30
ta’ Novembru
Sant’Andrija,
Appostlu
Festa
Qari I
Rum 10: 9-18
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.
Jekk inti tistqarr b’fommok, ‘Ġesù hu l-Mulej,’ u
temmen f’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva. Wieħed jemmen
f’qalbu biex ikollu l-ġustifikazzjoni, u jistqarr, b’xofftejh biex ikollu
s-salvazzjoni.
L-Iskrittura tgħid, ‘Kull min jemmen fih ma
jintilifx.’ Ma hemm ebda għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta’
kulħadd, u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu.
Għax ‘kull min isejjaħ isem il-Mulej
isalva.’ Imma kif jistgħu jsejħu lil min ma emmnux fih? Kif
jistgħu jemmnu f’min ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu
jekk ma jippritkawlhomx? Kif jistgħu jippritkaw jekk ma jkunux
mibgħuta?
Bħalma hemm miktub, ‘Kemm huma sbieħ
riġlejn dawk li jħabbru l-ġid!’ Iżda mhux kulħadd
qagħad għall-kelma ta’ Kristu. Imma, ngħid jien, jaqaw ma
semgħux? Żgur li semgħu. L-Iskrittura tgħid, ‘Leħinhom
xtered mal-art kollha, u l-kelma tagħhom laħqet truf id-dinja.’
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil
Alla.
Salm Responsorjali
Salm 18: 2-5
R/. Mal-art kollha jasal
leħinhom!
Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla,
għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum lill-ieħor jagħti l-aħbar,
lejl lill-ieħor iwassal it-tagħrif. R/.
Ma hemmx aħbar u anqas kliem,
ma hemmx leħen li ma jinstemax.
Mal-art kollha jasal leħinhom,
mad-dinja kollha jinxtered kliemhom. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 4: 19
R/. Hallelujah.
Il-Mulej jgħid: Ejjew warajja,
u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Mt 4: 18-22
Qari
mill-Evanġelju skont San Mattew.
F’dak iż-żmien: Huwa u jdur ma’ xatt
il-baħar tal-Galilija, Ġesù lemaħ żewġ aħwa,
Xmun, jgħidulu Pietru, u Indrì
ħuh, qegħdin ikalaw ix-xbiek il-baħar, għax kienu sajjieda.
U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”.
U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa
minn hemm, ra żewġ aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u
ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom,
Żebedew, iħejju x-xbiek tagħhom; u sejħilhom. Minnufih
telqu d-dgħajsa u ’l missierhom, u marru warajh.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.