Is-Sbatax-il Ġimgħa
taż-Żmien ta’ Matul
is-Sena
It-Tlieta
Qari I
Il-Mulej kien ikellem lil Mosè
wiċċ imb wiċċ.
Eżodu 33, 7-11; 34, 5b-9.28
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, Mosè kien jieħu
tinda u jwaqqafha barra l-kamp, u ’l bogħod mill-kamp, u semmieha: “It-tinda tal-laqgħa”. Kull min kien ifittex il-Mulej, kien joħroġ lejn it-tinda tal-laqgħa, li kienet barra l-kamp.
Kull meta
Mosè kien joħroġ lejn it-tinda kien iqum
il-poplu kollu u kull wieħed kien joqgħod wieqaf quddiem it-tinda, u jħarsu lejn Mosè sa ma jidħol fit-tinda. Kull meta Mosè kien
jidħol fit-tinda kienet tinżel kolonna ta’ sħab, u tieqaf fil-bieb, u titkellem ma’ Mosè. Il-poplu kollu kien
jara din il-kolonna ta’ sħab wieqfa fil-bieb tat-tinda,
u kien iqum il-poplu kollu, u jmilu u jinżlu wiċċhom fl-art, kulħadd quddiem il-bieb tat-tinda tiegħu.
Il-Mulej
kien ikellem lil Mosè wiċċ
imb wiċċ, bħalma bniedem ikellem lil ħabibu;
imbagħad Mosè kien jerġa’ lura lejn il-kamp;
imma Ġożwè bin Nun,
żagħżugħ, ma kienx
joħroġ mit-tinda. Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba
u waqaf hemm maġenbu; u xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu
u għajjat: “Jahweh! Jahweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba
u l-fedeltà. Iħares
it-tieba għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija; imma ma jħalli xejn għaddej; jikkastiga l-ħażen tal-missirijiet f’uliedhom u f’ulied uliedhom sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni”.
Mosè minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art, ta qima u qal: “Jekk jien tassew sibt ħniena
quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna,
nitolbok; għax dan hu
poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunietna u ħtijietna,
u ħudna b’wirt għalik”. Mosè baqa’ mal-Mulej erbgħin jum u erbgħin lejl, mingħajr ma kiel ħobż
jew xorob ilma. U kiteb fuq
it-twavel il-kliem tal-patt, l-għaxar kelmiet.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 102 (103), 6-7.8-9.10-11.12-13
R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej
Il-Mulej
jagħmel is-sewwa,
u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.
Hu għarraf
lil Mosè l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel
tiegħu lil ulied Iżrael. R/.
Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Ma joqgħodx
jitlewwem magħna,
u anqas jinkorla għal dejjem. R/.
Ma mexiex
magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna.
Daqskemm huma s-smewwiet ’il
fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu. R/.
Daqs kemm hu
mbiegħed il-Lvant
mill-Punent,
hekk hu jbiegħed
minna ħtijietna.
Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,
hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
dak li jiżra’ ż-żerriegħa huwa Kristu:
kull min isibu, għandu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem
id-dinja.
Mt 13, 36-43
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa”. U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa
t-tajba huwa Bin il-bniedem. L-għalqa
hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba
huma wlied is-Saltna; is-sikrana
huma wlied il-Ħażin, u l-għadu
li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli. Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir
fi tmiem id-dinja.
Bin il-bniedem jibgħat
l-anġli tiegħu, u
huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kulma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa
tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki
u t-tgħażżiż tas-snien. Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma’!”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu