It-Tielet Ġimgħa
taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
Qari I
Kien iħares ’il quddiem lejn il-belt li l-imgħallem
u l-bennej tagħha huwa Alla.
Lhud 11,
1-2.8-19
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, il-fidi hija
pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ
li ma narawx. In-nies tal-imgħoddi għoġbu lil Alla sewwasew għax
kellhom il-fidi. Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa
ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u
telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.
Kienet il-fidi li ġagħlitu
jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix
taħt it-tined flimkien ma’ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta
miegħu tal-istess wegħda; għax hu kien iħares ’il quddiem,
lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa
Alla.
Kienet ukoll il-fidi li
biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax
hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda. Kien
għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet,
twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar,
li ħadd ma jista’ jgħoddu.
Kollha bil-fidi mietu dawn
in-nies. Kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda
huma rawh mill-bogħod u sellmulu, waqt li għarfu li huma kienu
barranin u għorba fuq l-art. Tabilħaqq, dawk li jitkellmu b’dan
il-mod juru ċar li huma qegħdin ifittxu pajjiż għalihom.
Li kieku kellhom fi ħsiebhom
il-pajjiż li minnu kienu ħarġu, kellhom żmien
biżżejjed biex jerġgħu lura fih. Imma issa huma jixtiequ
pajjiż aħjar, jiġifieri, dak tas-sema. Huwa għalhekk li
Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla tagħhom, għax hu ħejja
belt għalihom.
Kienet il-fidi li ġagħlet
lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil
ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet, hu li Alla
kien qallu: “Minn Iżakk int għad ikollok nisel”. Huwa fehem li Alla
kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens ta’
tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Lq 1,
69-70.71-72.73-75
R/. (ara 68): Imbierek
il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,
għaliex ġie
jżur u jifdi l-poplu tiegħu
Hu waqqaf għalina
qawwa ta’ salvazzjoni
f’dar David qaddej tiegħu,
bħalma wiegħed
fl-imgħoddi
b’fomm il-profeti qaddisin
tiegħu. R/.
Hu jsalvana mill-għedewwa
tagħna,
u minn idejn dawk kollha li
jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’
missirijietna
u jiftakar fil-patt qaddis
tiegħu. R/.
Hu jiftakar fil-ħalfa
li ħalef lil Abraham missierna:
li jagħtina l-grazzja
li, wara li jeħlisna
minn idejn l-għedewwa tagħna,
naqduh bla biża’, tul ħajjitna
kollha,
bil-ġustizzja u
l-qdusija quddiemu, ħajjitna kollha. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 3, 16
Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla hekk ħabb
lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ma
jintilifx,
iżda jkollu l-ħajja
ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u
l-baħar jisimgħu minnu?
Mk 4, 35-41
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
Dakinhar, xħin sar
filgħaxija Ġesù qal lid-dixxipli: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”.
Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u
marru miegħu dgħajjes oħra. U qam riefnu kbir, u l-mewġ
beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet
timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajjmuh u qalulu:
“Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”.
Imbagħad qam, ordna
lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ
waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex?
Mela ma għandkomx fidi?”. U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu
lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar
jisimgħu minnu?”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu