L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Qiegħed nara bħal iben ta’ bniedem, ġej mis-sħab tas-sema.

Dan 7, 2-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

 

Jien, Danjel, kont qiegħed inħares f’dehra li kelli billejl, u ara, l-erbat irjieħ tas-sema bdew iqanqlu l-baħar il-kbir; u mill-baħar ħarġu erbabhejjem kbar, waħda mhijiex bħall-oħra. L-ewwel waħda kienet qisha ljun bil-ġwienaħ ta’ ajkla. Jiena u nħares, ġwenħajha nqalgħulha; intrefgħet mill-art, waqqfuha fuq riġlejha bħal bniedem, u tawha qalb ta’ bniedem. U ara, kien hemm bhima oħra, it-tieni waħda, qisha ors, u waqqfuha fuq ġenb wieħed; f’ħalqha, bejn snienha, kellha tliet kustilji, u qalulha: “Qum, kul laħam kemm trid”.

 

Imbagħad ħarist, u ara, kien hemm oħra, qisha ljupard b’erba ġwienaħ ta’ tajra fuq dahru; din il-bhima kellha erbat irjus, u tawha setgħa kbira. Wara dan ħarist fl-istess dehriet li kelli billejl, u ara, kien hemm ir-rabawaħda, bhima tal-biża’ u twerwrek, ta’ saħħa tal-għaġeb, bi snien kbar tal-ħadid; bdiet tiekol u tfarrak, u tgħaffeġ il-fdal taħt saqajha. Din kellha għaxart iqrun, u ma kinitx bħall-bhejjem l-oħra ta’ qabilha.

 

Qgħadt inħares sewwa lejn il-qrun, u ara f’nofshom nibet qarn ieħor żgħir; tlieta mill-qrun l-oħra nqalgħu minn għeruqhom quddiem dan il-qarn li kellu għajnejn bħal ta’ bniedem u fommu jlablab ħafna kliem arroganti.

 

Kont għadni qiegħed inħares,

meta tqiegħdu xi tronijiet,

u wieħed Xiħ fl-għomor qagħad bilqiegħda;

ilbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf;

ilsna tan-nar it-tron tiegħu,

nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu;

xmara ta’ nar kienet għaddejja,

ħierġa minn quddiemu;

eluf ta’ eluf kienu jaqduh,

u għaxart elef ta’ għaxriet ta’ eluf wieqfa quddiemu.

Il-Qorti qagħdet bilqiegħda, u l-kotba nfetħu.

 

Jien bqajt inħares; imbagħad, minħabba l-għajjat u l-kliem arroganti li kien qiegħed jgħid il-qarn, waqt li kont inħares, lill-bhima qatluha, u ġisimha qerduh u tawh għan-nar. Lill-bhejjem l-oħra neħħewlhom setgħethom, iżda lilhom ħallewhom ħajjin sa ma jaslulhom il-ħin u l-waqt.

 

U billejl deherli qiegħed nara bħal iben ta’ bniedem,

ġej mis-sħab tas-sema,

li baqasejjer sax-Xiħ fl-għomor u ressquh quddiemu.

U tawh ħakma, ġieħ, u saltna,

biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.

Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix,

u saltnatu li ma tinqeridx.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Dan 3, 75.76.77.78.79.80.81

 

R/. (59b): Faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem

 

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej.

Bierku, kulma jinbet fl-art, il-Mulej. R/.

 

Bierku, għejun il-Mulej.

Bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej. R/.

 

Bierku, ħut kbir u kulma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej.

Bierku, tjur kollha tal-ajru, il-Mulej. R/.

 

Bierku, bhejjem selvaġġi u mansi kollha, il-Mulej,

faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 21, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Qawwu qalbkom u erfgħu raskom,

għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib.

Lq 21, 29-33

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola:Ħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra. Malli tarawhom jarmu, intom stess tintebħu li s-sajf diġà fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu