It-Tnejn u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Iċċekken u ssib grazzja quddiem il-Mulej.

Sir 3:17-20,28-29

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

 

Ibni, kun ġwejjed fix-xogħol li tagħmel, u tkun maħbub iktar minn wieħed milqugħ min-nies. Akbar m’int, iktar għandek iċċekken ruħek, u ssib grazzja quddiem il-Mulej. Ħafna huma l-imkabbrin u l-imsebbħin, imma l-Mulej jikxef lill-umli l-misteri tiegħu. Għax kbira hi s-setgħa tal-Mulej, imma hu msebbaħ min-nies umli. Mhemmx duwa għall-bniedem kollu kburija, għax din ħaxixa ħażina b’għeruqha mxenxla fih. Min għandu l-għerf jifhem il-proverbji u l-għaref ħerqan li jkollu min jisimgħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 67(68):4-5aċ,6-7ab,10-11

 

R/. (ara 11b) O Alla, int ħejjejt dar għall-fqajjar.

 

Il-ġusti jithennew quddiem Alla,

jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.

Għannu lil Alla, faħħru ismu.

Tgħaxxqu fil-Mulej, aqbżu bil-ferħ quddiemu. R/.

 

Missier l-iltiema u difensur tar-romol,

hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom,

u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom. R/.

 

Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla, fuq l-art, wirt tiegħek,

u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.

Il-poplu tiegħek għammar fiha,

fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha. R/.

 

Qari II

Intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj.

Lhud 12:18-19,22-24a

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, intom ma rsaqtux lejn in-nar materjali u jħeġġeġ tas-Sinaj; lejn dak is-swied u d-dlam u r-riefnu; lejn dak id-daqq ta’ tromba u ħoss ta’ kliem li dawk li kienu jisimgħuh talbu bil-ħerqa biex ma jkellimhomx aktar.

 

Imma intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema; ersaqtu lejn eluf ta’ anġli f’ġemgħa ferrieħa; lejn il-ġemgħa tal-ulied ewlenin li isimhom hu miktub fis-sema; lejn Alla l-imħallef ta’ kulħadd; lejn l-erwieħ ta’ nies tajba u perfetti; lejn Ġesù l-medjatur ta’ patt ġdid.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11:29ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, jgħid il-Mulej,

u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.

Lq 14:1,7-14

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: Agħti l-post lil dan, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.

 

Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: Ħabib, itla f’post aktar il fuq. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

 

Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.