L-Ewwel
Ġimgħa tal-Avvent
It-Tnejn
Qari I
Il-Mulej jiġma’
l-ġnus kollha fis-sliem tas-saltna ta’ Alla għal dejjem.
Iż 2, 1-5
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Il-kelma
li ġiet f’dehra lil Isaija bin Amos, dwar Ġuda u Ġerusalemm.
Għad jiġri fl-aħħar jiem
li l-għolja tad-dar tal-Mulej togħla
’l fuq mill-qċaċet
tal-muntanji,
u tintrefa ’l fuq mill-għoljiet,
lejha għad jiġru l-ġnus kollha.
Kotra ta’ popli għad jiġu u jgħidu:
“Ħalli
mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej,
lejn id-dar ta’ Alla ta’ Ġakobb,
biex jgħallimna triqatu,
u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.
Għax minn
Sijon joħroġ it-tagħlim,
u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm”.
Il-Mulej
jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus,
u jaqta’ s-sentenza bejn ħafna
popli;
u huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet,
u l-lanez tagħhom fi mnieġel.
Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor,
u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex
iżjed.
Ejja, dar Ġakobb,
ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
fis-sena A
Qari I
Fuq in-nies miġmugħa tinfirex il-glorja.
ara Iż 4, 5
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Dakinhar ir-rimja tal-Mulej tkun ġmiel u glorja, u l-frott tal-art ikun kburija u żîna tal-fdal ta’ Iżrael. U jiġri li min jibqa’ f’Sijon u min jitħalla f’Ġerusalemm, qaddis jissejjaħ, min hu miktub għall-ħajja f’Ġerusalemm.
Meta Sidi jkun naddaf
il-ħmieġ tal-bniet
ta’ Sijon, u ħasel id-dmija ta’ Ġerusalemm minn ġo nofsha
b’ruħ il-ġustizzja
u b’riħ il-qerda, joħloq il-Mulej fuq il-medda kollha
tal-muntanja ta’ Sijon, u fuq in-nies miġmugħa fiha sħaba binhar u duħħan, u dija ta’ nar iħeġġeġ billejl, għax fuq kollox
tinfirex il-glorja bħal għarix għad-dell mis-sħana binhar u kenn u lqugħ mill-irwiefen u x-xita.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 121 (122), 1-2.3-4a. 4b-5.6-7.8-9
R/. (ara 1): Immorru ferħana f’dar il-Mulej
Fraħt meta qaluli:
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna
fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.
Ġerusalemm, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej. R/.
Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm:
Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha
li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa
l-ħitan tiegħek,
u l-ġid
fil-palazzi tiegħek. R/.
Minħabba ħuti u ħbiebi,
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”.
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna,
nixtieq illi jkollok il-ġid.
R/.
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
ara Salm 79 (80), 4
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Mulej, Alla tagħna, ejja ħa teħlisna:
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fis-Saltna tas-Smewwiet.
Mt 8, 5-11
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa u jgħidlu: “Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq”. Qallu Ġesù:
“Niġi jien infejqu”. Qallu ċ-ċenturjun:
“Sinjur, ma jistħoqqlix
li tidħol taħt
is-saqaf tiegħi. Iżda int għid
kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq. Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor,
u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu: “Mur!”, u jmur; lil ieħor
ngħidlu: “Ejja!”, u jiġi;
u lill-ilsir tiegħi ngħidlu: “Agħmel dan!”, u jagħmlu”. Ġesù baqa’ mistagħġeb meta sama’ dan, u qal
lil dawk li kienu miexja warajh: “Tassew, ngħidilkom, f’ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din. Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu