It-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes.

Lhud 10, 11-18

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, kull qassis ieħor imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu, u joffri u jerġajoffri l-istess sagrifiċċju, bla ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet. Imma Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla, fejn qiegħed jistenna sa mal-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh. Għax hu b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes.

 

Dan jixhdulna l-Ispirtu s-Santu nnifsu, għax wara li qal:

“Dan hu l-patt li jien għad nagħmel magħhom

wara dawk il-jiem, jgħid il-Mulej:

Inqiegħed il-liġijiet tiegħi f’qalbhom

u f’moħħom niktibhom”.

 

Qal ukoll: “Dnubiethom u ħtijiethom ma niftakarhomx aktar”.

 

Issa, fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet, ma hemmx għalfejn issir aktar l-offerta għad-dnubiet.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 109 (110), 1.2.3.4

 

R/. (4bċ): Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi:

Oqgħod fuq leminti,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek

mirfes taħt riġlejk”. R/.

 

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon:

aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek! R/.

 

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa,

sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek. R/.

 

Ħalef il-Mulej,

u ma jisgħobx bih:

“Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mk 9, 7

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,

il-bidwi hu Kristu:

min isib lilu, għandu l-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-bidwi ħareġ jiżra’.

Mk 4, 1-20

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù raġabeda jgħallem ħdejn il-baħar, u nġabret madwaru kotra kbira, hekk li kellu jitlabilqiegħda f’dgħajsa fuq il-baħar, u n-nies kollha l-art matul ix-xatt. U qagħad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ bil-parabboli, u fit-tagħlim tiegħu qalilhom: “Isimgħu. Darba kien hemm bidwi u ħareġ jiżra’. Ġara li hu u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu fil-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; meta mbagħad telgħet ix-xemx, inħarqu u nixfu, billi ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk u x-xewk kiber u ħanaqhom, u frott ma għamlux. Oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott; u l-frott kiber u tkattar, u min għamel tletin, min sittin, u min mija”. U qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”.

 

Meta kien waħdu, dawk ta’ madwaru flimkien mat-Tnax resqu jitolbuh ifissrilhom il-parabboli. U hu qalilhom: “Lilkom ingħata l-misteru tas-Saltna ta’ Alla, imma l-oħrajn, li huma barra, ikollhom kollox bil-parabboli, ħalli jħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux, li ma jbiddlux ħajjithom u jaqilgħu l-maħfra”.

 

U qalilhom: “Din il-parabbola m’intomx tifhmuha? Mela kif se tifhmu l-parabboli l-oħra kollha? Dak li l-bidwi jiżrahija l-Kelma. Dawk ta’ matul il-mogħdija, fejn inżergħet il-Kelma, huma dawk li malli jisimgħuha, jersaq ix-Xitan u jaħtfilhom il-Kelma li nżergħet f’qalbhom. Dawk li jinżergħu f’art kollha blat huma dawk li meta jisimgħu l-Kelma, minnufih jilqgħuha bil-ferħ, imma għeruq ma jkollhomx, u għalhekk ftit idumu; meta mbagħad jiġi fuqhom l-għawġ, jew isibu min iħabbathom minħabba l-Kelma, malajr jitfixklu. L-oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu l-Kelma, iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja, ir-rabta mal-ġid tal-art, u l-ġibda għal ħwejjeġ oħra, jidħlu fihom u joħonqulhom il-Kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dawk imbagħad li jinżergħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-Kelma, jilqgħuha, u jagħmlu l-frott, min tletin, min sittin u min mija”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu