Is-Sbatax-il Ġimgħa
taż-Żmien ta’ Matul
is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Dawn huma l-festi tal-Mulej li fihom tagħmlu l-laqgħat imqaddsa.
Lev 23,
1.4-11.15-16.27.34b-37
Qari mill-Ktieb tal-Levitiku
U l-Mulej
kellem lil Mosè u qallu: “Dawn huma l-festi tal-Mulej, il-laqgħat imqaddsa li għandkom tniedu fi żmienhom.
Fl-ewwel xahar, fl-erbatax tax-xahar, filgħaxija bejn ħajta dawl u oħra dlam, l-Għid tal-Mulej. U fil-ħmistax-il jum tal-istess xahar issir il-festa tal-ħobż ażżmu lill-Mulej; għal sebat ijiem tieklu ħobż
bla ħmira. Fl-ewwel jum ikollkom il-laqgħa
mqaddsa, u ma tagħmlu ebda xogħol. Għal sebat ijiem toffru sagrifiċċju
tal-ħruq lill-Mulej, u fis-seba’ jum issir
laqgħa mqaddsa u ma tagħmlu ebda xogħol”.
U l-Mulej
kellem lil Mosè u qallu: “Kellem lil ulied
Iżrael u għidilhom: “Meta tidħlu fl-art li jien se nagħtikom u taħsdu l-ħsad, ġibu l-ewwel qatta tal-ħsad lill-qassis. U hu jxejjirha quddiem il-Mulej, biex togħġbuh; ixejjirha l-għada tas-Sibt.
Għoddu seba’ ġimgħat sħaħ
mill-għada tas-Sibt, u
minn meta tkunu offrejtu l-qatta u xejjirtuha quddiem il-Mulej. Tgħoddu ħamsin jum sal-għada tas-seba’ Sibt; imbagħad iġġibu offerta ġdida tal-qamħ lill-Mulej.
Fl-għaxra ta’ dan is-seba’ xahar ikun
Jum l-Espjazzjoni; ikollkom laqgħa mqaddsa, u tgħakksu ruħkom, u toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej.
Fil-ħmistax
ta’ dan is-seba’ xahar, tagħmlu l-festa tal-Għerejjex għal sebat ijiem f’ġieħ il-Mulej. Fl-ewwel jum ikollkom
laqgħa mqaddsa; ma tagħmlu ebda xogħol. Għal sebat ijiem toffru
s-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; fit-tmien jum ikollkom
laqgħa mqaddsa; dakinhar toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; tkun laqgħa solenni, ma tagħmlu ebda xogħol dakinhar.
Dawn huma
l-festi tal-Mulej li għandkom tniedu, u fihom tagħmlu l-laqgħat imqaddsa, u toffru lill-Mulej il-vittmi bin-nar; is-sagrifiċċji tal-ħruq, l-offerti tal-qmuħ, sagrifiċċji
u tiswib, kull ħaġa fil-jum tagħha”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 80 (81), 3-4.5-6ab.10-11ab
R/. (2a): Għannu bil-ferħ lil Alla, qawwa
tagħna
Għollu leħen l-għana,
doqqu t-tnabar, doqqu ċ-ċetra ħelwa mal-arpa.
Doqqu t-tromba mal-qamar ġdid,
mal-qamar mimli f’jum il-festa
tagħna. R/.
Għax dan hu
kmandament għal Iżrael,
din liġi ta’ Alla ta’ Ġakobb.
Dan l-ordni
hu tah lil
Ġużeppi,
huwa u ħiereġ minn art l-Eġittu. R/.
Ma jkollokx
alla ieħor f’nofskom,
tinxteħitx quddiem alla barrani.
Jiena l-Mulej, Alla tiegħek,
li tellajtek mill-art tal-Eġittu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Piet 1, 25
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Il-kelma
tal-Mulej tibqa’ għal dejjem:
din hi l-kelma tal-Evanġelju li kien imxandar lilkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa? Mnejn ġieh dan kollu?
Mt 13, 54-58
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù mar lejn pajjiżu. Beda jgħallem lin-nies fis-sinagoga tagħhom, u huma baqgħu mistagħġba hekk li bdew jgħidu: “Mnejn ġieb dan l-għerf u din il-qawwa tal-għaġeb? Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa? Ommu mhijiex
dik li jisimha Marija, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? U ħutu l-bniet mhumiex kollha magħna? Mnejn ġieh dan kollu?”.
U tfixklu minħabba fih. Imma Ġesù qalilhom: “Ebda profeta ma hu bla
ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u daru stess”. U hemmhekk ma għamilx ħafna mirakli minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu