It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Alla ma’ dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem għall-ġid tagħhom.

Rum 8, 26-30

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla.

 

Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom. Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 12 (13), 4-5.6

 

R/. (6a): Jien fit-tieba tiegħek nittama, Mulej

 

Ħares u weġibni, Mulej,

Alla tiegħi, agħti d-dawl lil għajnejja,

li ma naqax fir-raqda tal-mewt;

li ma jgħidx l-għadu tiegħi: “Għelibtu!”,

li ma jifirħux l-għedewwa għax jarawni nogħtor. R/.

 

Imma jien fit-tieba tiegħek nittama,

tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek.

Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tess 2, 14

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla sejħilna permezz tal-Evanġelju,

biex ikollna sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla.

Lq 13, 22-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?.

 

U huwa weġibhom: Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu: “Mulej, iftħilna!. Iżda hu jweġibkom u jgħid: “Ma nafx mnejn intom”. Imbagħad taqbdu tgħidulu: “Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna”. Hu jwieġeb u jgħidilkom: “Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!.

 

Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ’l barra.

 

U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu