29 ta’ Lulju
Santa Marta
Tifkira Obbligatorja
Qari I
1Ġw 4: 7-16
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba
ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf
lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu
mħabba. B’dan dehritilna l-imħabba ta’ Alla, għax Alla
bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja biex ngħixu bih. U hawn
qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla,
imma għax ħabbna hu, u bagħat lil Ibnu bħala tpattija
għal dnubietna. Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk,
aħna wkoll għandna nħobbu ’l xulxin. Lil Alla għadu
ħadd ma rah, imma jekk nħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina, u
mħabbtu ssib il-milja tagħha fina. B’hekk nafu li aħna
ngħammru fih u hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu.
Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu
biex ikun is-Salvatur tad-dinja. Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’
Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla. Hekk aħna għarafna
l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha. Alla hu
mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla
fih.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
33: 2-11
R/. Ippruvaw
u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej!
Kull ħin imbierek il-Mulej,
tifħiru dejjem f’fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi,
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.
Kabbru l-Mulej miegħi,
u ngħollu ismu flimkien
jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
u minn kull biża’ ħelisni. R/.
Ħarsu lejh u tiddu bil-ferħ,
u wiċċkom ma jistħix.
Dan il-fqajjar sejjaħ il-Mulej, u semgħu,
u mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu. R/.
L-anġlu tal-Mulej jgħammar madwar dawk li
jibżgħu minnu,
u jeħlishom.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.
Ibżgħu
mill-Mulej, intom il-qaddisin tiegħu,
għax xejn
ma jkun jonqsu minn jibża’ minnu.
L-imkabbrin
jiftaqru u jkunu bil-ġuħ;
min ifittex
lill-Mulej ma jkun jonqsu ebda ġid. R/.
Akklamazzjoni
għall-Evanġelju
ara Ġw 8:12
R/. Hallelujah
Jiena d-dawl
tad-dinja, jgħid il-Mulej;
u min jimxi
warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Lq 10: 38-42
jew jista’ jinqara Ġw 11: 19-27
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien: Ġesù daħal f’raħal, u
laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha
oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqegħda f’riġlejn
il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed ighid.
Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol
tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, mintix tara kif oħti
ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad
tagħmel xi ħaġa miegħi!’’ Qabeż il-Mulej u qalilha:
“Marta, Marta, inti tieħu rasek u tinkwieta fuq ħafna
ħwejjeġ: imma ħaġa waħda hi meħtieġa. Hi
Marija li għażlet is-sehem it-tajjeb, u ma jitteħdilhiex.”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.