Is-Seba Ġimgħa tal-Għid

L-Erbgħa

 

Qari I

Nitlaqkom f’idejn Alla u l-kelma tal-grazzja tiegħu li għandha l-qawwa li tibnikom.

Atti 20, 28-38

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pawlu qal lill-presbiteri tal-Knisja ta’ Efesu: Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-Knisja ta’ Alla li hu kiseb b’demmu stess.

 

Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-merħla ma jaħfruhilhiex. U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawru d-dixxipli għal warajhom. Għalhekk iftħu għajnejkom, ftakru kif għal tliet snin sħaħ, lejl u nhar, qatt ma waqaft inwissi bid-dmugħ f’għajnejja lil kull wieħed minnkom.

 

U issa nitlaqkom f’idejn Alla u l-kelma tal-grazzja tiegħu, dik il-kelma li għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom fost dawk li huma kkonsagrati lilu. Fidda, deheb u lbies ta’ ħaddieħor qatt ma xtaqthom. Intom stess tafu li kienu dawn idejja li ħadmu għall-ħtiġiet tiegħi u ta’ sħabi. F’kollox urejtkom li b’xogħol iebes bħal dan tagħna għandna nieħdu ħsieb ngħinu lil min hu fil-bżonn, waqt li niftakru fi kliem il-Mulej Ġesù li qal: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu!”.

 

Kif temm jgħid dan, niżel għarkupptejh jitlob magħhom ilkoll. Imbagħad infexxew ilkoll f’bikja kbira u bdew jgħannqu lil Pawlu u jbusuh. L-aktar li ħassew għax qalilhom li qatt aktar ma kienu se jerġgħu jaraw wiċċu. Imbagħad wassluh sal-ġifen.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 67 (68), 29-30.33-35a.35b-36ċ

 

R/. (33a): Slaten tal-art, għannu lil Alla

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Ibgħat, o Alla, il-qawwa tiegħek,

wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina.

Lejn it-tempju tiegħek f’Ġerusalemm,

għalik is-slaten iġibu l-għotjiet. R/.

 

Slaten tal-art, għannu lil Alla,

faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej:

lil dak li jirkeb fuq is-smewwiet, fuq is-smewwiet ta’ dejjem.

Arawh! Se jsamma’ leħnu, leħen qawwi:

Agħrfu l-qawwa ta’ Alla! R/.

 

Fuq Iżrael il-kobor tiegħu;

fis-smewwiet il-qawwa tiegħu.

Tal-biża’ Alla fis-santwarju tiegħu!

Hu Alla ta’ Iżrael, li jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 17, 17b.a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Kelma tiegħek, Mulej, hi l-verità:

qaddisna permezz tal-verità.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħa jkunu ħaġa waħda bħalna.

Ġw 17, 11b-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù rafa’ għajnejh lejn is-sema talab u qal:Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna. Kemm domt magħhom, jiena ħaristhom fl-isem tiegħek, l-isem li tajtni. U jiena ħadt ħsiebhom, u ħadd minnhom ma ntilef ħlief bin it-telfien, biex isseħħ l-Iskrittura. Imma issa jiena ġej għandek, u qiegħed ngħid dan, kif għadni fid-dinja, biex huma jkollhom fihom il-ferħ sħiħ tiegħi. Jiena tajthom il-kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma mhumiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja.

 

Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin. Huma mhumiex tad-dinja bħalma jiena m’iniex tad-dinja. Qaddishom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità. Kif inti bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid-dinja. U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal-verità”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu