29 ta’ April
Santa Katerina ta’
Siena, verġni, duttur tal-Knisja u patruna tal-Ewropa
Festa
Qari I
1 Ġw 1:5-2:2
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Għeżież: Din hi l-aħbar li smajna mingħand
Kristu, u li qegħdin inxandrulkom: li Alla hu dawl u li ma hemm fih ebda
dlam. Jekk ngħidu li aħna mseħbin miegħu imma nimxu
fid-dlam, inkunu qegħdin nigdbu u ma nagħmlux is-sewwa. Iżda
jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess, aħna nissieħbu
flimkien u d-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub.
Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inqarrqu bina nfusna u
s-sewwa ma jkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li
jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.
Jekk ngħidu li ma dnibniex, inkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu
ma tkunx fina. Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux.
Imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna difensur quddiem
il-Missier, Ġesù Kristu l-ġust. Huwa hu t-tpattija għad-dnubiet
tagħna, u mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk
tad-dinja kollha.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
102
R/. Bierek, ruħi tiegħi, il-Mulej!
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
kulma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.
Hu li jaħfer dnubitek kollha,
li jfejjaq il-mard tiegħek kollu,
li jifdi ’l ħajtek mill-ħofra,
li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena. R/.
Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu mogħdrija.
Mhuwiex dejjem jitlewwem,
anqas dejjem jinkorla. R/.
Bħalma missier iħenn għal uliedu,
hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’
tiegħu,
għax hu jaf mniex aħna magħġuna,
jiftakar li aħna trab. R/.
Il-ħniena tal-Mulej minn dejjem sa dejjem
ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħu,
u l-ħaqq tiegħu ma’ wlied uliedhom,
ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu
u li jiftakru fil-preċetti tiegħu biex iħarsuhom. R/.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Mt 11:25
R/. Hallelujah
Inbierek,
Missier, Sid is-sema u l-art,
talli int dawn
il-ħwejjeġ għarrafthom lil min hu ċkejken.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mt 11:25-30
Qari mill-Evanġelju skont San
Mattew
F’dak iż-żmien: Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek,
Missier, Sid is-sema u l-art, talli inti, dawn il-ħwejjeġ,
ħbejthom lil min hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil
min hu ċkejken. Iva, Missier, għax hekk għoġob lir-rieda
tiegħek. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma
jagħraf lill-Iben ħlief il-Missier, kif ħadd ma jagħraf
lill-Missier ħlief l-Iben u dak li l-Iben irid jgħarrafhulu.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u
jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom l-madmad tiegħi u tgħallmu
minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu mistrieħ
għal ruħkom. Għaliex il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol
tiegħi ħafif”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.