebħux b’dak li jkun infetaħ għalina.

                                                                                                (Alexander Graham Bell)

 

 

 

 

 

 

 

 

23 TA’ LULJU

 

SANTA BRIĠIDA

Reliġjuża: 1303? – 1373

 

Santa Briġida twieldet fl-Isvezja minn familja nobbli u sinjura ħafna.  Missierha kien Gvernatur

 

Tilfet ’l ommha meta kellha 12-il sena u trabbiet minn zitha.  Qabel ma għalqet ħmistax iżżewġet lil Ulf Gurmarsson. Prinċep li kellu tmintax, u matul it-28 sena taż- żwieġ hieni tagħhom kellhom tmint itfal li waħda minnhom saret Qaddisa, Santa Katrina ta’ l-Isvezja.

 

Fl-1335, Santa Briġida inħatret id-dama prinċipali tar-Reġina Blanche, mart ir-Re Magnus II.

 

Fl-1340, wara l-mewt ta’ binha ż-żgħir, għamlet pellegrinaġġ għall-knisja ta’ San Olaf, fin-Norveġja.  Meta rritornat fl-Isvezja ma ħaditx gost bil-ħajja li bdew jgħixu Magnus u Blanche.  Widdbithom iżda ma tawx kasha.  Talbet u qalgħet permess tħalli l-kariga tagħha biex flimkien ma’ żewġha għamlet pellegrinaġġ għal Campostella (1341 – 1343).  Fil-vjaġġ luraq, żewġha marad.  Meta wasal pajjiżu, iddeċieda li jmur jgħix f’monasteru, u baqa’ hemm sakemm miet fl-1344.

 

Sa minn qabel ma miet żewġha, Briġida kienet daħlet Terzjarja Franġiskana, u kienet qed tgħix ħajja ta’ qaddisa.  Issa qassmet ġidha lil ulieda u ngħatat għal ħajja aktar axxetika għalkemm baqgħet tgħix fid-dinja.  Beda jkollha bosta viżżjonijiet u rivelazzjonijiet.  Darba waħda wara viżjoni li kellha marret għand ir-Re Magnus u martu u ċanfrithom għall-ħajja li kienu qed jgħixu.  Hu nidem, u bi flusu għen il-monasteru f’Vadstena, li fih il-qaddisa waqqfet l-Ordni tas-Salvatur għas-Sorijiet, magħrufin bħala Briġittini (1346).

 

Fis-Sena Mqaddsa 1350, Briġida marret Ruma, fejn ħadmet bis-sħiħ qalb il-poplu speċjalment mal-foqra.  Irsistiet ħafna biex il-Papa jirritorna f’Ruma minn Avignon, iżda x-xewqa tagħha ma seħħietx ħlief erba’ snin wara mewtha.  Kienet magħrufa għar-rivelazzjonijiet li kien ikollha u l-profeziji.

 

Fl-1371 Briġida għamlet pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa flimkien ma’ wliedha Karlu, Bergu u Katarina.  Matul il-pellegrinaġġ kellha sensiela ta’ viżjonijiet tal-ġrajja ta’ Ġesù.

 

Ftit xhur wara li waslet lura f’Ruma, saħħitha bdiet tmajna, u mietet fit-23 ta’ Lulju 1373.  Ħalliet ħafna opri li fihom kitbet dwar l-esperjenzi mistiċi li kellha.  Il-Papa Bonifaċju IX ikkanonizzaha fl-1391.

 

Ħsieb

Biex wieħed jgħix ħajja f’għaqda qawwija ma’ Alla, ma għandux bżonn jinfatam mid-dinja.  Il-ħafna esperjenzi mistiċi kbar li kellha Santa Briġida mhux biss ma qatgħuhiex mid-dinja imma ġieli kienu huma stess li aktar involvewha fiha, bħal fil-kas tal-papat f’Avignon, l-ammonizzjoni lir-Re u lir-Reġina, il-fondazzjoni ta’ l-Ordni, il-ħidma tagħha mal-foqra, il-vjaġġi u l-pellegrinaġġi.  Kemm inżommu lilna nfusna fil-preżenza ta’ Alla matul il-jum?

 

 

 

 

 

 

 

 

25 TA’ LULJU

 

SAN ĠAKBU L-KBIR

Appostlu:  L-ewwel Seklu

 

San Ġakbu, li jiġi ħu San Ġwann l-Appostlu, kien magħruf bħala Ġakbu l-Kbir biex jingħaraf mill-Appostlu Ġakbu l-ieħor li x’aktarx kien iżgħar fl-eta’.

Kien sajjied minn Betsajda, fil-Galilija.  Ġurnata waħda, hu u ħuħ Ġwanni kienu qed jistadu flimkien ma missierhom Żebedew meta Ġesù kien għaddej mill-inħawi u sejħilhom biex ikunu dixxipli tiegħu.  It-tnejn ħallew lil missierhom, ix-xbiek u kollox, u marru miegħu.

 

Lil dawn iż-żewġ aħwa, Ġesù tahom l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri ”ulied ir-ragħad” (Mk. 3:17) x’aktarx għax kienu fuq tagħhom, bħal meta darba qalu lil Ġesù: ”Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna” (Mk. 10: 35-41).  Darb’oħra meta s-Sammaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewh: ”Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” (Lq. 9:54).

 

San Ġakbu kien ma San Pietru u San Ġwann meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru mill-mewt; kien magħhom ukoll fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; u wkoll fl-agunija ta’ Ġesù fil-ġnien taż-Żebbuġ.

 

Tradizzjoni tgħid li wara t-tlugħ tal-Mulej Ġesù fis-sema, San Ġakbu mar Spanja jippriedka l-Vanġelu.  F’Compostella hemm knisja famuża ddedikata f’ismu, u hemm jingħatalu ġieħ mill-ikbar.

 

Kien l-ewwel wieħed fost l-appostli li miet għal Ġesù, bil-qtugħ ir-ras, fil-Palestina, fis-sena 43, fi żmien is-Sultan Agrippa I.

 

Ħsieb

Mhux minnu li wieħed ikun qaddis irid jitwieled qaddis jew irid ikun mingħajr nuqqasijiet.  L-Appostlu San Ġakbu huwa eżempju l-iktar ċar ta’ dan.  Kien ta’ karattru li malajr jixgħel; kellu demmu spont.  Minkejja dan, meta Ġesù sejjaħlu ħall kollox u mar warajh; inbidel u sar Qaddis.

 

 

 

 

 

 

 

26 TA’ LULJU

 

SAN ĠWAKKIN U SANT’ANNA

Ġenituri tal-Verġni Mqaddsa Marija:  L-ewwel Seklu qabel Kristu

 

L-ismijiet ta’ missier u omm il-Verġni Mqaddsa Marija kienu Ġwakkin u Anna. (Anna tfisser grazzja).  It-tnejn kienu mit-tribù ta’ Ġuda mid-dar tas-Sultan David.  Fi xjuħithom marru joqogħdu f’Ġerusalemm mill-Galilija u hemm kellhom tarbija li semmewha Marija li probabbilment kienet l-unika tarbija tagħhom.  Fir-raba’ seklu nbiet knisja, aktarx minn Santa Liena, fuq il-post fejn jingħad li kien hemm id-dar li fiha kienu jgħixu.  Dan nafuh minn tradizzjoni antika, għax mill-Iskrittura ma nafu xejn dwarhom.

 

Fil-Vanġelu nsibu ’l waħda mara jisimha Marija u hi msejħa oħt Marija Omm Ġesù (Ġn. 19:25).  Din x’aktarx li kienet il-kuġina tagħha għax f’dak iż-żmien fil-lvant hekk kienet id-drawwa li jsejħu l-qraba ta’ xulxin.

 

San Ġwakkin u Sant’ Anna kienu n-nanniet ta’ Ġesù.

 

 

 

Ħsieb

Din hija festa tan-nanniet.  Bħal-lum in-nanniet iħarsu lejn il-familja li tnisslet minnhom u kif inhu dmirhom jaraw li qed tikber fl-imħabba u fl-għaqda.  Din il-festa għandha messaġġ ukoll għaż-żgħażagħ, li jagħrfu li x-xjuħ darba kienu żagħżagħ bħalhom, u huma wkoll qed jikbru.  Jalla jikbru mhux biss fiż-żmien imma fil-għaqal, fil-bżulija u fl-imħabba.

 

 

 

 

 

 

 

 

29 TA’ LULJU

 

SANTA MARTA

L-ewwel Seklu

 

Santa Marta, oħtha Marija u ħuha Lazzru, kienu jgħixu f’Betanja, raħal xi 3 km ’l bogħod minn Ġerusalemm.  Jidher li kienu ħbieb ħafna ma’ Ġesù, u kienu spiss jilqgħuh f’darhom.  San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu jgħidilna b’mod partikolari li Ġesù kien iħobbhom. (Ġn. 11:5)

 

Marta aktarx li kienet il-kbira fost l-aħwa, isimha, bl-Aramajk ifisser il-”Padruna tad-dar”.

 

Darba waħda, meta Ġesù kien għandhom, hi kienet imħabbta ħafna tnewwel u taqdi, waqt li Marija kienet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù tisma’ kliemu.  Ħin minnhom talbet lil Ġesù jgħid lil Marija biex tmur tgħinha.  Ġesù weġibha b’dik is-sentenza stupenda: ” Marta! Marta! Inti taħseb u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa.  U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”. (Lq. 10:41)

 

Fil-Vanġelu nerġghu niltaqgħu ma ’ Marta fl-okkażjojni tal-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru.  Marta semgħet li Ġesù kien ġej għandhom, u marret tiġri tilqgħu meta kien għadu ftit ’il bogħod mid-dar.  Qaltlu: ”Mulej, li kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.  Imma wkoll issa, naf li kull ma titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”.  Qalilha Ġesù: ”Jiena u l-qawmien u l-ħajja; u kull min hu ħaj u jemmen fija, ma jmut qatt.  Temmen dan?”  ”Iva, Mulej”, qaltlu hi, ”Jien nemmen li int il-Messija, Bin Alla, li ġie fid-dinja.”

 

Marta marret tiġri d-dar tgħid lil oħtha li kien ġej għandhom Ġesù u li kien staqsa għaliha.  Marija ħalliet kollox u mkarret tiġri tiltaqa’ ma Ġesù li kien għadu barra mir-raħal, fejn kienet iltaqgħet miegħu Marta.

 

Ġesù wasal għandhom meta Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem midfun.  Fl-aħħar Ġesù resaq lejn il-qabar fejn kien midfun Lazzru u ordna jneħħu l-ġebla li kienet tagħlaq id-daħla tal-qabar.  Marta ħasbet li Ġesù ried jara ’l ħabibu għħar darba u qaltlu:  ” Imma, Mulej, ilu ġa erbat ijiem mejjet”.  Ġesù weġibha:  ”Mela ma għedtlekx jien, li jekk temmen, tara l-glorja ta’ Alla?”  Hawnhekk id-dmugħ tan-niket ta’ dawk preżenti nbidel fi dmugħ ta’ ferħ għax għall-kelma ta’ Ġesù, Lazzru qam mill-mewt. (Ġn. 11: 1-44)

 

San Ġwann jerġa jsemmi lil Marta waqt ikla li hi u ħutha għamlu lil Ġesù.  Hemm ukoll insibu ’Marta sservi.

 

Wara din il-ġrajja ma niltaqgħu qatt iktar magħha.

 

Santa Marta hi l-Patruna tan-nisa tad-dar, tal-lukandiera u tal-koki.

 

Ħsieb

Qalet lil oħtha: ”L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek”.  Ġesù qed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minna.  Min iwieġeb u jsir ħabib tiegħu, min ma jagħtix kas u jibqa’ indifferenti, u min jeħoda kontrieh u joffendih.  Aħna f’liema kategorija naqgħu?

 

 

 

 

 

 

 

30 TA’ LULJU

 

SAN PIETRU KRISOLOGU

Isqof u Duttur tal-Knisja:  380? -450

 

San Pietru twieled f’Imola, l-Italja, għal ħabta tas-sena 380.  L-Isqof ta’ Imola, Kornelju, ħa ħsieb l-edukazzjoni tiegħu u ordnah Djaknu.

 

Fis-sena 433, il-Papa Sistu III ħatru Arċisqof ta’ Ravenna.

 

Kien difensur kbir tal fidi Kattolika, ħadem bis-sħiħ biex jeqred il-paganiżmu mid-djoċesi tiegħu, u b’kuraġġ kbir ipprojbixxa l-festi immorali li kienu jinżammu fil-bidu ta’ Jannar.

 

Tant kien predikatur tajjeb li qala’ l-isem ta’ Krisologu, li jfisser ”Kliemu tad-Deheb”.

 

Il-priedki tiegħu kienu jkunu dejjem qosra.  Hemm 176 priedka tiegħu, li għadhom ippreservati sal-lum.  Kien iħeġġeġ ħafna lin nies biex jitqarbnu spiss.

 

Huwa kien jeżorta bil-qawwa kollha lil Ewtiku, wara li dan kien ġie kkundannat fis-Sinodu ta’ Kostantinopli (448), biex jaċċetta l-misteru ta’ l-inkarnazzjoni u joqgħod għat-tagħlim tal-Knisja.

 

San Pietru kien iċ-Ċelebrant li mexxa l-funeral ta’ San Ġermanu ta’ Auxerre fis-sena 448.

 

Miet fit-2 ta’ Diċembru tas-sena 450 f’Imola, fejn kien mar biex iqim il-martri Kassjanu, protettur tiegħu.

 

Il-Papa Benedittu XII ipproklamah Duttur tal-Knisja fis-sena 1729.

 

Ħsieb

Min jieħu gost max-xitan,ma jistax jifraħ ma’ Ġesù.”            (San Pietru Krisologu)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

31 TA’ LULJU

 

SAN INJAZJU TA’ LOYOLA

Saċerdot:  1491 - 1556

 

San Injazju twieled fil-kastell ta’ Loyala f’Azpeitia, Spanja, fl-1491, minn familja nobbli.  Kien l-iżgħar fost tużżana tfal, u tawh l-isem ta’ Inigo li hu stess bidel f’Injazju f’madwar l-1540.

 

Beda jaħdem bħala paġġ fil-qorti tar-Re Ferdinandu V, u mbagħad daħal suldat u sar Kaptan fl-armata tal-Viċire ta’ Navarra.

 

Fl-1521, fil-battalja ta’ Pamplona kontr l-Franċiżi, balla ta’ kanun qasmitlu l-qasba ta’ siequ l-leminija u fetħitlu beraħ il-pexxun ta’ siequ l-oħra.  Midrub kif kien, bagħtuh lura fil-kastell tal-familja tiegħu ta’ Loyola biex ifiq.

 

Meta kien qed jirkupra ġew żewġ kotba f’idejh: ”Il-Ħajja ta’ Ġesù” u ”Il-Ħajja tal-Qaddisin”.  Tant laqtuh li ddeċieda li jagħti ħajtu lil Ġesù, u jaħdem ”għall-ikbar glorja t’Alla”, kliem li kellu jsir il-motto tas-Soċjeta’.

 

Meta fieq għamel pellegrinaġġ lis-Santwarju tal-Madonna f’Montserrat.  Is-sentejn ta’ wara għaddiehom f’Manresa.  Kien f’dawn is-sentejn ta’ talb u ġabra li hu beda jikteb il-ktieb famuż tiegħu ”L-Eżerċizzi Spiritwali”.

 

Fl-1523 telaq minn Manresa u mar jagħmel pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa.  Meta reġa lura Spanja fl-1524, ra li mingħajr edukazzjoni soda ma setax iwettaq il-missjoni tiegħu, u telaq lejn Barċellona biex jibda jistudja l-Latin.

 

Fl-1528, mar l-Universita’ ta’ Pariġi.  Hawnhekk iltaqa’ u sar ħabib kbir ma’ sitt studenti li wieħed minnhom kien San Franġisk Saverju, u ieħor San Pietru Faber.

 

Fl-1534, San Injazju u sħabu għamlu l-vot tal-kastita’ u tal-poverta’ fil-kappella ta’ Montmartre, u wegħdu li jmorru jippridkaw il-Vanġelu fil-Palestina u joffru s-servizzi tagħhom dirett lill Papa Pawlu III.  Hekk twaqqfet is-Soċjeta’ ta’ Ġesù, jew il-Ġiżwiti kif huma magħrufin illum.

 

Fl-1537, San Injazju u l-kumpanmi tiegħu li issa kienu saru disgħa, marru Venezja u ġew ordnati saċerdoti.  Billi ma setgħux imorru l-Art Imqaddsa, marru Ruma u offre lilhom infushom lill-Papa Pawlu III.  Hekk l-Ordni ġie uffiċjalment imwaqqaf fl-1540.

 

Fl-1541, San Injazju ġie magħżul biex ikun l-ewwel Superjur Ġenerali, u għadda l-kumplament ta’ ħajtu f’Ruma, imexxi s-Soċjeta’ ta’ Ġesù.  Miet f’Ruma, fil-31 ta’ Lulju 1556.  Kien ikkanonizzat fl-1622.

 

 

Talba:

Mulej Alla!  Int jistħoqqlok li tirċievi glorja u unur, għax Int ħlaqt kollox u bir-rieda tiegħek jeżisti kollox u jgħix.  Int għamilt is-sema u l-art u l-meravilji li jeżistu fihom.  Int is-Sid ta’ kollox.  Glorja lill-Missier, u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.