29 ta’ Ġunju
San Pietru u San
Pawl, Appostli
Solennità
Qari I
Atti 12:1-11
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Għall-ħabta ta’ dak iż-żmien,
is-sultan Erodi qatagħha li jaħbat għal xi wħud minn
ħdan il-Knisja. Qatel ’il Ġakbu, ħu Ġwanni, bis-sejf. Imbagħad,
billi ra li din il-ħaġa għoġbot lil-Lhud, qatagħha li
jaqbad ’il Pietru wkoll. Dan kien f’jiem l-Ażżmi. Meta arrestah u
tefgħu l-ħabs, qiegħed għassa miegħu erba’
għaqdiet ta’ suldati ta’ erbgħa kull waħda, bil-ħsieb li,
wara l-Għid, iressqu quddiem il-poplu.
Pietru, mela, kien arrestat fil-ħabs,
bil-għassa miegħu. Fl-istess ħin, il-Knisja kienet qiegħda
titlob ’l Alla għalih bil-ħeġġa. Fil-lejl stess ta’ qabel
ma Erodi kellu joħroġ ’il Pietru, dan kien rieqed bejn żewġ
suldati, marbut b’żewġ ktajjen, waqt li xi għassiesa kienu
għassa mal-bieb tal-ħabs. F’daqqa waħda ġie hemm anġlu
tal-Mulej, u dawl idda mal-kamra. L-anġlu ta lil Pietru daqqa fuq
ġenbu, qajmu u qallu: “Qum malajr.” Il-ktajjen waqgħu minn ma’ idejh.
Imbagħad l-anġlu qallu: “Dawwar il-mantar miegħek u imxi
warajja.” Pietru ħareġ u mexa warajh, bla ma ntebah li dak li kien
qiegħed jiġri permezz tal-anġlu kien tassew; ħaseb li
kienet xi ħolma.
Għaddew l-ewwel għassa, u t-tieni
waħda wkoll, u waslu ħdejn il-bieb tal-ħadid li kien jagħti
għall-belt; u dan infetah waħdu. Ħarġu, u mxew tul it-triq.
F’daqqa waħda l-anġlu telaq minn ħdejh. Imbagħad Pietru
ġie f’tiegħu, u qal: “Issa qiegħed ninduna, tabilħaqq, li
l-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni minn id Erodi u
minn dak kollu li l-Lhud kienu qegħdin jistennew li jsir.”
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 33, 2-9
R/. Dawk li
jibżgħu mill-Mulej, l-anġlu tiegħu jeħlishom!
Kull
ħin inbierek ’il-Mulej,
tifħiru
dejjem f’fommi.
Bil-Mulej
tiftaħar ruħi,
jisimgħu
l-fqajrin u jifirħu! R/.
Kabbru ’l-Mulej
miegħi,
u ngħollu ismu
flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u
weġibni,
u minn kull biża’
ħelisni. R/.
Ħarsu lejh u tiddu
bil-ferħ,
u wiċċkom ma
jistħix.
Dan il-fqajjar
sejjaħ il-Mulej, u semgħu,
u mid-dwejjaq kollha
tiegħu ħelsu. R/.
L-anġlu
tal-Mulej jgħammar madwar dawk li jibżgħu minnu, u
jeħlishom. Duqu u taraw kemm hu
tajjeb il-Mulej,
hieni
l-bniedem li jistkenn fih. R/.
Qari II
Tim 4:6-8. 17-18
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil
Timotju
Għażiż: Jiena ngħid għalija,
demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi
wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.
Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna
tal-ġustizzja, li biha f’dak il-jum iħallasni l-Mulej,
l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li
jkunu għexu bix-xewqa tad-dehra tiegħu. Il-Mulej waqaf miegħi u
tani l-qawwa biex, bis-saħħa tiegħi, il-kelma tixxandar
sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien
inħlist minn ħalq l-iljun. Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u
jħarisni sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu
għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Mt 16:18
Hallelujah.
Hallelujah.
Inti
Pietru, u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi,
u
l-bibien tal-infern ma jegħlbuhiex.
Hallelujah.
Evanġelju
Mt 16:13-19
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien: Meta wasal fl-inħawi
ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u
qalilhom: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh:
“Xi wħud Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, u oħrajn
Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” “Imma intom,” qalilhom, “intom min
tgħidu li jien?” U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, l-Iben
ta’ Alla ħaj.” U wieġbu Ġesù u qallu: “Imbierek int, Xmun, bin
Ġona, għax mhux il-laħam u d-demm urewk min jien, imma Missieri
li hu fis-smewwiet. U min-naħa tiegħi ngħidlek: Inti Pietru, u
fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi, u l-bibien tal-infern
ma jegħlbuhiex. Lilek nagħtik l-imfietah tas-Saltna tas-Smewwiet, u
kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art
ikun maħlul fis-smewwiet.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.