Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek, qabel ma t-trab jerġa’ jmur fl-art mnejn ġie, u n-nifs tal-ħajja jitlaq lejn Alla.

Koħ 11, 9 – 12, 8

 

Qari mill-Ktieb ta’ Koħèlet

 

Thenna, o żagħżugħ, fir-rebbiegħa ta’ ħajtek,

u ħa tkun ferħana qalbek f’jiem żgħożitek.

Imxi wara t-taħbit ta’ qalbek,

u wara l-għaxqa ta’ għajnejk.

Iżda kun af li ta’ dan kollu jitolbok kont Alla fil-ħaqq tiegħu.

Ħarrab ukoll minn moħħok it-tħassib,

u żomm il-ħsara ’l bogħod minn ġismek;

għax it-tfulija u ż-żgħożija buffura riħ.

Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek

qabel ma jaslu jiem in-niket,

u joqorbu s-snin li tgħid għalihom:

“Xejn ma jogħġbuni”;

qabel ma jiddallmu x-xemx u d-dawl,

u l-qamar u l-kwiekeb,

u s-sħab jerġa’ jidher wara x-xita;

meta dawk li jgħassu d-dar jibdew jitriegħdu,

meta l-qalbenin jitgħawġu,

u jieqfu dawk li jitħnu, għax jonqsu fl-għadd,

u jiddallmu dawk li jħarsu ’l barra mit-tieqa;

meta l-bibien jingħalqu fuq it-triq,

u l-ħoss tal-mitħna jonqos,

u l-għana tal-għasfur jintefa,

u kull għana jieqaf;

meta kull telgħa tbażża’,

u t-triq issir tkexkix,

meta s-siġra tal-lewż tarmi ż-żahar,

u l-ġrad jitqal fil-mixi;

u l-kappara titlef gostha,

għax il-bniedem imur id-dar tiegħu ta’ dejjem,

u l-bekkejja jiġġerrew mat-toroq;

qabel ma l-ħajta tal-fidda tinqata’,

u l-musbieħ tad-deheb jitfarrak;

qabel ma l-ġarra fuq l-għajn tinkiser,

u t-tarjola fuq il-bir tinqasam;

u t-trab jerġa’ jmur fl-art mnejn ġie,

u n-nifs tal-ħajja jitlaq lejn Alla, minn fejn ġie.

O frugħa tal-frugħat, jgħid Koħèlet,

kollox frugħa.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 89 (90), 3-4.5-6.12-13.14 u 17

 

R/. (1): Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel

 

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,

u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”

Elf sena huma għalik bħal jum tal-bieraħ li għadda,

jew bħal sahra tal-lejl. R/.

 

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.

Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;

filgħodu jwarrad u jħaddar,

filgħaxija jidbiel u jinxef. R/.

 

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek. R/.

 

Imliena kmieni bit-tieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!

Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,

wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,

u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin. Huma beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

Lq 9, 43b-45

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, waqt li kulħadd kien imnixxef bil-għaġeb quddiem il-kobor liema bħalu ta’ Alla, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa’ mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu