Is-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Jiena nsalva l-poplu tiegħi mil-Lvant u mill-Punent.

Żak 8, 1-8

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija

 

Ġiet il-kelma tal-Mulej tal-eżerċti u qalli:

Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti:

Jien għajjur fuq li għajjur għal Sijon,

għajjur għaliha b’korla liema bħalha.

 

Dan jgħid il-Mulej: Mill-ġdid indur lejn Sijon, u niġi ngħammar f’nofs Ġerusalemm. Imbagħad lil Ġerusalemm jibdew ixandruha bħalail-Belt il-fidila”, u l-muntanja tal-Mulej tal-eżerċti bħalail-Muntanja l-qaddisa”.

 

Dan jgħid il-Mulej: Il-pjazez ta’ Ġerusalemm għad jerġgħu joqogħdu fihom ix-xjuħ, irġiel u nisa, kulħadd bil-bastun f’idu minħabba t-tul ta’ għomru. U l-pjazez tal-belt jimtlew bi tfal subien u bniet, jilagħbu fil-wesgħat tagħha.

 

 Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: Jekk illum din hija ħaġa tal-għaġeb f’għajnejn fdal dan il-poplu, se tkun tal-għaġeb f’għajnejja wkoll? Oraklu tal-Mulej tal-eżerċti. Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: Ara, jiena nsalva l-poplu tiegħi mil-Lvant u mill-Punent, u nġibhom lura biex jgħammru f’nofs Ġerusalemm; u huma jkunu l-poplu tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, fidil u ġust”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 101 (102), 16-18.19-21.29 u 22-23

 

R/. (17): Il-Mulej bena lil Sijon, u deher fis-sebħ tiegħu

 

Ħa jkollhom il-ġnus il-biża’ ta’ ismek Mulej,

u s-slaten kollha tal-art il-biżatas-sebħ tiegħek,

meta l-Mulej jerġajibni lil Sijon,

u jidher fis-sebħ tiegħu.

U jisma’ t-talb tal-mitluqin,

ma jistmellx it-talb tagħhom. R/.

 

Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi,

u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.

Il-Mulej iħares ’l isfel mill-għoli tas-santwarju tiegħu,

u jittawwal mis-sema lejn l-art,

biex jisma’ l-krib tal-ilsiera,

biex jeħlesil dawk li huma għall-mewt. R/.

 

Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom darhom;

nisilhom jibqagħal dejjem quddiemek.

U hekk jixxandar f’Sijon isem il-Mulej,

u f’Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,

meta l-popli flimkien jinġemgħu,

u saltniet biex jaqdu l-Mulej. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 10, 45

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi,

imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir.

Lq 9, 46-50

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, qamet kwistjoni bejn id-dixxipli dwar min kien l-akbar fosthom. Ġesù għaraf x’kellhom f’moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu, u qalilhom: “Min jilqalil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqalili; u min jilqalili, ikun jilqalil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir”. Qabeż Ġwanni u qallu: “Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f’ismek, u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Imma Ġesù qallu: “La żżommuhx, għax min mhuwiex kontra tagħkom, huwa magħkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu