Il-Ġimgħa wara l-Erbgħa tal-Irmied

 

Qari I

Jaqaw jien jogħġobni sawm bħal dan?

Iż 58, 1-9a

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Dan jgħid il-Mulej:

Iftaħ garġik, għajjat u la tiskotx!

Għolli leħnek bħal tromba!

Dnubhom uri lill-poplu tiegħi,

u ħtijiethom lil dar Ġakobb!

Imma lili kuljum ifittxu,

jixtiequ jagħrfu triqati,

bħallikieku ġens li jagħmel is-sewwa,

u li ma ħalliex l-ordnijiet ġusti ta’ Alla tiegħu.

Jitolbuni ġudizzji fis-sewwa,

jixtiequ jersqu lejn Alla:

Għaliex somna u int ma ħaristx,

għakkisna ruħna u int ma ntbaħtx?”

Araw, f’jum is-sawm tagħkom tagħmlu li tridu,

u tgħakksu lill-ħaddiem tagħkom.

Araw, issumu bil-kustjonijiet u l-ġlied

u tidorbu bil-ponn bla ħaqq.

Jekk issumu kif qegħdin issumu issa,

leħinkom ma jinstamax fl-għoli.

Jaqaw jien jogħġobni sawm bħal dan,

jum biex bniedem jgħakkes lilu nnifsu?

Biex ibaxxi rasu bħas-simar,

u jimtedd fuq ix-xkora u r-rmied?

Tgħidlu int dan sawm,

jum jogħġob lill-Mulej?

Jaqaw mhux dan is-sawm li jiena rrid,

jiġifieri, li tħoll l-irbit tal-ħażen,

u tqaċċat ix-xkiel tal-madmad,

li tibgħat ħielsa l-maħqurin,

u tkisser kull madmad?

Mhux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ,

u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf?

Mhux li tlibbes lil min tara għarwien,

u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?

Imbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek,

u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek.

Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek,

u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.

Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej;

jekk tgħajjatlu, jgħidlek: “Hawn jien”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 3-4.5-6a.18-19

 

R/. (19b): Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti;

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt,

u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt. R/.

 

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju;

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Għamos 5, 14

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Fittxu l-ġid, u mhux id-deni, jekk tridu tgħixu,

u l-Mulej ikun magħkom.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, imbagħad isumu.

Mt 9, 14-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, resqu lejn Ġesù id-dixxipli ta’ Ġwanni u qalulu: “Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”. Qalilhom Ġesù: “Huwa l-mistednin tal-għarus se jsewdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu