31 ta’ Mejju
Iż-Żjara tal-Imqaddsa
Verġni Marija
Festa
Qari I
Sof 3: 14-18
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija
Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon, Israel, semma’
leħnek! Infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha, ja bint
Ġerusalemm!
Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontra
tiegħek, keċċa l-għedewwa tiegħek. Is-Sultan t’Israel,
il-Mulej, hu f’nofsok; ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża’.
Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm: Tibżax, Sijon, tħallix
idejk jintelqu: Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li
jsalva; minħabba fik jithenna b’hena kbir, fi mħabbtu jġeddek,
jinfexx minħabba fih f’għajat ta’ ferħ, bħalikieku f’jum
ta’ festa. Il-ħsara nwarrab minnek, biex ma tibqax mgħobbija bil-għajb
tagħha.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
12, 2-6
R/. Kbir hu
f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel!
Alla hu
s-salvazzjoni tiegħi;
jiena
nittama u ma nibżax,
għax
il-qawwa u l-għana tiegħi hu l-Mulej;
hu
s-salvazzjoni tiegħi.
Kollkom
ferħana, timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni. R/.
Għannu
lill-Mulej, sejħu lil ismu,
għarrfu
lill-ġnus l-għeġubijiet tiegħu,
xandru li
ismu huwa fil-għoli. R/.
Għannu lill-Mulej għax għamel
ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf min-nies kollha tal-art.
Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li
tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel. R/.
Akklamazzjoni
għall-Evanġelju
Lq 1: 45
R/. Hallelujah
Hienja
int, Verġni Marija, għax emmint li jseħħ
dak kollu
li l-Mulej bagħat jgħidlek.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Lq 1: 39-56
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn
il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u
sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet ’il Marija
ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet
bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost
in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni
dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax, ara, malli smajt f’widnejja
leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet
bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma
ntqalilha min-naħa tal-Mulej.”
Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor
tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja
tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull
żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’
driegħu, xerred ’il dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel
is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla
ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u
l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Israel qaddej
tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu bħalma
wiegħed ’il missirijietna b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”
Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal xi tliet xhur, u
mbagħad reġgħet lura lejn darha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.