Għid il-Ħamsin

Solennità - Quddiesa tal-Vġili

 

Qari I

Issejħet Babel, għax hemmhekk il-Mulej ħawwad ilsien l-art kollha.

Ġen 11, 1-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

L-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed. Meta l-bnedmin telqu mil-Lvant sabu wita f’art Singħar u baqgħu hemm. U qalu wieħed lill-ieħor: “Ejjew nagħmlu l-madum u naħmuh sewwa!”. U l-madum kienu jużawh flok il-ġebel, u l-qatran flok it-tajn. U reġgħu qalu: “Ejjew nibnu belt għalina, u torri, bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu isem għalina, ħalli ma nixterdux mal-wiċċ kollu tal-art”.

 

U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu qegħdin jibnu l-bnedmin. U l-Mulej qal: “Arahom, poplu wieħed u lsien wieħed għalihom ilkoll. U dan għadu l-bidu ta’ xogħolhom; issa kulma jiġihom f’rashom xejn ma jaqtgħalhom qalbhom! Ejja, ħa ninżlu u nħabblulhom ilsienhom, ħalli ma jifhmux ilsien xulxin”.

 

U l-Mulej xerridhom minn hemm għal fuq wiċċ l-art kollha, u waqfu mill-bini tal-belt. Għalhekk bdew isejħulha Babel, għax hemm ħawwad il-Mulej ilsien l-art, u minn hemm xerridhom il-Mulej mal-wiċċ kollu tal-art.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 10-11.12-13.14-15

 

R/. (12): Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu

 

Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus,

ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.

Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,

minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu. R/.

 

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b’wirt tiegħu.

Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,

u jara l-bnedmin kollha. R/.

 

Mill-post fejn jgħammar

jistħarreġ fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art.

Hu jsawwar il-qalb ta’ kull wieħed,

u jagħraf għemilhom kollu. R/.

 

Jew

 

Qari I

Il-Mulej jinżel fuq il-muntanja Sinaj quddiem il-poplu.

Eż 19, 3-8a.16-20b

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, Mosè tala’ ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan għid lil dar Ġakobb u għarraf lil ulied Iżrael: Rajtu intom x’għamilt lill-Eġizzjani, u kif lilkom ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ tal-ajkli u ressaqtkom lejja. Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija saltna ta’ qassisin u ġens qaddis”. Dan hu l-kliem li tgħid lil ulied Iżrael”.

 

Imbagħad Mosè mar isejjaħ lix-xjuħ tal-poplu, u qegħdilhom quddiemhom dan il-kliem kollu li ordnalu l-Mulej. U l-poplu kollu wieġeb b’leħen wieħed u qalu: “Kulma qal il-Mulej aħna nagħmluh”.

 

Fit-tielet jum mas-sebħ kien hemm ragħad u beraq, u sħab oħxon għatta l-muntanja. Instama’ wkoll iż-żarżir qawwi tat-tromba, u triegħed il-poplu kollu fil-kamp. Mosè ħareġ il-poplu mill-kamp biex jiltaqgħu ma’ Alla; u waqfu f’riġlejn il-muntanja. Il-muntanja tas-Sinaj bdiet iddaħħan kollha kemm hi, għax niżel fuqha l-Mulej fin-nar. Id-duħħan beda tiela’ ’l fuq bħad-duħħan ta’ forn, u l-muntanja kienet titheżżeż kollha. Kulma jmur id-daqq tat-tromba kien dejjem jitqawwa. Imbagħad tkellem Mosè, u Alla wieġbu b’ragħda. U niżel il-Mulej fuq il-quċċata tal-muntanja tas-Sinaj, u l-Mulej sejjaħ lil Mosè biex jitla’ fuq il-quċċata tal-muntanja.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 102 (103), 1-2.3-4.6-7.17-18

 

R/. (17): It-tjieba tal-Mulej ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħu

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

 

Il-Mulej jagħmel is-sewwa,

u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.

Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,

l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael. R/.

 

Imma t-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem

ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħu,

u s-sewwa tiegħu ma’ wlied uliedhom;

ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu,

u jiftakru fil-preċetti tiegħu u jħarsuhom. R/.

 

Jew

 

Qari I

Għadam niexef, jien se nġib fik ir-ruħ, u inti terġa’ tgħix.

Eżek 37, 1-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

 

F’dak iż-żmien, 1ġiet fuqi id il-Mulej u ħaditni fl-ispirtu tal-Mulej u qegħditni f’nofs il-wied. Dan kien miżgħud bl-għadam. Huwa għaddieni dawramejt madwarhom, u kien hemm kotra kbira mxerrda mal-wied, u kienu kollha niexfa qoxqox.

 

U l-Mulej qalli: “O bniedem, jista’ dan l-għadam jerġa’ jieħu l-ħajja?”. Jiena weġibt: “Sidi Mulej, dan inti tafu”. U qalli: “Ħabbar lil dan l-għadam u għidlu: “O għadam niexef, isma’ l-kelma tal-Mulej. Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jien se nġib fik ir-ruħ, inti terġa’ tgħix. U nqiegħed fik in-nervi, u ntellagħlek il-laħam, u niksik bil-ġilda, u nqiegħed fik ir-ruħ. U inti terġa’ tgħix, u tkun taf li jiena l-Mulej”.

 

Imbagħad ħabbart kif ordnali. U jiena u nħabbar instama’ ħoss, u ara, l-għadam tqanqal, u kollha bdew resqin lejn xulxin, għadma lejn għadma. Jien ħarist, u ara, ġew fihom in-nervi, telgħalhom il-laħam, fuqhom infirxet il-ġilda, imma nifs ma kienx hemm fihom. U qalli: “Ħabbar lir-ruħ, ħabbar, o bniedem, u għid lir-ruħ: “Hekk qal Sidi l-Mulej: Ejja, ruħ, mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, ħa jerġgħu jieħdu l-ħajja”.

 

Jien ħabbart kif ordnali, u r-ruħ daħlet fihom, u reġgħu ħadu l-ħajja, u waqfu fuq riġlejhom, eżerċtu kbir fuq li kbir. U qalli: “O bniedem, dan l-għadam huwa d-dar kollha ta’ Iżrael. Ara, huma jgħidu: “Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, inqridna għal kollox”. Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom: “Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael.

 

Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi. U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja. Inqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej. Hekk għedt, u hekk nagħmel”.“ Oraklu tal-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 3-4.8-9.12-13.14.17

 

R/. (12): Oħloq fija qalb safja, o Alla

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

 

Int li tħobb il-qalb sinċiera,

għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi.

Roxxni bl-ilma, u nissaffa;

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad. R/.

 

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

 

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Lill-midinbin ngħallem triqatek,

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura. R/.

 

Jew

 

Qari I

Insawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-qaddejja kollha tiegħi.

Ġoel 3, 1-5

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel

 

Dan jgħid il-Mulej:

Jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.

Uliedkom iħabbru, subien u bniet,

ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm,

iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.

U mqar fuq il-qaddejja, irġiel u nisa,

insawwab l-ispirtu tiegħi f’dawk il-jiem.

Fis-sema u fl-art nuri sinjali,

demm u nar u kolonni ta’ duħħan!

Ix-xemx tinbidel fi dlam,

u l-qamar f’demm,

qabel ma jasal Jum il-Mulej,

kbir u tal-biża’!

U kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles,

għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm is-salvazzjoni,

kif qal il-Mulej,

u f’Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 103 (104), 1-2a.24.35ċ.27-28.29bċ-30

 

R/. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art

jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, int kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u bil-ġmiel inti mlibbes,

bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb. R/.

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Kollha bl-għerf int għamilthom;

mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej! R/.

 

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha

li tagħtihom ikilhom f’waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru;

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid. R/.

 

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

 

Qari II

L-Ispirtu jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem.

Rum 8, 22-27

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna. Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista’ wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m’aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.

 

Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek

u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.

Ġw 7, 37-39

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid b’leħen għoli: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj”. Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu