26 ta’ Diċembru

San Stiefnu, l-Ewwel Martri

Festa

 

Qari I

Atti 6: 8-10; 7:54-59

 

Qari mill-Atti tal-Appostli.

 

F’dak iż-żmien: Stiefnu, bniedem kollu grazzja u qawwa, kien jagħmel mirakli u sinjali kbar fost il-poplu. Imbagħad xi wħud minn tas-Sinagoga, imsejħa s-Sinagoga tal-Ħielsa, u oħrajn minn Ċirene, minn Lixandra, miċ-Ċiliċja u mill-Asja, qamu jeħduha kontra tiegħu. Imma ma setgħux jiqfulu minħabba l-għerf u l-ispirtu li bihom kien jitkellem. 

 

Meta semgħuh jitkellem, qalbhom ittieklet u bdew jgħażżu snienhom kontra tiegħu. Imma Stiefnu, mimli bl-Ispirtu s-Santu u b’għajnejh fis-sema, ra s-sebħ ta’ Alla u lil Ġesù wieqaf in-naħa tal-lemin ta’ Alla. U qal: “Ara, qiegħed nara s-sema miftuħ u lil Bin il-bniedem wieqaf fil-lemin ta’ Alla”. 

 

U huma bdew jgħajtu kemm jifilħu u jsoddu widnejhom. Imbagħad intefgħu fuqu f’daqqa waħda, kaxkruh ’il barra mill-belt u qabdu jħaġġruh. Ix-xhieda qiegħdu ħwejjiġhom ħdejn wieħed żagħżugħ jismu Sawl. Waqt li kienu jħaġġru lil Stiefnu, dan talab u qal: “Mulej Ġesù, ilqa’ r-ruħ tiegħi”. Imbagħad niżel għarkopptejh u għajjat b’leħen għoli: “Mulej, tqishulhomx dan id-dnub”. U kif qal hekk, miet.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 30: 3cd-4.6ab.7b.8a.16

 

R/. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi!

 

Kun blata tal-kenn għalija,

fortizza qawwija li ssalvani.

Tassew blata tiegħi u fortizza tiegħi int;

f’ġieħ ismek, mexxini u wassalni. R/.

 

F’idejk jien nerħi ruħi;

int ħlistni, Mulej, Alla veru.

Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek,

int, li rajt il-hemm tiegħi. R/.

 

Eħlisni minn id l-għedewwa

u minn id dawk li jeħduha kontrija.

Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek;

fit-tjieba tiegħek eħlisni. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 117: 26

 

R/. Hallelujah.

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!

Il-Mulej hu Alla, hu jdawwalna. 

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Mt 10: 17-22

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Oqogħdu attenti mill-bniedem! Għax għad jerħukom f’idejn il-qrati u jagħtukom is-swat fis-sinagogi tagħhom; itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-pagani. Iżda meta jerħukom f’idejhom, tinkwetawx ruħkom kif sa titkellmu jew x’sa tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu. 

 

Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom. L-aħwa jwasslu ’l xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt. U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi; imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek Kristu.