It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien
ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta
Qari I
Il-ħlejjaq kollha
qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla.
Rum 8, 18-25
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Għeżież, jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu
mal-glorja li għad trid tidher fina. Il-ħlejjaq kollha
qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla; għax il-ħolqien
jinsab taħt il-frugħa – mhux minn rajh,
imma minħabba Alla li xeħtu taħtha – bit-tama
li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla.
Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss,
imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt
li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna. Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara
l-ħwejjeġ li jkun
ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista’ wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? Imma
dak li qegħdin nittamaw, jekk
m’aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 125 (126) 1-2ab.2ċd-3.4-5.6
R/. (3a): Kbir f’għemilu
l-Mulej magħna!
Meta l-Mulej reġġa’
lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajjat ta’ ferħ ilsienna. R/.
Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’għemilu
l-Mulej magħhom”.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ
imtlejna. R/.
Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.
Huma u sejrin, imorru
jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura,
jiġu b’għana ta’ ferħ,
iġorru l-qatet f’idejhom. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn
il-ħwejjeġ tas-Saltna
wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Iż-żerriegħa kibret u saret siġra.
Lq 13, 18-21
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Lil xiex tixbah is-Saltna ta’ Alla, u ma’ xiex se nxebbhuha? Tixbah lil
żerriegħa tal-mustarda
li wieħed raġel qabad u żeragħha
fil-ġnien tiegħu,
u mbagħad kibret u saret siġra, u l-għasafar tal-ajru marru jbejtu fil-friegħi tagħha”. U reġa’ qalilhom:
“Ma’ xiex se nxebbahha s-Saltna ta’ Alla? Tixbah lil ftit ħmira
li waħda mara qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu