Il-Ġimgħa Mqaddsa
It-Tnejn
Qari I
Ma jgħajjatx, ma jsemmax
leħnu fil-pjazez.
Iż 42, 1-7
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
“Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,
il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!
Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu,
biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.
Ma jgħajjatx,
ma jgħollix leħnu;
ma jsemmax
leħnu fil-pjazez,
qasba mġelġla ma jiksirhiex,
musbieħ inemnem ma jitfihx.
Iġib il-ġustizzja fis-sewwa.
Ma jegħjiex,
ma jitfarrakx,
sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art;
u l-gżejjer
imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu”.
Dan jgħid
Alla, il-Mulej,
li ħalaq
u firex is-smewwiet,
u l-medda
tal-art bil-frott u l-ħdura tagħha,
li jagħti
l-ħajja lill-poplu li hemm fiha,
u r-ruħ
lil dawk li jgħixu fiha:
“Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,
qbadtek minn idek
u ħaristek,
u għamilt
minnek patt tal-poplu,
dawl għall-ġnus,
biex int tiftaħ
għajnejn l-għomja,
toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs,
u ’l dawk
li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 26 (27), 1.2.3.13-14
R/. (1a): Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi
Il-Mulej
id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej
hu l-kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer? R/.
Meta jqumu
għalija l-ħżiena,
biex jaħtfuni u jikluni,
dawk li għandhom għalija, l-għedewwa tiegħi,
huma jitfixklu u jaqgħu. R/.
Imqar jekk eżerċtu
jqum għalija,
xejn ma tibża’ qalbi;
imqar jekk gwerra
tqum kontrija,
jiena nibqa’ qalbi qawwija. R/.
Nemmen li għad nara
t-tieba
tal-Mulej f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;
ittama fil-Mulej. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Is-sliem
għalik, Sultan tagħna,
int biss ħennejt
għalina fl-iżbalji
tagħna.
R/. Glorja
u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Ħalliha, din il-fwieħa refgħetha għal jum id-difna tiegħi.
Ġw 12, 1-11
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Sitt ijiem qabel il-festa tal-Għid, Ġesù mar Betanja, fejn kien
joqgħod Lazzru li Ġesù kien qajjem mill-imwiet. Hemmhekk għamlulu ikla; Marta bdiet isservi, waqt li Lazzru kien wieħed minn dawk li qagħdu fuq il-mejda ma’ Ġesù. Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur,
tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn
Ġesù, imbagħad ixxttathomlu b’xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ.
Ġuda l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li kien se jittradih, qal: “Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?”. Issa dan qalu mhux
għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien
il-kaxxier, kien jisraq kulma kienu jaqilgħu.
Qallu Ġesù: “Ħalliha, din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi. Il-foqra dejjem issibuhom
magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni”.
Kotra kbira ta’ Lhud saru jafu
li hu kien qiegħed hemm, u marru mhux biss minħabba
Ġesù, imma wkoll biex jaraw
lil Lazzru, li hu kien qajjem mill-imwiet. Għalhekk il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru
wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f’Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu