It-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

David u d-dar kollha ta’ Iżrael wasslu l-arka tal-Mulej b’għajjat ta’ ferħ.

2 Sam 6, 12b-15.17-19

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, David mar u talla’ l-arka ta’ Alla bil-ferħ mid-dar ta’ Għobed-edom għall-belt ta’ David. U malli r-reffiegħa tal-arka tal-Mulej imxew xi sitt passi, offra b’sagrifiċċju gendus u għoġol imsemmen. David, liebes efod tal-għażel, beda jiżfen b’ħiltu kollha quddiem il-Mulej. U hekk David u d-dar kollha ta’ Iżrael wasslu l-arka tal-Mulej b’għajjat ta’ ferħ u daqq tat-trombi.

 

Ġiebu l-arka tal-Mulej u qegħduha f’postha, fit-tinda li kien waqqaf għaliha David. David imbagħad offra sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem quddiem il-Mulej. Meta kien offra s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem, David bierek il-poplu b’isem il-Mulej tal-eżerċti; u qassam lill-poplu kollu, lill-kotra ta’ Iżrael, rġiel u nisa, ftira ħobż, biċċa laħam u ċappa żbib kull wieħed. U l-poplu kollu telaq, kulħadd lejn daru.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 23 (24), 7.8.9.10

 

R/. (8a): Il-Mulej hu s-Sultan tal-glorja

 

Intrefgħu, bibien,

infetħu, intom bibien ta’ dejjem,

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja! R/.

 

Min hu dan is-Sultan tal-glorja?

Hu l-Mulej setgħan u qawwi,

il-Mulej qawwi fit-taqbida. R/.

 

Intrefgħu, bibien,

infetħu, intom bibien ta’ dejjem,

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja! R/.

 

Min hu dan is-Sultan tal-glorja?

Hu l-Mulej tal-eżerċti:

dan hu s-Sultan tal-glorja! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 11, 25

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.

Mk 3, 31-35

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, ġew omm Ġesù u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejħulu. Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru. Qalulu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk”. U hu weġibhom: “Min huma ommi u ħuti?”. Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu