It-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
Qari I
Jiena nqajjem nislek warajk, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu.
2 Sam 7, 4-17
Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien, il-kelma tal-Mulej ġiet lil Natan u qallu: “Mur għid lill-qaddej tiegħi David: Dan jgħid il-Mulej: “Se tibnili int dar biex noqgħod fiha? Jiena ma għammart f’ebda dar minn mindu tellajt lil ulied Iżrael mill-Eġittu sal-lum. Jiena kont niġġerra f’tinda u f’għarix. F’dak iż-żmien kollu li kont niġġerra ’l hawn u ’l hinn ma’ wlied Iżrael, qatt għedt lil xi ħadd mill-kapijiet ta’ Iżrael li jien kont qabbadt jirgħu l-poplu tiegħi Iżrael: Għaliex ma bnejtlix dar taċ-ċedru?”. U issa għid lill-qaddej tiegħi David: Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: “Ara, jiena ħadtek mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek f’kulma kont tidħol għalih; u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena nibnilek isem kbir jixbah l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja.
Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq ilpoplu tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha. U meta inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Huwa jibni dar lil ismi, u jiena nsaħħaħ it-tron tas-saltna tiegħu għal dejjem. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Jekk jagħmel il-ħażin, jiena nwiddbu bl-istess bastun talbnedmin, u bid-daqqiet li jagħtu l-bnedmin. Imma t-tieba tiegħi lejh qatt ma nwarrabha għalkollox minnu, bħalma warrabtha minn ma’ Sawl li jiena begħedt minn quddiemek. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem”.
Natan kellem lil David skont dan il-kliem u din il-viżjoni.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 88 (89), 4-5.27-28.29-30
R/. (29a): It-tieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem
“Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,
ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,
li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek. R/.
Hu jsejjaħli: “Int missieri
u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!”
U jiena nagħmlu l-iben il-kbir tiegħi,
l-ogħla fost is-slaten tal-art. R/.
It-tieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,
u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ.
Nagħmel li nislu jibqa’ għal dejjem;
it-tron tiegħu jkun bħall-jiem tas-sema”. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mk 9, 7
Hallelujah. R/. Hallelujah
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
il-bidwi hu Kristu:
min isib lilu, għandu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-bidwi ħareġ jiżra’.
Mk 4, 1-20
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ beda jgħallem ħdejn il-baħar, u nġabret madwaru kotra kbira, hekk li kellu jitla’ bilqiegħda f’dgħajsa fuq il-baħar, u n-nies kollha l-art matul ix-xatt. U qagħad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ bil-parabboli, u fit-tagħlim tiegħu qalilhom: “Isimgħu. Darba kien hemm bidwi u ħareġ jiżra’. Ġara li hu u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu fil-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; meta mbagħad telgħet ix-xemx, inħarqu u nixfu, billi ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk u x-xewk kiber u ħanaqhom, u frott ma għamlux. Oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott; u l-frott kiber u tkattar, u min għamel tletin, min sittin, u min mija”. U qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”.
Meta kien waħdu, dawk ta’ madwaru flimkien mat-Tnax resqu jitolbuh ifissrilhom il-parabboli. U hu qalilhom: “Lilkom ingħata l-misteru tas-Saltna ta’ Alla, imma l-oħrajn, li huma barra, ikollhom kollox bil-parabboli, ħalli jħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux, li ma jbiddlux ħajjithom u jaqilgħu l-maħfra”. U qalilhom: “Din il-parabbola m’intomx tifhmuha? Mela kif se tifhmu l-parabboli l-oħra kollha? Dak li l-bidwi jiżra’ hija l-Kelma. Dawk ta’ matul il-mogħdija, fejn inżergħet il-Kelma, huma dawk li malli jisimgħuha, jersaq ix-Xitan u jaħtfilhom il-Kelma li nżergħet f’qalbhom. Dawk li jinżergħu f’art kollha blat huma dawk li meta jisimgħu l-Kelma, minnufih jilqgħuha bil-ferħ, imma għeruq ma jkollhomx, u għalhekk ftit idumu; meta mbagħad jiġi fuqhom l-għawġ, jew isibu min iħabbathom minħabba l-Kelma, malajr jitfixklu. L-oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu l-Kelma, iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja, ir-rabta mal-ġid tal-art, u l-ġibda għal ħwejjeġ oħra, jidħlu fihom u joħonqulhom il-Kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dawk imbagħad li jinżergħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-Kelma, jilqgħuha, u jagħmlu l-frott, min tletin, min sittin u min mija”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu