Ħadd wara Għid il-Ħamsin

It-Trinità Qaddisa

Solennità

 

Qari I

Il-Mulej hu tassew Alla kemm fil-għoli tas-sema kif ukoll hawn isfel fl-art, u m’hawnx ieħor għajru.

Dewt 4:32-34,39-40

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Staqsi liż-żminijiet tal-imgħoddi, iż-żminijiet ta’ qabel, sa minn mindu Alla ħalaq il-bniedem fuq l-art, fittex minn tarf għall-ieħor tas-sema, u ara kienx hemm ġrajja hekk kbira bħal din, jew qattx instemgħet oħra bħalha. Qatt kien hemm poplu li samaleħen Alla jitkellem minn ġon-narbħalma smajt int – u baqaħaj?

 

Jew qatt xi alla fittex li jagħżel għalih poplu minn fost poplu ieħor b’tiġrib, b’sinjali, b’għeġubijiet, b’taqbid, b’id qawwija u bi driegħ merfugħ, b’għemejjel kbar tal-biża’, bħalma għamel għalik quddiem għajnejk fl-Eġittu l-Mulej, Alla tiegħek?

 

Mela, kun af illum, u żommha f’moħħok, li l-Mulej hu tassew Alla, kemm fl-għoli tas-sema kemm hawn isfel fuq l-art, u li ma hawnx ieħor għajru. Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu li se nagħtik illum biex ikollok riżq, int u wliedek warajk, ħalli tgħix żmien twil fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik għal dejjem.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 32(33):4-5,6,9,18-19,20,22

 

R/. (12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.

 

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

 

Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,

u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.

Għax hu tkellem, u kollox sar;

hu ordna, u kollox seħħ. R/.

 

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna. R/.

 

Qari II

Irċevejtu l-Ispirtu tal-adozzjoni ta’ wlied Alla.

Rum 8:14-17

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!. Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Apok 1:8

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,

lil Alla li hu, u li kien u li għad irid jiġi.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Għallmu u għammdu fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mt 28:16-20

 

Għeluq tal-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.