Is-Sbatax-il Ġimgħa
taż-Żmien ta’ Matul
is-Sena
L-Erbgħa
Qari I
Raw lil Mosè bil-ġilda ta’ wiċċu
tiddi u beżgħu jersqu lejh.
Eżodu 34, 29-35
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
Meta Mosè
niżel minn
fuq il-muntanja tas-Sinaj biż-żewġ
twavel tax-xhieda
f’idu, hu ma kienx jaf li l-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejh Alla.
U meta
Aron, u l-ulied kollha ta’ Iżrael raw lil Mosè bil-ġilda ta’ wiċċu tiddi, beżgħu jersqu lejh. Iżda Mosè sejħilhom, u resqu lejh Aron u l-kbarat kollha tal-ġemgħa,
u Mosè qagħad ikellimhom.
Imbagħad resqu wkoll l-ulied kollha
ta’ Iżrael, u Mosè ordnalhom kulma kien qallu
l-Mulej fuq il-muntanja tas-Sinaj. Meta Mosè temm jitkellem
magħhom, għatta wiċċu b’velu. Imma meta kien jidħol
quddiem il-Mulej biex jitkellem miegħu, Mosè kien ineħħi l-velu sa ma kien joħroġ.
Meta mbagħad kien joħroġ, kien jgħid lil ulied
Iżrael kulma kien ordnalu l-Mulej.
Meta wlied
Iżrael kienu jħarsu lejn Mosè, kienu jarawlu
l-ġilda ta’ wiċċu
tiddi, u Mosè kien jerġa’ jqiegħed il-velu fuq wiċċu sa ma jerġa’ jidħol jitkellem mal-Mulej.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 98 (99), 5.6.7.9
R/. (ara 9ċ): Qaddis hu l-Mulej, Alla
tagħna
Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,
inxteħtu quddiem mirfes riġlejh,
għax hu qaddis!
R/.
Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu,
u Samwel fost dawk li jsejħu
ismu,
kienu jsejħu l-Mulej, u hu jweġibhom.
R/.
F’kolonna ta’ sħab kien jitkellem magħhom;
kienu jħarsu l-preċetti
u l-liġi li tahom. R/.
Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,
u inxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu;
għax qaddis hu l-Mulej, Alla
tagħna! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw
15, 15b
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Sejjaħtilkom ħbieb, jgħid il-Mulej
għaliex kulma smajt mingħand Missieri
jiena għarrafthulkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Mt 13, 44-46
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa. Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kulma kellu u xtara lilha”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu