It-Tieni Ħadd tar-Randan
Qari I
Is-sagrifiċċju
ta’ missierna Abraham.
Ġen 22:1-2,9a,10-13,15-18
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”. U hu wieġbu: “Hawn jien!”. U qallu: “Aqbad
lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur
lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek”. U waslu fil-post li kien
semmielu Alla. U Abraham medd idu u qabad is-sikkina
biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu
l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!”. U dan wieġbu: “Hawn jien”. U qallu:
“La tmiddx
idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu
ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn
Alla, u ma ċaħħadtnix
minn ibnek il-waħdieni”.
U Abraham rafa’ għajnejh,
ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad
il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu. U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu: “Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – ladarba int għamilt ħaġa bħal din, u
ma ċaħħadtnix minn
ibnek il-waħdieni, jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek
bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb l-għedewwa tiegħu.
U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn
kelmti”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 115(116):10,15-19
R/. (9): Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin.
Bqajt nemmen, imqar meta
għedt:
“Jien imdejjaq ħafna!”.
Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. R/.
Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,
jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi.
Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.
R/.
Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu,
fil-btieħi ta’ dar il-Mulej,
ġo nofsok, Ġerusalemm! R/.
Qari II
Alla lanqas lil ibnu stess ma ħafirha.
Rum 8:31b-34
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, jekk Alla hu
magħna min jista’ jkun kontra tagħna?
Hu, li lanqas
lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina
lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża l-magħżulin
ta’ Alla? Alla stess hu dak
li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mk 9:7
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minn ġos-sħaba kollha dawl instama’ leħen
il-Missier jgħid:
“Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu”.
R/. Glorja u tifħir
lilek, Kristu!
Evanġelju
Dan hu Ibni l-għażiż.
Mk 9:2-10
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil
Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja,
u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu
sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.
Qabad Pietru u qal lil
Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu
tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad
jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.
Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed
magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.
Huma u neżlin minn
fuq il-muntanja, tahom ordni biex
ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.