28 ta’ Diċembru
Il-Qaddisin Innoċenti Martri
Festa
Qari I
1 Ġw 1: 5; 2: 2
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Ġwann Appostlu.
Għeżież:
Din hi l-aħbar li smajna mingħand Kristu, u li qegħdin
inxandrulkom: li Alla hu dawl u li ma hemm fih ebda dlam. Jekk ngħidu li
aħna mseħbin miegħu imma nimxu fid-dlam, inkunu qegħdin
nigdbu u ma nagħmlux is-sewwa.
Iżda
jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess, aħna nissiebħu
flimkien u d-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub. Jekk
ngħidu li ma għandniex dnub, inqarrqu bina nfusna u s-sewwa ma jkunx
fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna
dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma
dnibniex, inkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.
Uliedi,
dan qiegħed niktibhulkom biex ma tindinbux. Imma jekk xi ħadd jidneb,
aħna għandna difensur quddiem il-Missier, Ġesù Kristu
l-ġust. Huwa t-tpattija għad-dnubiet tagħna, u mhux għal
tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 123: 2-5.7b-8
R/. Ħajjitna ħelset mix-xbiek!
Li
ma kienx il-Mulej magħna,
meta
qamu għalina n-nies,
ħajjin
kienu jibilgħuna,
meta
nxtegħlu bil-għadab.
L-ilma
kien jgħarraqna,
il-wied
kien jgħaddi minn fuqna;
minn
fuqna kien jgħaddi
mewġ
ta’ ilma qawwi. R/.
Ix-xibka
tqattgħet,
u
aħna ħrabna.
Il-għajnuna
tagħna f’isem il-Mulej,
li
għamel is-sema u l-art. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
R/. Hallelujah.
Lilek,
o Alla, infaħħru: lilek bħala Mulej nistqarru.
Lilek
ifaħħru, Mulej, il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollha
bjuda.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Mt 2: 13-18
Qari mill-Evanġelju
skont San Mattew.
Meta
telqu l-maġi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil
Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u
aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax
Erodi sa jfittex lit-tifel biex joqtlu”.
Ġużeppi
qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu bil-lejl, u warrab lejn
l-Eġittu, u baqa’ hemm sal-mewt ta’ Erodi. B’hekk seħħ dak li
kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt
lil ibni’. Erodi mbagħad meta ra li l-Maġi kienu għaddewh ta’
tifel, inkorla bis-sħiħ, u bagħat joqtol f’Betleħem u
fl-inħawi kollha tagħha lit-tfal subien kollha ta’ minn sentejn ’l
isfel, skont iż-żmien li sar jaf minn għand il-Maġi.
Imbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta
Ġeremija, meta qal, ‘F’Rama nstema’ leħen, biki u lfiq kbir: Rakel
tibki ’l uliedha, u ma tridx min ifarraġha, għax ma għadhomx
iżjed’.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.