It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Nixtieq li kont jiena stess maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti.

Rum 9, 1-5

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, ngħidilkom is-sewwa fi Kristu, m’iniex nigdeb, tixhidli l-istess kuxjenza tiegħi fl-Ispirtu s-Santu, li jiena mnikket għall-aħħar, u dejjem qalbi maqsuma. Nixtieq li kont jiena stess maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti, nies ġensi skont il-ġisem: l-Iżraelin. Tagħhom hija l-adozzjoni ta’ wlied Alla u l-glorja, il-pattijiet u l-Liġi, il-liturġija u l-wegħdiet; tagħhom huma l-patrijarki; u kien minnhom li, skont il-ġisem, ħareġ Kristu, li hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 147, 12-13.14-15.19-20

 

R/. (12a): Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej;

faħħar ’l Alla tiegħek, Sijon!

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek,

u jbierek ġewwa fik ’l uliedek. R/.

 

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek,

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. R/.

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,

il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.

Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f’ġiebja u għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?

Lq 14, 1-6

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Darba, kien is-Sibt, u Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. U resaq quddiemu wieħed marid bl-ilma. Ġesù dar fuq l-għorrief tal-Liġi u l-Fariżej u qalilhom: “Jiswa jew le li wieħed ifejjaq f’jum is-Sibt?”. Huma ma tkellmu xejn iżda hu qabad lir-raġel, fejqu u bagħtu. Imbagħad qalilhom: “Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f’ġiebja u għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?. U ma kellhomx il-ħila jwiġbuh għal dan.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu