It-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien
ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
U int se teqred it-tajjeb mal-ħażin?
Ġen 18, 16-33
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Dawk
l-irġiel mistiedna ta’
Abraham, qamu minn
hemm, u dawru wiċċhom
lejn Sodoma; u Abraham mar magħhom biex iqabbadhom it-triq.
U l-Mulej qal: “Se nibqa’ naħbi x’se nagħmel minn
Abraham? Għax Abraham għad
ikun ġens kbir u qawwi, u bih jitbierku l-ġnus kollha tal-art. Jiena ħtartu sabiex iwissi lil uliedu
u lil daru warajh biex iżommu
fit-triq tal-Mulej u jagħmlu l-ħaqq u s-sewwa, u b’hekk il-Mulej iġib fuq Abraham kulma wiegħdu”.
U l-Mulej qal: “Hemm l-għajta
qawwija ta’ Sodoma u
Gomorra u t-toqol kbir ta’ dnubhom. U issa se ninżel u nara
jekk għamlux għalkollox skont l-għajta tagħhom li waslet għandi. Jekk le, inkun naf”.
Dawk
l-irġiel kisru minn hemm,
u rħewlha lejn Sodoma; imma l-Mulej baqa’ wieqaf
quddiem Abraham. U Abraham resaq
lejn il-Mulej u staqsieh: “U int se teqred it-tajjeb mal-ħażin? U jekk hemm ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jaqaw lil dawn se teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba l-ħamsin ġust li hemm f’nofsha? Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u
l-ħażin tmisshom
l-istess xorti! Ma jkun qatt minnek,
l-imħallef tal-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja”. U l-Mulej wieġeb: “Jekk jiena nsib ħamsin
bniedem ġust f’nofs il-belt, jien naħfirha lill-post kollu minħabba fihom”.
U wieġeb Abraham u qal: “Arani, jien
issugrajt nitkellem mal-Mulej, għalkemm jien trab u rmied.
U jekk hemm nieqsa ħamsa għall-ħamsin ġust,
minħabba ħamsa u erbgħin se teqred il-belt kollha?”.
U wieġbu l-Mulej: “Ma neqridhiex jekk insib fiha ħamsa
u erbgħin”. Imma
Abraham kompla jitkellem miegħu u jgħidlu: “U jekk issib hemm
erbgħin?”. U wieġbu: “Ma nagħmilx dan, minħabba l-erbgħin”.
U qallu: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem: u jekk jinstabu tletin?”. U hu wieġeb:
“Ma nagħmilx dan, jekk insib hemm
tletin”. U raġa’ qallu: “Ara kif
nissogra nkellem lil Sidi: U jekk
jinstabu hemm għoxrin?”. U l-Mulej wieġeb: “Ma neqridhiex minħabba l-għoxrin”.
U wieġeb: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem darba oħra biss: U jekk jinstabu hemm
għaxra?”. U hu qallu: “Ma neqridhiex
minħabba l-għaxra”.
U malli l-Mulej temm jitkellem
ma’ Abraham, il-Mulej telaq,
u Abraham raġa’ lura lejn daru.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 102 (103), 1-2.3-4.8-9.10-11
R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej
Bierek,
ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi
kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek,
ruħ tiegħi, il-Mulej,
u
la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.
Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq
il-mard tiegħek kollu;
jifdi
lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek
bit-tieba u l-ħniena.
R/.
Ħanin
u twajjeb il-Mulej,
idum
ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Ma joqgħodx jitlewwem magħna,
u
anqas jinkorla għal dejjem. R/.
Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna;
ma
ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna.
Daqskemm
huma s-smewwiet ’il fuq
mill-art,
hekk
hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Salm 94 (95), 8ab
Hallelujah. R/. Hallelujah
Illum
la twebbsux qalbkom,
iżda
isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Imxi warajja.
Mt 8, 18-22
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak
iż-żmien, meta ra ruħu mdawwar
b’ħafna nies, Ġesù ordna li jaqsmu għax-xatt l-ieħor. Imbagħad resaq fuqu wieħed
mill-kittieba u qallu: “Mgħallem, tmur fejn tmur, jiena
niġi warajk”. Imma Ġesù wieġbu: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu”.
Ieħor,
wieħed mid-dixxipli, qallu: “Mulej, ħallini l-ewwel immur nidfen lil
missieri”. Ġesù wieġbu: “Imxi warajja, u ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu