It-Tnejn u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Ħarsu l-liġijiet tal-Mulej Alla tagħkom.

Dewt 4:1-2,6-8

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: “U issa, Iżrael, agħti widen għal-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu, ħalli tgħixu, u tidħlu tieħdu l-art li se jagħtikom il-Mulej, Alla ta’ missirijietkom.

 

La żżidu xejn ma’ dak li qiegħed nordnalkom u lanqas tnaqqsu minnu; qisu li tħarsu l-liġijiet tal-Mulej, Alla tagħkom, bħalma qiegħed nagħtihomlkom jien. Ħarsuhom u agħmluhom, għax hekk tidhru għorrief u għaqlin f’għajnejn il-ġnus li, kif jisimgħu b’dawn il-liġijiet kollha, jgħidu: ‘M’hemmx poplu ieħor għaref u għaqli għajr dan il-ġens kbir’.

 

Għax liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqskemm hu qrib tagħna l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejħulu? Jew liema ġens hu hekk kbir li għandu liġijiet u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha din il-liġi li qiegħed noffrilkom illum jien?.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 14(15):2-3a,3ċd-4ab,5

 

R/. (1a): Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

 

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,

min jgħid is-sewwa f’qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu. R/.

 

Min ma jagħmilx deni lil ġaru,

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin,

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

 

Min jislef u ma jitlobx imgħax,

u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.

Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.

 

Qari II

Kunu intom dawk li jagħmlu l-Kelma ta’ Alla.

Ġak 1:17-18,21b-22,27

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

 

Għeżież, kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir. Għax ried hu, wilidna bil-kelma tal-verità, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu. Ilqgħu bil-ħlewwa l-Kelma mħawla fikom, li tistassalvalkom ruħkom. Kunu intom dawk li jagħmlu l-Kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. Quddiem Alla u Missierna r-reliġjon ġenwina u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis il bogħod mid-dinja.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġak 1:18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Għax ried hu, il-Missier wilidna bil-kelma tal-verità,

biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Intom twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin.

Mk 7:1-8,14-15,21-23

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu jdejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?.

 

Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Iżaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin’. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.

 

Raġasejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabbalill-bniedem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.