Is-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Il-poplu kollu nġabar madwar Ġeremija fit-tempju tal-Mulej.

Ġer 26, 1-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Fil-bidu tas-saltna ta’ Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, ġiet lil Ġeremija l-kelma tal-Mulej:Hekk jgħid il-Mulej: Mur u oqgħod fil-bitħa tat-tempju tal-Mulej, kellem lill-ibliet kollha ta’ Ġuda, li jiġu biex iqimu fit-tempju tal-Mulej; għidilhom il-kliem kollu li ordnajtlek tgħidilhom, bla ma tħalli kelma waħda biss. Għandhom mnejn jisimgħu, u jerġgħu lura kull wieħed minnhom minn triqtu l-ħażina, u jiena nindem mill-ħsara li bi ħsiebni nagħmlilhom minħabba l-ħażen ta’ għemilhom. Għidilhom: Dan jgħid il-Mulej: Jekk intom ma tisimgħux minni biex timxu fuq il-liġi tiegħi li tajtkom, jiġifieri, biex tisimgħu l-kliem tal-qaddejja tiegħi l-profeti li jiena bla heda bgħattilkom, imma li intom ma smajtux minnhom, jiena nagħmel minn dan it-tempju ħerba bħalSilo, u lil din il-belt nagħmel minnha wirja ta’ saħta għall-ġnus kollha tad-dinja”. Il-qassisin, il-profeti u l-poplu kollu semgħu lil Ġeremija jgħid dan il-kliem fit-tempju tal-Mulej. Malli Ġeremija temm jgħid kulma l-Mulej kien ordnalu jgħid lill-poplu kollu, il-qassisin u l-profeti u l-poplu kollu, qabduh u bdew jgħajtu: “Ħaqqu l-mewt. L-għala ħabbart f’isem il-Mulej u għedt li bħal Silo għad jiġrilu dan it-tempju, u li din il-belt għad issir ħerba bla nies?”. U l-poplu kollu nġabar madwar Ġeremija fit-tempju tal-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 68 (69), 5.8-10.14

 

R/. (14ċ): O Alla, weġibni, fil-kobor ta’ tjubitek

Dawk li għal xejn jobogħduni

huma iżjed mix-xagħar ta’ rasi;

dawk li bil-gideb jixluni

huma b’saħħithom aktar minn għadmi;

ġagħluni rrodd dak li ma sraqtx. R/.

 

Għax minħabba fik qiegħed nilqa’ t-tmaqdir,

u l-mistħija tiksili wiċċi.

Sirt barrani għal ħuti;

ulied ommi ma jagħrfunix.

Għax il-ħeġġa għal darek fnietni,

it-tagħjir ta’ min jgħajjar lilek waqa’ fuqi. R/.

 

Imma jien lilek nitlob, Mulej;

meta jogħġbok, o Alla, weġibni,

fil-kobor ta’ tjubitek u skont il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Piet 1, 25

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem:

din hi l-kelma tal-Evanġelju li kien imxandar lilkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa? Mnejn ġieh dan kollu?

Mt 13, 54-58

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù mar lejn pajjiżu. Beda jgħallem lin-nies fis-sinagoga tagħhom, u huma baqgħu mistagħġba hekk li bdew jgħidu: “Mnejn ġieb dan l-għerf u din il-qawwa tal-għaġeb? Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa? Ommu mhijiex dik li jisimha Marija, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? U ħutu l-bniet mhumiex kollha magħna? Mnejn ġieh dan kollu?” U tfixklu minħabba fih. Imma Ġesù qalilhom: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u daru stess”. U hemmhekk ma għamilx ħafna mirakli minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu