31 ta’ Diċembru

Is-SebaJum fost l-Ottava tal-Milied

 

Qari I

Għandkom id-dilka mill-Qaddis u dan tafuh ilkoll.

1 Ġw 2, 18-21

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Uliedi, waslet l-aħħar siegħa. Smajtu li għandu jiġi l-antikrist. Issa, araw, ħafna antikristi ġa dehru minn issa. U minn dan nagħrfu li waslet l-aħħar siegħa. Dawn ħarġu minn fostna imma ma kinux minn tagħna; li kieku kienu minn tagħna kienu jibqgħu magħna. Għalhekk kien jeħtieġ li jkun magħruf li mhux kulħadd kien magħna. Intom, iżda, għandkom id-dilka mill-Qaddis u dan tafuh ilkoll. Ma ktibtilkomx bħallikieku ma tafux il-verità, imma għax tafuha, u tafu wkoll li ebda qerq ma jitnissel mill-verità.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 95 (96), 1-2.11-12.13

 

R/. (11a): Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu!

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu. R/.

 

Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,

ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,

ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih,

u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk. R/.

 

Quddiem il-Mulej, għax ġej,

għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

u mill-popli bis-sewwa tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 1, 14a.12a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Verb sar bniedem u għammar fostna.

Lil dawk li laqgħuh

tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-Verb sar bniedem.

Ġw 1, 1-18

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Fil-bidu kien il-Verb,

u l-Verb kien ma’ Alla,

u l-Verb kien Alla.

Hu kien fil-bidu ma’ Alla.

Kollox bih sar,

u xejn ma sar mingħajru;

kulma sar kellu l-ħajja fih,

u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.

Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni.

Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl,

biex bih kulħadd jemmen.

Ġwanni ma kienx id-dawl,

imma ġie biex jixhed għad-dawl,

dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem,

huwa u ġej fid-dinja.

Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih,

imma d-dinja ma għarfitux.

Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx.

Imma lil dawk li laqgħuh

tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla,

dawk li jemmnu f’ismu,

li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem,

u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

 

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,

u aħna rajna l-glorja tiegħu,

il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,

mimli bil-grazzja u l-verità.

Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal:

“Dan hu li għalih għedtilkom:

Jiġi warajja, imma hu aqwa minni,

għax kien minn qabli”.

Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna,

grazzja fuq grazzja.

Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè

imma l-grazzja u l-verità seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu.

Lil Alla għadu ħadd ma rah;

imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,

li hu fi ħdan il-Missier.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu