Ħadd il-Palm u l-Passjoni
tal-Mulej
Tifkira tad-Daħla tal-Mulej
f’Ġerusalemm
Evanġelju
Imbierek min ġej f’isem
il-Mulej.
Mk 11:1-10
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Xħin waslu qrib Ġerusalemm, quddiem Betfaġe u Betanja,
ħdejn l-Għolja
taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu
u qalilhom: “Morru fir-raħal li hemm
biswitkom, u kif taslu hemmhekk issibu
felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u
ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom: ‘Dan kif qegħdin tagħmluh?’, għidulu: ‘Il-Mulej jeħtieġu, u malajr jerġa’ jibagħtu hawn’”.
Marru, u sabu felu marbut ħdejn bieb barra fit-triq; u
ħallewh. Xi wħud minn dawk li kienu
hemm qalulhom: “X’intom tħolluh tagħmlu
dak il-felu?”.
Huma weġbuhom kif kien qalilhom Ġesù, u dawk
ħallewhom jagħmlu.
Ħadu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq
il-felu, u Ġesù rikeb
fuqu. U bosta nies firxu fit-triq l-imnatar tagħhom, u oħrajn xi friegħi ħodor li kienu qatgħu mill-għelieqi. U kemm
dawk li kienu miexja quddiem u kemm dawk li
kienu miexja wara, bdew jgħajtu: “Hosanna!
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna. Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Jew
Evanġelju
Imbierek min ġej f’isem
il-Mulej.
Ġw 12:12-16
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, il-folol ta’ nies li kienu ġew
għall-festa, kif semgħu li
Ġesù kien ġej Ġerusalemm, ħadu l-friegħi tal-palm u
ħarġu jilqgħuh.
U bdew jgħajtu: “Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Imbierek is-sultan ta’ Iżrael!”.
Ġesù sab felu u rikeb fuqu, kif hemm miktub: “Tibżax,
bint Sijon! Ara, ġej is-sultan
tiegħek, riekeb fuq felu ta’ ħmara”. Għall-ewwel id-dixxipli tiegħu ma fehmuhomx dawn il-ħwejjeġ;
iżda meta Ġesù kien
igglorifikat, imbagħad ftakru li dan kien inkiteb fuqu, u hekk għamlulu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Ħadd il-Palm u l-Passjoni
tal-Mulej
Il-Quddiesa
Qari I
Ma ħbejtx wiċċi
mit-tagħjir.
Iż 50:4-7
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,
biex nagħraf
ngħin lill-għajjien b’xi kelma.
Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,
biex nisma’
bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma
webbistx rasi,
ma
rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk
li kien jnittfuli lħiti;
ma
ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma
nitħawwadx;
għalhekk
għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma
jkollix mniex nistħi.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm
Responsorjali
Salm 21(22):8-9,17-18a,19-20,23-24
R/. (2a): Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?
Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
jgħajbuni,
iħarrku rashom u jgħidu:
“F’idejn
il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!”. R/.
Qabda klieb daru għalija;
ġemgħa nies
ħżiena rassewni.
Taqqbuli jdejja u riġlejja;
nista’
ngħodd għadmi kollu. R/.
Ħwejġi jaqsmu bejniethom,
jaqtgħu x-xorti
għal-libsa tiegħi.
Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa
tiegħi, fittex għinni! R/.
Inxandar ismek lil ħuti;
infaħħrek f’nofs
il-ġemgħa.
Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;
sebbħuh ilkoll,
nisel Ġakobb!
Ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael! R/.
Qari II
Kristu ċekken lilu nnifsu;
għalhekk Alla għollieh.
Fil 2:6-11
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ġesù Kristu, li għad
li kellu n-natura ta’ Alla,
ma
qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen
lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir,
sar jixbah
lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu
nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt
tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
u
żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem
ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha
jinżlu għarkupptejhom,
u kull
ilsien jistqarr:
“Ġesù Kristu hu l-Mulej”,
għall-glorja ta’ Alla
l-Missier.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni
qabel l-Evanġelju
Fil 2:8-9
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,
u
żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Mk 14:1–15:47
Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San
Mark
I
K Kien għad baqa’ jumejn
għall-Għid u għall-Ażżmi, u l-qassisin il-kbar u l-kittieba bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta’ moħħhom u jagħtuh il-mewt. Għax bdew jgħidu:
S “Mhux fil-festa, li ma tqumx xi rewwixta
fil-poplu”.
K Ġesù kien qiegħed jiekol għand
Xmun il-lebbruż f’Betanja. Daħlet
mara, b’vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ ta’ nard pur, jiswa ħafna, kissret għonq il-vażett, u ferrgħet
iż-żejt fuq ras Ġesù.
U kien hemm xi wħud li bdew jitmasħnu bejniethom u jgħidu:
S “Dal-ħala kollu ta’ fwieħa
għalfejn? Dil-fwieħa setgħet iġġib aktar minn tliet mitt dinar u jingħataw lill-foqra”.
K U bdew jeħduha magħha. Imma
Ġesù qal:
Ġ “Ħalluha;
għala qegħdin iddejquha? Ħaġa tajba għamlet miegħi. Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu tgħinuhom kull meta tridu. Imma lili mhux
dejjem se ssibuni magħkom.
Hi għamlet li setgħet; dilkitli ġismi bil-fwieħa għad-difna minn qabel. Tassew ngħidilkom
li, kull fejn jixxandar l-Evanġelju fid-dinja kollha, li għamlet din jingħad ukoll,
b’tifkira tagħha”.
K Imbagħad Ġuda l-Iskarjota,
wieħed mit-Tnax, mar għand il-qassisin
il-kbar biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Għal din l-aħbar ferħu ħafna, u wegħduh li jagħtuh xi
flus. U hu beda jfittex
il-waqt tajjeb biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu
jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli
tiegħu qalulu:
S “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol
l-ikla tal-Għid?”.
K Imbagħad hu bagħat tnejn
mid-dixxipli tiegħu u qalilhom:
Ġ “Morru
l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel: ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra
tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid
mad-dixxipli tiegħi?’. U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”.
K U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt u
sabu kollox kif kien qalilhom
hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.
Għall-ħin ta’ filgħaxija Ġesù ġie mat-Tnax. U
kif kienu fuq il-mejda jieklu qal:
Ġ “Tassew
ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini, wieħed li qiegħed jiekol miegħi”.
K Huma bdew isewdu qalbhom, u wieħed wara
l-ieħor staqsewh:
S “Jaqaw jien?”.
K Qalilhom:
Ġ “Wieħed
mit-Tnax, li qiegħed ibill il-ħobż fi platt wieħed miegħi. Għax Bin il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu; imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu
Bin il-bniedem ikun
mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”.
K Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh,
qal il-barka, qasmu, newwilhulhom
u qal:
Ġ “Ħudu,
dan hu ġismi”.
K Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh,
radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll
xorbu minnu. U qalilhom:
Ġ “Dan huwa
demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar
li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”.
K Imbagħad kantaw is-salmi u
ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. U Ġesù qalilhom:
Ġ “Ilkoll se
titħawdu, għax hu miktub: ‘Nidrob
ir-ragħaj, u n-nagħaġ
jitferrxu’. Imma wara
li nqum mill-mewt, immur il-Galilija
qabilkom”.
K Qallu Pietru:
S “Ukoll jekk jitfixkel kulħadd, jiena ma
nitfixkilx”.
K Qallu Ġesù:
Ġ “Tassew
ngħidlek li llum, dal-lejl stess, qabel ma s-serduk ikun idden darbtejn, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”.
K Iżda Pietru tenna bil-qawwa kollha:
S “Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli
mmut miegħek!”.
K U l-oħrajn ukoll, kollha qalu l-istess.
Waslu f’qasam jismu Ġetsemani,
u qal lid-dixxipli tiegħu:
Ġ “Oqogħdu
bilqiegħda hawn sakemm nitlob”.
K U ħa miegħu lil Pietru u lil
Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew jaħkmuh
il-biża’ u d-dwejjaq. Qalilhom:
Ġ “Inħossni
mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru”.
K Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet fl-art, u
talab li, jekk jista’ jkun titwarrab minnu dik
is-siegħa. U qal:
Ġ “Abbà,
Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int”.
K Ġie ħdejhom u sabhom reqdin, u qal
lil Pietru:
Ġ “Xmun,
rieqed? Ma flaħtx tishar siegħa waħda! Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma
l-ġisem dgħajjef”.
K U raġa’ mar u tenna l-istess talba.
Mill-ġdid ġie u għal darb’oħra
sabhom reqdin għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas; u ma għarfux x’jaqbu jgħidulu. Ġie
għat-tielet darba u
qalilhom:
Ġ “Torqdu
issa u tistrieħu? Biżżejjed. Is-siegħa waslet; araw li Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. Qumu! Ejjew immorru! Ara, dak li se jittradini hu fil-qrib!”.
K Minnufih, kif kien għadu jitkellem, wasal
Ġuda, wieħed mit-Tnax,
b’ġemgħa nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u mill-kittieba u x-xjuħ. Issa
dak li kien se jittradih kien tahom
sinjal minn qabel u qalilhom:
S “Dak li nbusu huwa hu; aqbduh u morru bih
mgħasses tajjeb”.
K Malli mbagħad wasal, baqa’ sejjer fuqu u
qallu:
S “Rabbi”.
K U biesu. Huma meddew idejhom fuqu u qabduh.
Imma wieħed minn
dawk ta’ madwaru silet is-sejf, ta daqqa bih lill-qaddej
tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu. Ġesù
dar fuqhom u qalilhom:
Ġ “Qiskom
ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun fostkom fit-tempju ngħallem u ma żammejtunix. Imma dan kollu ġara biex
isseħħ l-Iskrittura”.
K Imbagħad id-dixxipli tiegħu kollha
telquh u ħarbu. Wieħed żagħżugħ
mar warajh imgeżwer b’liżar biss fuq xejn, u qabduh; imma hu telqilhom il-liżar f’idejhom u ħarab għeri. Ħadu lil Ġesù
għand il-qassis il-kbir, u nġabru l-qassisin il-kbar kollha u x-xjuħ u l-kittieba. Pietru kien baqa’ miexi warajh mill-bogħod sa ġol-palazz tal-qassis il-kbir,
u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja
ħdejn in-nar għas-sħana. Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollu bdew ifittxu xhieda kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt, u ma sabux. Tassew li kien hemm ħafna li xehdu bil-qerq kontra tiegħu, imma x-xhieda tagħhom ma kinitx taqbel. Imbagħad qamu xi wħud jagħtu xhieda qarrieqa kontra tiegħu u qalu:
S “Aħna
smajnieh jgħid: ‘Jiena nħott dan it-tempju mibni bl-idejn, u fi tlitt ijiem nibni ieħor li ma jkunx mibni bl-idejn!’”.
K Imma x-xhieda tagħhom anqas f’dan ma
kienet taqbel.
Imbagħad il-qassis il-kbir qam f’nofs il-ġemgħa u staqsa lil Ġesù:
S “Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn
kontra tiegħek?”.
K Iżda hu baqa’ sieket u ma wieġeb
xejn. Mill-ġdid il-qassis il-kbir
staqsieh u qallu:
S “Int il-Messija, Bin l-Imbierek?”.
K Ġesù wieġbu:
Ġ “Jien hu,
u intom għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin tal-Qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema”.
K Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat
l-ilbies ta’ fuqu u qal:
S “Xi ħtieġa għandna iżjed
ta’ xhieda? Id-dagħwa smajtuha! X’jidhrilkom?”.
K U kollha qatgħuhielu li kien ħaqqu
l-mewt. Imbagħad xi wħud
bdew jobżqulu fuqu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn
u jgħidulu:
S “Aqta’ min!”.
K U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta.
Waqt li Pietru kien isfel ’il ġewwa mid-daħla tal-palazz, ġiet
waħda qaddejja tal-qassis il-kbir. Kif rat lil Pietru qiegħed għas-sħana,
waħħlet għajnejha fuqu u
qaltlu:
S “Int ukoll kont ma’ Ġesù ta’ Nazaret”.
K Imma hu ċaħad u qal:
S “Ma nafx, m’iniex nifhem x’inti tgħid”.
K U ħareġ ’il barra fid-daħla tal-palazz.
U s-serduk idden. Il-qaddejja
ratu, u reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemm:
S “Dan wieħed minnhom”.
K U mill-ġdid ċaħad. Wara ftit
dawk li kienu ħdejh reġgħu qalu lil
Pietru:
S “Tassew, int wieħed minnhom; għax
int ukoll mill-Galilija”.
K Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u
jaħlef:
S “Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li
qegħdin issemmu”.
K Minnufih is-serduk idden għat-tieni
darba. Pietru ftakar fil-kelma
li kien qallu Ġesù: “Qabel ma s-serduk jidden darbtejn, inti tiċħadni tliet darbiet”. U nfexx jibki.
II
K Filgħodu kmieni l-qassisin il-kbar
iltaqgħu malajr max-xjuħ u
mal-kittieba u mas-Sinedriju kollu biex jiftiehmu bejniethom.
Imbagħad rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f’idejn Pilatu.
Pilatu staqsieh:
S “Inti s-sultan tal-Lhud?”.
K U hu wieġeb u qallu:
Ġ “Int
qiegħed tgħidu”.
K Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu
ħafna akkużi kontra tiegħu.
Iżda Pilatu raġa’ staqsieh:
S “Ma twieġeb xejn? Ara kemm akkużi
qegħdin iġibu kontra tiegħek!”.
K Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed,
hekk li Pilatu baqa’ mistagħġeb.
F’nhar ta’ festa kien jitilqilhom wieħed ħabsi, lil dak li kienu jitolbu huma. Issa fil-ħabs kien hemm wieħed jismu Barabba, arrestat flimkien max-xewwiexa li fir-rewwixta kienu qatlu lil xi ħadd. In-nies telgħu u bdew jitolbuh
jagħmel kif kien jagħmlilhom dejjem.
Qabad Pilatu u qalilhom:
S “Tridux nitilqilkom is-sultan tal-Lhud?”.
K Għax hu għaraf tajjeb li l-qassisin
il-kbar kienu tawh lil Ġesù f’idejh
minħabba l-għira. Iżda l-qassisin il-kbar bdew ixewxu n-nies li aħjar jitilqilhom lil Barabba. Pilatu raġa’
staqsiehom u qalilhom:
S “U x’nagħmel imbagħad b’dak li intom
issejħulu s-sultan tal-Lhud?”.
K Iżda huma nfexxew jgħajtu mill-ġdid:
S “Sallbu!”.
K Qalilhom Pilatu:
S “Imma x’għamel ħażin?”.
K Huma aktar bdew jgħajtu:
S “Sallbu!”.
K Pilatu mbagħad, biex jogħġob
lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil
Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh. Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri
l-Pretorju, u sejħu r-riġment
kollu. Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. U bdew isellmulu:
S “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”.
K U qabdu jagħtuh b’qasba fuq rasu,
jobżqulu fuqu, u jilwu rkupptejhom
quddiemu biex jagħtuh qima. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żuffjett,
neżżgħulu l-ilbies aħmar u xeddewlu ħwejġu.
U ħaduh ’il barra biex isallbuh. Kien għaddej
wieħed, Xmun minn
Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. U wassluh f’post jismu
Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa. U
tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma
riedx jieħu minnu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli
kull wieħed jieħu
li jmissu. Kienet it-tielet siegħa xħin sallbuh. Il-kitba li turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk:
“Is-sultan tal-Lhud”. Miegħu sallbu
wkoll żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin
bdew jgħajruh, iċaqilqu
rashom u jgħidu:
S “Għajb
għalik, int li tħott it-tempju u tfittex terġa’ tibnih fi tlitt ijiem! Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!”.
K Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew
jiddieħku bih bejniethom u mal-kittieba
u jgħidu:
S “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax
isalva! Ħa jinżel issa l-Messija,
is-sultan ta’ Iżrael, minn fuq is-salib biex aħna naraw u nemmnu!”.
K U dawk li kienu msallbin miegħu bdew
imaqdruh huma wkoll. Xħin
saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U fid-disa’ siegħa Ġesù għajjat
b’leħen qawwi:
Ġ “Eloì,
Eloì, lemà sabaqtàni!”.
K li jfisser:
Ġ “Alla
tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!”.
K Xi wħud minn
dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu:
S “Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!”.
K U mar wieħed jiġri jxappap
sponża bl-inbid qares, waħħalha f’tarf ta’
qasba u tah jixrob filwaqt li qal:
S “Stennew, ħa naraw jiġix Elija
jniżżlu!”.
K Imma Ġesù għajjat għajta kbira
u radd ruħu.
Hawnhekk kulħadd jinżel
għarkupptejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.
K U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet
fi tnejn minn fuq s’isfel.
Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta
rah jgħajjat u jmut hekk, qal:
S “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!”.
III
K Kien hemm ukoll xi nisa jħarsu
mill-bogħod, fosthom Marija ta’
Magdala, Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosè, u Salomi; dawn, meta Ġesù kien fil-Galilija, kienu
jmorru miegħu u jaqduh.
U kien hemm ukoll bosta oħrajn li kienu telgħu Ġerusalemm miegħu.
Kien ġa sar filgħaxija, u billi kien
Jum it-Tħejjija, jiġifieri lejlet is-Sibt,
Ġużeppi minn Arimatija, membru magħruf tal-Kunsill, li hu wkoll kien jistenna s-Saltna ta’ Alla, għamel il-ħila,
daħal quddiem Pilatu u talbu
l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu stagħġeb li kien ġa miet; bagħat għaċ-ċenturjun u staqsieh jekk
kienx ilu li miet. Meta
mbagħad sar jaf mingħand
iċ-ċenturjun, ta l-ġisem ta’ Ġesù
lil Ġużeppi, u dan xtara liżar tal-għażel,
niżżel lil Ġesù mis-salib,
keffnu fil-liżar u qiegħdu f’qabar imħaffer fil-blat; imbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar. Marija ta’
Magdala u Marija omm Ġosè qagħdu
jaraw fejn tqiegħed.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.