It-Tielet Ġimgħa
taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Ġarrabtu bis-sabar taqbida ħarxa. Tarmux,
mela, il-fiduċja tagħkom.
Lhud 10,
32-39
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, ftakru f’dawk
l-ewwel jiem: lanqas biss ilħaqtu ddawwaltu bit-tagħlim, li ma ġarrabtux
bis-sabar taqbida ħarxa. Lil xi wħud minnkom għamlu minnhom
spettaklu bit-tagħjir u ħbit quddiem kulħadd; oħrajn
minnkom kellhom jaqsmu fix-xorti ta’ dawk li sabu ruħhom f’dawn il-provi.
Għax tassew, intom ħadtu sehem fit-tbatijiet tal-priġunieri, u
fraħtu meta serqulkom ġidkom, għax tafu li għandkom ġid
akbar li jibqa’ għal dejjem. Tarmux, mela, il-fiduċja tagħkom, għax
din iġġib magħha ħlas kbir. Tassew li teħtieġu
s-sabar biex tagħmlu r-rieda ta’ Alla u tiksbu dak li hu wiegħed.
Għax ftit ieħor,
ftit ħafna, u dak li għandu jiġi ma jdumx ma jiġi.
Il-bniedem ġust tiegħi jgħix bil-fidi; imma jekk jerġa’
lura jien ma nitgħaxxaqx bih. Iżda aħna m’aħniex minn dawk
li jerġgħu lura, biex nintilfu; aħna minn dawk li jemmnu, biex
insalvaw.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 36 (37),
3-4.5-6.23-24.39-40
R/. (39a): Is-salvazzjoni
tal-ġusti mill-Mulej
Afda fil-Mulej, u agħmel
it-tajjeb;
għammar fl-art, u tgħix
b’moħħok mistrieħ;
qiegħed fil-Mulej l-għaxqa
tiegħek,
u jagħtik dak li
tixtieq qalbek. R/.
Erħi fil-Mulej it-triq
tiegħek,
afda fih, u jagħmel
hu.
Hu juri bħad-dawl
is-sewwa tiegħek,
u d-dritt tiegħek bħal
nofsinhar. R/.
Il-Mulej isaħħaħ
il-mixi tal-bniedem,
iwettqu u jitgħaxxaq
bi triqtu.
Jekk jaqa’, ma jmurx għal
tulu fl-art,
għax il-Mulej
iżommlu idu. R/.
Is-salvazzjoni tal-ġusti
mill-Mulej;
hu l-kenn tagħhom fi
żmien l-għawġ.
Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom
mill-ħżiena,
isalvahom għax fih
jistkennu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek,
Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ
tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ir-raġel jixħet iż-żerriegħa
u jorqod; iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif.
Mk 4, 26-34
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù
qal lill-folla: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet
iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar,
iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha
nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ
mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel,
għax ikun wasal żmien il-ħsad”.
U qal: “Ma’ xiex sejrin
inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha
żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi
l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li
tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u
toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru
jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha”.
B’ħafna parabboli bħal
dawn kien ixandrilhom il-Kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr
xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun
waħdu
magħhom, kien
ifissrilhom kollox.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu