Ir-Raba’ Ġimgħa tal-Għid
It-Tlieta
Qari I
Bdew ikellmu wkoll lill-Griegi u jxandrulhom l-Evanġelju tal-Mulej Ġesù.
Atti 11, 19-26
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak
iż-żmien, dawk li
kienu xterdu minħabba l-persekuzzjoni li kienet
qamet minħabba Stiefnu waslu sal-Feniċja,
sa Ċipru
u sa
Antjokja,
u ma kienu jxandru l-kelma lil ħadd
ħlief lil-Lhud biss. Imma
xi wħud minnhom kienu minn
Ċipru u minn Ċireni, u dawn, meta ġew Antjokja, bdew ikellmu wkoll lill-Griegi
u jxandrulhom l-Evanġelju tal-Mulej Ġesù. U id il-Mulej kienet magħhom, u kbir kien
l-għadd ta’ dawk li emmnu u daru lejn
il-Mulej. L-aħbar ta’ dan waslet f’widnejn
il-Knisja ta’ Ġerusalemm,
u għalhekk
bagħtu lil Barnaba sa Antjokja.
Meta dan wasal u ra l-grazzja ta’ Alla, feraħ u beda
jħeġġiġhom biex
jibqgħu b’rieda sħiħa magħqudin
fil-Mulej. Għax hu kien raġel
tajjeb, mimli bl-Ispirtu
s-Santu u bil-fidi. U ġemgħa kbira ta’ nies ingħaqdet mal-Mulej. Imbagħad
Barnaba telaq lejn Tarsu jfittex lil
Sawl, u, meta sabu, ħadu Antjokja. Għaddew sena sħiħa flimkien fil-Knisja, u għallmu kotra
kbira ta’ nies. Kien f’Antjokja li d-dixxipli għall-ewwel darba sejħulhom ‘Kristjani’.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 86 (87), 1-3.4-5.6-7
R/. (Salm 116 (117), 1a):
Faħħru l-Mulej, intom ġnus
kollha
jew:
Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Il-Mulej bena ’l Sijon fuq
l-għoljiet imqaddsa;
hu
jħobb il-bibien tagħha
aktar
mill-għamajjar kollha
ta’ Ġakobb.
O belt ta’ Alla,
ħwejjeġ
sbieħ hu jgħid fuqek! R/.
Ngħodd
’il Raħab u ’l Babilonja
ma’
dawk li jagħrfuni.
Araw,
in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja,
dawn
twieldu hemm!
U għal Sijon jingħad:
“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!
U Alla l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha”. R/.
Jikteb
il-Mulej fil-ktieb tal-popli:
“Dan twieled hemm”.
U jgħannu, huma u jiżfnu,
dawk
kollha li jgħammru fik. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10, 27
Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;
u
jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jien u l-Missier
aħna ħaġa waħda.
Ġw 10, 22-30
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’Ġerusalemm
ħabtet il-festa tal-Konsagrazzjoni tat-tempju. Kienet
ix-xitwa, u Ġesù kien miexi minn
naħa għal oħra tat-tempju, fil-loġġa
ta’ Salamun. Il-Lhud daru miegħu u qalulu: “Kemm se ddum
taqlgħalna ruħna?
Jekk inti l-Messija għidilna ċar u tond”.
Weġibhom
Ġesù: “Għedtilkom
u intom ma temmnux. L-għemejjel li nagħmel
jien f’isem Missieri jixhdu għalija. Iżda intom ma temmnux għax
m’intomx min-nagħaġ
tiegħi. In-nagħaġ
tiegħi jisimgħu leħni,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja
ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja
ma jaħtafhomli
ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd
ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna
ħaġa
waħda”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu