Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Alla għażel id-dgħajfa tad-dinja.

1 Kor 1, 26-31

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, araw x’intom, li Alla sejħilkom; għax mhumiex ħafna fostkom li huma għorrief skont il-qjies tad-dinja, mhumiex ħafna s-setgħana, mhumiex ħafna n-nobbli. Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejnil dawk li huma xi ħaġa. Hekk ebda bniedem ma jkun jista’ jiftaħar quddiem Alla.

 

Minnu li intom tinsabu fi Kristu Ġesù li sar għalina l-għerf mingħand Alla, ġustizzja, qdusija u fidwa, biex bħalma hu miktub,min jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 12-13.18-19.20-21

 

R/. (ara 12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu

 

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b’wirtu.

Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,

u jara l-bnedmin kollha. R/.

 

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tieba tiegħu,

Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Fih jinsab l-hena ta’ qalbna,

fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 13, 34

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej:

bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Int kont fidil fil-ftit; idħol fl-hena ta’ sidek.

Mt 25, 14-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal din il-parabbola lid-dixxipli tiegħu: Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skont il-ħila tiegħu. U siefer.

 

Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu.

 

Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. Qallu: “Sinjur, ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

 

Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

 

Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”.

 

Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti.

 

Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu